Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 14

Qed twettaq bis-sħiħ is-servizz tiegħek lil Alla?

Qed twettaq bis-sħiħ is-servizz tiegħek lil Alla?

“Ibqaʼ . . . agħmel ix-​xogħol taʼ evanġelizzatur, wettaq bis-​sħiħ il-​ministeru tiegħek.”—2 TIM. 4:5.

GĦANJA 57 Nippritkaw lil kull xorta taʼ bnedmin

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù ltaqaʼ mad-dixxipli tiegħu u kmandahom ‘imorru u jagħml u dixxipli’ (Ara paragrafu 1)

1. Il-​qaddejja leali t’Alla kollha xi jridu jagħmlu, u għala? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

KRISTU ĠESÙ kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex ‘imorru u jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.’ (Mt. 28:19) Il-​qaddejja leali t’Alla kollha jridu jitgħallmu kif jistgħu ‘jwettqu bis-​sħiħ’ dan il-​ministeru li ngħataw jagħmlu. (2 Tim. 4:5) Wara kollox, dan ix-​xogħol hu iktar importanti, iktar taʼ benefiċċju, u iktar urġenti minn kull xogħol ieħor fil-​ħajja. Madankollu, jistaʼ jkun diffiċli li nqattgħu ħin kemm nixtiequ fl-​ippritkar.

2. Xi sfidi niffaċċjaw f’li nwettqu bis-​sħiħ is-​servizz tagħna lil Alla?

2 Hemm attivitajiet importanti oħra li jieħdu mill-​ħin u l-​enerġija tagħna. Forsi jkollna naħdmu għal ħafna sigħat kuljum biex nipprovdu l-​bżonnijiet tal-​ħajja għalina u għall-​familja tagħna. Jistaʼ jkun li qed nissieltu biex nieħdu ħsieb responsabbiltajiet oħra tal-​familja, jew nistgħu nkunu morda, dipressi, jew għandna l-​problemi li jiġu bix-​xjuħija. Kif nistgħu nwettqu bis-​sħiħ is-​servizz tagħna lil Alla meta ngħaddu minn ċirkustanzi diffiċli bħal dawn?

3. X’nistgħu nikkonkludu minn kliem Ġesù li nsibu f’​Mattew 13:23?

3 Jekk iċ-​ċirkustanzi tagħna jillimitawlna l-​ħin li nistgħu nużaw fis-​servizz taʼ Ġeħova, m’għandniex inħossuna skuraġġiti. Ġesù kien jaf li mhux kulħadd setaʼ jipproduċi l-​istess ammont taʼ frott tas-​Saltna. (Aqra Mattew 13:23.) Ġeħova japprezza ħafna kulma nagħmlu fis-​servizz tiegħu sakemm qed nagħmlu l-​aħjar li nistgħu. (Ebr. 6:10-12) Min-​naħa l-​oħra, nistgħu nħossu li ċ-​ċirkustanzi tagħna jippermettulna nagħmlu iżjed. F’dan l-​artiklu, se neżaminaw kif nistgħu npoġġu l-​ministeru tagħna fl-​ewwel post, kif inżommu ħajja sempliċi, u kif nistgħu ntejbu l-​abbiltà tagħna tal-​ippritkar u t-​tagħlim. Imma l-​ewwel, xi jfisser li nwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna?

4. Xi jfisser li nwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna?

 4 Fi kliem sempliċi, biex inwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna, għandu jkollna sehem sħiħ kemm nistgħu fix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim. Dan ma jirreferix biss għall-​ammont taʼ ħin. Il-​mottiv tagħna hu importanti għal Ġeħova. Peress li nħobbu lil Ġeħova u l-​proxxmu tagħna, aħna naħdmu b’ruħna kollha fis-​servizz tagħna lil Alla. * (Mk. 12:30, 31; Kol. 3:23) Li naqdu ’l Alla b’ruħna kollha jfisser li nagħtu minna nfusna, jiġifieri nużaw is-​saħħa u l-​enerġija tagħna bl-​aħjar mod li nistgħu fis-​servizz tiegħu. Meta napprezzaw il-​privileġġ tal-​ippritkar, aħna nipprovaw naqsmu l-​aħbar tajba maʼ kemm jistaʼ jkun nies.

5-6. Uri kif persuna b’ħin limitat tistaʼ tagħmel l-​ippritkar l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitha.

5 Immaġina żagħżugħ li jħobb idoqq il-​kitarra. Hu jieħu gost idoqq kull meta jistaʼ. Fl-​aħħar isib xogħol bħala kitarrista f’restorant fi tmiem il-​ġimgħa. Biss, ma jaqlax flus biżżejjed għall-​ispejjeż tiegħu. Allura jsib xogħol bħala kaxxier f’ħanut tal-​growser mit-​Tnejn sal-​Ġimgħa. Għalkemm iqattaʼ ħafna mill-​ħin tiegħu f’dal-​ħanut, qalbu miġbuda wisq lejn il-​mużika. Jixtieq ħafna jtejjeb l-​abbiltà tiegħu biex ikun mużiċist full-​time. Xorta waħda, jieħu pjaċir idoqq f’kull opportunità li jkollu, żgħira kemm hi żgħira.

6 B’mod simili, int forsi limitat fl-​ammont taʼ ħin li tistaʼ tuża għall-​ippritkar. Madankollu, dan hu li tħobb tagħmel u tipprova ttejjeb l-​abbiltà tiegħek biex tilħaq qalb in-​nies bl-​aħbar tajba. Bil-​ħafna affarijiet li trid tlaħħaq magħhom, int forsi ma taħsibx li tistaʼ tagħmel l-​ippritkar l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtek.

KIF TAGĦMEL IL-​MINISTERU L-​PRIJORITÀ TIEGĦEK

7-8. Aħna kif nistgħu nimitaw l-​attitudni taʼ Ġesù lejn il-​ministeru?

7 Ġesù tana eżempju li jispikka bl-​attitudni tiegħu lejn il-​ministeru. L-​iktar ħaġa  importanti f’ħajtu kienet li jitkellem dwar is-​Saltna t’Alla. (Ġw. 4:34, 35) Mexa mijiet taʼ kilometri biex jipprietka lil kemm jistaʼ jkun nies. Ħataf kull opportunità biex ikellimhom kemm f’postijiet pubbliċi kif ukoll fi djarhom. Kulma Ġesù għamel f’ħajtu appoġġja l-​ministeru.

8 Aħna nistgħu nimitaw lil Kristu billi noħolqu opportunitajiet biex nitkellmu dwar l-​aħbar tajba kull meta u kull fejn hu possibbli. Aħna lesti li nċedu kumdità personali sabiex nippritkaw. (Mk. 6:31-34; 1 Pt. 2:21) Uħud fil-​kongregazzjoni jistgħu jaqdu bħala pijunieri speċjali, regolari, jew awżiljarji. Oħrajn tgħallmu lingwa oħra jew marru joqogħdu f’post fejn hemm bżonn taʼ iktar predikaturi. Madankollu, ħafna mix-​xogħol tal-​ippritkar isir minn pubblikaturi li ma jistgħux jagħmlu dawn l-​affarijiet imma xorta jagħmlu l-​aħjar li jistgħu. Ikun xi jkun il-​każ, Ġeħova ma jitlobx minna iktar milli nistgħu nagħtu. Hu jridna lkoll ingawdu s-​servizz tagħna lejh waqt li niddikjaraw “l-​aħbar tajba u glorjuża taʼ l-​Alla l-​hieni.”—1 Tim. 1:11; Dt. 30:11.

9. (a) Pawlu kif ta prijorità lix-​xogħol tal-​ippritkar anke meta kellu jagħmel xogħol sekulari? (b) Atti 28:16, 30, 31 x’jurina dwar l-​attitudni taʼ Pawlu lejn il-​ministeru tiegħu?

9 L-​appostlu Pawlu kien taʼ eżempju f’li jagħti prijorità lix-​xogħol tal-​ippritkar f’ħajtu. Meta kien Korintu fit-​tieni vjaġġ missjunarju tiegħu, hu kien nieqes mill-​flus u kellu jaħdem għal xi żmien jagħmel it-​tined. Madankollu, dan ix-​xogħol ma kienx l-​iktar ħaġa importanti għalih. Hu għamlu biex jappoġġja lilu nnifsu fil-​ministeru ħalli jkun jistaʼ jipprietka l-​aħbar tajba u ma jkunx taʼ piż għall-​Korintin. (2 Kor. 11:7) Għalkemm Pawlu kellu jagħmel xi xogħol sekulari, hu kompla jagħti prijorità lill-​ministeru, u pprietka f’kull Sabat. Wara li ċ-​ċirkustanzi tiegħu tjiebu, Pawlu setaʼ jagħti iktar attenzjoni lill-​ippritkar. Hu “beda jkun okkupat bis-​sħiħ bix-​xandir tal-​kelma, jagħti xiehda lil-​Lhud biex juri li Ġesù hu l-​Kristu.” (Atti 18:3-​5; 2 Kor. 11:9) Iktar tard, meta kien Ruma arrestat f’daru għal sentejn, Pawlu ta xhieda lil viżitaturi u kiteb ittri. (Aqra Atti 28:16, 30, 31.) Pawlu kien determinat biex ma jħalli xejn itellfu mill-​ministeru tiegħu. Hu kiteb: “Ladarba għandna dan il-​ministeru . . . , ma naqtgħux qalbna.” (2 Kor. 4:1) Bħal Pawlu, anke jekk ikollna naħdmu b’mod sekulari, aħna xorta nistgħu nagħmlu x-​xogħol tas-​Saltna l-​iktar attività importanti fil-​ħajja.

Hemm ħafna modi kif nistgħu nwettqu bis-sħiħ il-ministeru tagħna (Ara paragrafi 10-11)

10-11. Aħna kif nistgħu nwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna jekk ikollna problemi taʼ saħħa?

10 Jekk ma nistgħux nippritkaw minn bieb għal bieb daqskemm nixtiequ għax qed nikbru fiż-​żmien jew għax m’aħniex f’saħħitna, aħna nistgħu nippritkaw b’modi oħra. Il-​Kristjani tal-​bidu ppritkaw lin-​nies kull fejn setgħu jsibuhom. Ħadu vantaġġ minn kull opportunità biex jitkellmu dwar il-​verità—minn dar għal dar, pubblikament, u informalment—kull fejn in-​nies ‘inzertaw qegħdin.’ (Atti 17:17; 20:20) Jekk ma nistgħux nimxu ħafna, forsi nistgħu noqogħdu bilqiegħda f’post pubbliku fejn nistgħu nippritkaw lil min ikun għaddej. Jew forsi nkunu nistgħu nagħtu xhieda informalment kif ukoll bit-​telefown, jew niktbu l-​ittri. Ħafna pubblikaturi b’limitazzjonijiet kbar jesperjenzaw ħafna ferħ u sodisfazzjon f’dawn l-​aspetti oħra tal-​ippritkar.

11 Minkejja problemi taʼ saħħa, int tistaʼ twettaq bis-​sħiħ il-​ministeru tiegħek. Erġaʼ kkunsidra l-​eżempju tal-​appostlu Pawlu. Hu qal: “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.” (Flp. 4:13) Pawlu kellu bżonn dik il-​qawwa  meta marad f’wieħed mill-​vjaġġi missjunarji tiegħu. Hu spjega lill-​Galatin: “Kien għax kont marid fiżikament li xandartilkom l-​aħbar tajba l-​ewwel darba.” (Gal. 4:13) Bl-​istess mod, il-​problemi taʼ saħħa jistgħu jagħtuk opportunitajiet biex tipprietka l-​aħbar tajba lil oħrajn, bħat-​tobba, l-​infermiera, u dawk li jieħdu ħsiebek. Ħafna minn dawn il-​ħaddiema jkunu għax-​xogħol meta l-​pubblikaturi jħabbtulhom il-​bieb.

KIF IŻŻOMM ĦAJTEK SEMPLIĊI

12. Xi jfisser li żżomm għajnek “sempliċi”?

12 Ġesù qal: “L-​għajn hi l-​musbieħ tal-​ġisem. Jekk, mela, għajnek tkun sempliċi, ġismek kollu jkun jiddi.” (Mt. 6:22) X’ried ifisser? Hu ried jgħid li jeħtieġ li nżommu ħajjitna sempliċi jew iffokata fuq mira waħda mingħajr ma nħallu xejn jaljenana jew jiżvijana minnha. Ġesù stess tana l-​eżempju billi ffoka ħajtu fuq il-​ministeru, u għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jibqgħu ffokati fuq li jaqdu lil Ġeħova u fuq is-​Saltna Tiegħu. Aħna nimitaw lil Ġesù billi ngħixu ħajja li tkun iffokata fuq il-​ministeru Kristjan, billi ‘nfittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa t’Alla.’—Mt. 6:33.

13. X’jistaʼ jgħinna niffokaw fuq il-​ministeru Kristjan tagħna?

13 Mod wieħed kif niffokaw fuq il-​ministeru tagħna hu billi nissimplifikaw ħajjitna biex inkunu nistgħu nużaw iżjed ħin ngħinu lil oħrajn isiru jafu u jħobbu lil Ġeħova. * Pereżempju, nistgħu aħna naġġustaw  is-​sigħat tax-​xogħol biex inkunu nistgħu nużaw iżjed ħin fil-​ministeru matul il-​ġimgħa? Nistgħu nnaqqsu ftit mill-​attivitajiet taʼ rikreazzjoni li jistgħu jiħdulna ħafna ħin?

14. X’aġġustamenti għamlet koppja sabiex ikollhom iktar ħin għall-​ministeru u jagħtuh iktar attenzjoni?

14 Hekk għamlu anzjan jismu Elias u martu. Hu jispjega: “Ma stajniex inkunu pijunieri dak iż-​żmien, imma kellna nibdew minn xi mkien. Allura bdejna bi ftit passi żgħar biex jgħinuna nżidu l-​ħin tagħna fil-​ministeru. Pereżempju, qtajna mill-​ispejjeż, naqqasna mill-​attivitajiet taʼ rikreazzjoni li issa nqisuhom żejda, u tlabna lill-​imgħallmin tagħna jagħtuna skeda iktar flessibbli. B’hekk, stajna nipparteċipaw fl-​għoti taʼ xhieda filgħaxijiet, nikkonduċu iktar studji tal-​Bibbja, u saħansitra darbtejn fix-​xahar nieħdu sehem fis-​servizz tal-​għalqa taʼ matul il-​ġimgħa. X’ferħ kien dan għalina!”

KIF ITTEJJEB L-​ABBILTÀ TIEGĦEK BIEX TIPPRIETKA U TGĦALLEM

Li napplikaw dak li nitgħallmu mil-laqgħa taʼ matul il-ġimgħa se jgħinna nkomplu nagħmlu progress fil-ministeru tagħna (Ara paragrafi 15-16) *

15-16. Fi qbil mal-​1 Timotju 4:13, 15, kif nistgħu nkomplu ntejbu l-​abbiltajiet tagħna bħala predikaturi? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Miri biex jgħinuni nwettaq bis-​sħiħ il-​ministeru tiegħi.”)

15 Mod ieħor kif inwettqu l-​ministeru tagħna iktar bis-​sħiħ hu billi ntejbu l-​abbiltajiet tagħna fix-​xogħol tal-​ippritkar. Nies taʼ ċerta professjoni jkollhom jieħdu taħriġ u edukazzjoni kontinwa biex itejbu l-​għarfien u l-​abbiltajiet tagħhom. Nistgħu ngħidu l-​istess ħaġa għall-​predikaturi tas-​Saltna. Aħna għandna bżonn inkomplu nitgħallmu kif intejbu l-​abbiltajiet tagħna fil-​ministeru.—Prov. 1:5; aqra l-​1 Timotju 4:13, 15.

16 Iżda, kif nistgħu nkomplu nagħmlu progress fil-​ministeru tagħna? Billi noqogħdu  attenti ħafna għat-​tagħlim li nirċievu kull ġimgħa mil-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna. Din il-​laqgħa tipprovdi taħriġ imprezzabbli biex jgħinna ntejbu l-​abbiltajiet tagħna b’mod progressiv fis-​servizz tal-​għalqa. Pereżempju, meta ċ-​chairman jagħti parir lill-​istudenti li kellhom xi inkarigu, aħna nistgħu nisiltu xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuna ntejbu l-​ministeru tagħna. Imbagħad meta jmissna noħorġu naqsmu l-​aħbar tajba, inpoġġu dawn is-​suġġerimenti fil-​prattika. Aħna nistgħu nitolbu l-​għajnuna tal-​indokratur tal-​grupp tas-​servizz tal-​għalqa jew naħdmu miegħu fil-​ministeru jew maʼ xi pubblikatur tal-​esperjenza, pijunier, jew l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Hekk kif insiru iktar tas-​sengħa f’li nużaw kull għodda fil-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim, aħna se nieħdu iżjed gost nippritkaw u ngħallmu.

17. X’se tesperjenza meta twettaq bis-​sħiħ il-​ministeru tiegħek?

17 Kemm aħna privileġġati li Ġeħova jħallina nkunu “ħaddiema sħab” miegħu! (1 Kor. 3:9) Meta ‘taċċerta ruħek minn dak li hu iktar importanti’ u tiffoka fuq is-​servizz tiegħek lil Alla, int se ‘taqdih bl-​hena.’ (Flp. 1:10; Salm 100:2) Bħala wieħed mill-​qaddejja t’Alla tistaʼ tkun ċert li hu se jagħtik il-​qawwa li għandek bżonn biex twettaq bis-​sħiħ il-​ministeru tiegħek minkejja liema sfidi jew limitazzjonijiet għandek mnejn tiffaċċja. (2 Kor. 4:1, 7; 6:4) Kemm jekk iċ-​ċirkustanzi tiegħek jippermettulek ikollok sehem żgħir jew kbir fl-​ippritkar, int jistaʼ ‘jkollok għalxiex tifraħ’ meta tipprietka b’ruħek kollha. (Gal. 6:4) Meta twettaq bis-​sħiħ il-​ministeru tiegħek, int turi kemm tħobb lil Ġeħova u lill-​proxxmu tiegħek. “Jekk tagħmel dan issalva kemm lilek innifsek u kemm lil dawk li jisimgħuk.”—1 Tim. 4:16.

GĦANJA 58 Infittxu għal ħbieb tas-​sliem

^ par. 5 Ġesù kkmandana nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna u nagħmlu dixxipli. Dan l-​artiklu se jikkunsidra kif aħna nistgħu nwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna, jew, is-​servizz tagħna lil Alla, anke jekk iċ-​ċirkustanzi personali jkunu diffiċli. Ukoll, se nitgħallmu kif nistgħu nkunu iktar effettivi fix-​xogħol tagħna tal-​ippritkar u jkollna l-​ferħ aħna u nippritkaw.

^ par. 4 ESPRESSJONI SPJEGATA: Is-​servizz tagħna lil Alla jinkludi aspetti diversi taʼ ppritkar u tagħlim, kostruzzjoni u manutenzjoni taʼ bini teokratiku, u għajnuna wara d-​diżastri.—2 Kor. 5:18, 19; 8:4.

^ par. 13 Ara s-​sebaʼ passi mniżżlin fil-​kaxxa “Kif tistaʼ tissimplifika ħajtek” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa taʼ Lulju 2016, p. 8.

^ par. 62 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Oħt tagħmel żjara lura fil-​laqgħa taʼ matul il-​ġimgħa. Wara, meta ċ-​chairman tal-​laqgħa jagħti l-​parir, hi tieħu xi noti fil-​kopja tagħha tal-​browxer Tagħlim. Iktar tard fi tmiem il-​ġimgħa, hi tuża dak li tgħallmet mil-​laqgħa fil-​ministeru tal-​għalqa.