Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 BIJOGRAFIJA

Sibna ‘l-perla taʼ valur kbir’

Sibna ‘l-perla taʼ valur kbir’

WINSTON u Pamela (Pam) Payne jaqdu fl-​uffiċċju tal-​fergħa fl-​Awstralasja. Il-​ħajja ferħana tagħhom flimkien kellha l-​isfidi, uħud minnhom kienu minħabba kulturi differenti u t-​telfa taʼ tarbija b’korriment. Minkejja dan kollu, huma baqgħu jħobbu lil Ġeħova u l-​poplu tiegħu, kif ukoll baqgħu ferħanin fil-​ministeru. F’din l-​intervista, staqsejniehom jaqsmu magħna ftit mill-​esperjenzi tagħhom.

Winston, għidilna kif sibt lil Alla.

Jiena trabbejt ġo farm tal-​qamħ fi Queensland, l-​Awstralja. Il-​familja tiegħi ma kinitx reliġjuża. Minħabba li konna ngħixu f’post iżolat, ftit kelli kuntatt man-​nies, apparti l-​familja tiegħi. Minn meta kelli madwar 12-​il sena, bdejt infittex lil Alla. Kont nitolbu biex insir naf il-​verità dwaru. Eventwalment, ma bqajtx ngħix hemm u sibt xogħol f’Adelaide, l-​Awstralja tan-​Nofsinhar. Taʼ 21 sena ltqajt maʼ Pam waqt li kont vaganza f’Sydney, u hi qaltli dwar grupp reliġjuż imsejjaħ British-​Israel, li jgħidu li n-​nies Brittaniċi ġejjin mit-​tribujiet mitlufin taʼ Iżrael. Dawn it-​tribujiet, skont dan il-​grupp, huma l-​għaxar tribujiet tas-​saltna tat-​Tramuntana li marru fil-​jasar fit-​tmien seklu qabel Kristu (QK). Għalhekk, meta mort lura Adelaide, qajjimt is-​suġġett maʼ kollega tax-​xogħol li kien beda jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Wara ftit sigħat nitkellem miegħu, l-​iktar dwar x’jemmnu x-​Xhieda, indunajt li t-​talba taʼ meta kont żgħir kienet qed tiġi mwieġba. Kont qed nitgħallem il-​verità dwar il-​Ħallieq tiegħi u s-​Saltna tiegħu! Kont sibt ‘il-​perla taʼ valur kbir.’—Mt. 13:45, 46.

Pam, anki inti bdejt tfittex għal dik il-​perla minn età żgħira. Kif kont sibtha?

Jien trabbejt f’familja reliġjuża fil-​belt taʼ Coffs Harbour, fi New South Wales. Il-​ġenituri u n-​nanniet min-​naħa t’ommi kienu jemmnu fit-​tagħlim tal-​grupp British-​Israel. Jien, ħija ż-​żgħir, oħti l-​kbira, flimkien maʼ ħafna kuġini, trabbejna nemmnu li Alla jippreferi nies li għandhom antenati Brittaniċi.  Però, ma kontx naqbel maʼ dan it-​tagħlim u ma ħassejtnix qrib Alla. Taʼ 14-​il sena żort diversi knejjes lokali, inkluż dik Anglikana, Battista, u dik tal-​Avventisti tas-​Sebaʼ Jum. Imma dawn m’għenunix insir naf lil Alla.

Iktar tard, bħala familja morna ngħixu Sydney, fejn iltqajt maʼ Winston, li kien qiegħed vaganza. Kif qal hu, id-​diskussjonijiet reliġjużi tagħna spiċċaw wassluh jibda jistudja max-​Xhieda. Meta beda l-​istudju, l-​ittri li kien jibgħatli kienu jkunu mimlijin skritturi! Ikolli nammetti, għall-​ewwel kont inkwetata, anki rrabjata. Imma bil-​mod il-​mod indunajt li dak li kiteb bilfors li kien il-​verità dwar Alla.

Fl-​1962, biex inkun viċin Winston mort noqgħod Adelaide. Hu kien irranġali biex ngħix maʼ koppja li kienu Xhieda, Thomas u Janice Sloman, li qabel kienu missjunarji f’Papua New Guinea. Urew qalb tajba kbira miegħi. Kelli biss 18-​il sena, u kienu t’għajnuna kbira biex insir naf iktar lil Ġeħova. Għalhekk anki jien bdejt nistudja l-​Kelma t’Alla, u malajr kont konvinta li sibt il-​verità. Wara li żżewwiġna, mill-​ewwel bdejna fis-​servizz full-​time. Minkejja l-​provi, is-​servizz tagħna lil Alla ġabilna ħafna barkiet li għenuna napprezzaw iktar il-​perla mill-​isbaħ li konna sibna.

Winston, għidilna dwar l-​ewwel snin tagħkom fis-​servizz taʼ Ġeħova.

A. Mappa li turi l-​postijiet li żorna fix-​xogħol tas-​circuit

B. Bolol taʼ ftit mill-​gżejjer. Kiribati u Tuvalu qabel kienu magħrufin bħala l-​Gżejjer taʼ Gilbert u Ellice

Ċ. Il-​gżira mill-​isbaħ tal-​qroll taʼ Funafuti fil-​pajjiż taʼ Tuvalu. Waħda mill-​ħafna gżejjer li żorna qabel ma ġew assenjati hemm il-​missjunarji

Ftit wara li żżewwiġna, Ġeħova beda jagħtina inkarigi speċjali fis-​servizz tiegħu. (1 Kor. 16:9) L-​ewwel opportunità f’li naqdu lil Ġeħova iktar bis-​sħiħ kienet bħala pijunieri regolari. Konna inkuraġġiti ħafna minn koppja, Jack u Roslyn Porter. Hu kien iżur il-​kongregazzjoni żgħira tagħna bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u issa naqdu flimkien fil-​Kumitat tal-​Fergħa tal-​Awstralasja. Jien u Pam domna ħames snin pijunieri. Meta kelli 29 sena, ġejna mitlubin naqdu fix-​xogħol tas-​circuit fil-​Gżejjer tal-​Paċifiku tan-​Nofsinhar, li dak iż-​żmien kienu taħt il-​fergħa taʼ Fiġi. Il-​gżejjer kienu s-​Samoa Amerikana, Samoa, Kiribati, Nauru, Niue, it-​Tokelau, Tonga, Tuvalu, u Vanuatu.

F’dak iż-​żmien, in-​nies taʼ ftit mill-​gżejjer l-​iktar iżolati kienu jissuspettaw fix-​Xhieda taʼ Ġeħova, allura kellna noqogħdu attenti u nużaw l-​għaqal. (Mt. 10:16) Il-​kongregazzjonijiet kienu żgħar, u xi aħwa ma kellhomx fejn iżommuna. Allura staqsejna lin-​nies fil-​villaġġi jekk stajniex noqogħdu magħhom. Dejjem kienu qalbhom tajba magħna.

Inti għandek interess kbir fix-​xogħol tat-​traduzzjoni, Winston. Kif beda dan l-​interess?

F’Samoa, nagħmel l-iskola tal-anzjani

F’dak iż-​żmien, l-​aħwa fl-​istat tal-​gżira taʼ Tonga kellhom biss ftit fuljetti u xi kotba żgħar bit-​Tongan, li hi lingwa tal-​Polinesja. Fil-​ministeru biex jistudjaw man-​nies kienu jużaw l-​edizzjoni bl-​Ingliż tal-​ktieb Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna. Allura, matul l-​iskola tal-​anzjani taʼ erbaʼ ġimgħat, tliet anzjani lokali li ma kellhomx Ingliż tajjeb qablu li jittraduċu l-​ktieb bit-​Tongan. Pam ittajpjat il-​ktieb, u mbagħad bgħatnieh lill-​fergħa fl-​Istati Uniti biex jipprintjawh. Il-​proġett kollu ħa tmien ġimgħat. Għalkemm it-​traduzzjoni ma kinitx tal-​aqwa kwalità, il-​pubblikazzjoni għenet ħafna nies li jitkellmu bit-​Tongan biex jitgħallmu l-​verità. Jien u Pam m’aħniex tradutturi imma din l-​esperjenza qajmitilna interess f’dan ix-​xogħol.

Pam, il-​ħajja fuq il-​gżejjer kif kienet differenti minn dik fl-​Awstralja?

Wieħed mill-postijiet li għexna fih fix-xogħol tas-circuit

Kienet differenti ħafna! F’ċerti postijiet kien hemm ħafna u ħafna nemus, sħana kbira u umdità, ġrieden, mard, u xi drabi ma kellniex biżżejjed x’nieklu. Però fl-​aħħar taʼ kull ġurnata, kien vera rilassanti li tħares lejn l-​oċean mill-​fale tagħna, l-​isem Samoan għal dar tipika Polinesjana li kellha saqaf magħmul mit-​tiben u li ma kellhiex ħitan.  F’xi ljieli l-​qamar tant kien ikun jiddi li stajna naraw is-​siġar tal-​coconut kif ukoll ir-​riflessjoni tiegħu fil-​baħar. Dawn il-​mumenti prezzjużi għenuna nimmeditaw u nitolbu, u b’hekk ħsibna fuq affarijiet pożittivi minflok negattivi.

Konna sirna nħobbuhom ħafna t-​tfal u niggustawhom. Huma kienu kurjużi ħafna meta kienu jaraw lil xi barrani b’ġilda bajda. Meta konna qegħdin inżuru Niue, tifel żgħir mess is-​suf taʼ jdejn Winston u qallu, “Qisu rix, jogħġobni.” Milli jidher qatt ma kien ra jdejn b’daqshekk suf u ma tantx kien jaf kif jaqbad jiddeskrivihom!

Qalbna kienet tingħafas meta konna naraw il-​kundizzjonijiet taʼ faqar li ħafna nies kienu jgħixu fihom. Kienu jgħixu f’post mill-​isbaħ imma ma kellhomx kura tas-​saħħa addattata u biżżejjed ilma x’jixorbu. Minkejja dan, l-​aħwa ma kinux jidhru inkwetati. Għalihom dan kien normali. Kienu ferħanin li kellhom il-​familja magħhom, li kellhom post fejn setgħu jiltaqgħu għall-​qima, u li kellhom il-​privileġġ li jfaħħru lil Ġeħova. L-​eżempju tagħhom għenna niffokaw fuq dak li hu l-​iktar importanti u nżommu ħajjitna sempliċi.

Xi drabi, Pam, int kellek iġġib l-​ilma u tipprepara l-​ikel f’ċirkustanzi totalment differenti. Kif irnexxielek?

F’Tonga, Pam taħsel il-ħwejjeġ

Irnexxieli grazzi għal missieri. Hu kien għallimni ħafna affarijiet bżonjużi, bħal kif inqabbad in-​nar u nsajjar fuqu u kif ngħix bi ftit affarijiet materjali. Darba meta konna qed inżuru Kiribati, qgħadna f’dar żgħira li kellha s-​saqaf tat-​tiben, art magħmula miż-​żrar tal-​qroll, u b’ħitan tal-​bambù. Biex insajjar xi ħaġa sempliċi, ħaffirt ħofra fl-​art u qabbadt fjamma u bdejt nitfaʼ l-​qxur taʼ barra tal-​coconut biex in-​nar jibqaʼ jaqbad. Għall-​ilma, kelli nistenna wara n-​nisa tal-​lokal biex inġib minn bir. Biex itellgħu l-​ilma, jużaw lasta twila kważi żewġ metri b’ħabel irqiq mat-​tarf, bħal qasba tas-​sajd. Imma minflok sunnara mat-​tarf, kienu jorbtu landa. Waħda wara l-​oħra, kull mara kienet titfaʼ l-​ħabel u ddawwar idha malajr b’ċertu moviment. Il-​landa kienet tinqaleb fuq il-​ġenb u timtela bl-​ilma. Ħsibt li kien faċli tagħmilha, sakemm kien imiss lili. Tfajt il-​ħabel tiegħi ħafna drabi, imma kull darba l-​landa tmiss mal-​ilma u kienet tifflowtja! Wara li kulħadd waqaf jidħaq, waħda offriet li tgħinni. In-​nies tal-​lokal dejjem kienu t’għajnuna kbira u qalbhom tajba.

It-​tnejn kontu tħobbu l-​inkarigu tagħkom fuq il-​gżejjer. Tixtiequ taqsmu xi memorji speċjali magħna?

Winston: Domna ftit biex nidraw ċerti drawwiet. Pereżempju, meta l-​aħwa pprovdew ikla, normalment kienu jagħtu l-​ikel kollu li jkollhom għal dakinhar. Għall-​ewwel, ma konniex nafu li kellna nħallu xi ħaġa għalihom. Allura kilna kulma poġġewlna quddiemna! Ovvjament, xħin sirna nafu kif imorru l-​affarijiet konna nħallulhom l-​ikel. Minkejja l-​iżbalji li ħadna, l-​aħwa kienu jifhmu. U kienu jifirħu ħafna jarawna kull sitt xhur fiż-​żjara tagħna. Minbarra l-​aħwa tal-​lokal, aħna konna l-​uniċi Xhieda li qatt raw f’dak iż-​żmien.

Fil-Gżira taʼ Niue, Winston joħroġ grupp jippritkaw

Iż-​żjajjar tagħna kienu wkoll taʼ xhieda tajba għan-​nies tal-​komunità. Ħafna nies tal-​villaġġ kienu jaħsbu li r-​reliġjon tal-​aħwa kienet xi ħaġa li vvintawha huma. Allura meta kienu jaraw lilna nżuruhom, żewġ barranin tal-​istess reliġjon, in-​nies kienu jirrealizzaw li din kienet organizzazzjoni vera u jibqgħu impressjonati.

Pam: Waħda mill-​iktar memorji li ngħożż ġrat Kiribati, f’kongregazzjoni li ftit kellha aħwa. L-​uniku anzjan, Itinikai Matera, għamel dak kollu li setaʼ biex jieħu ħsiebna. Darba ġie b’qoffa li kien fiha biss bajda waħda. Qalilna, “għalikom.” Bajda taʼ tiġieġa kienet xi ħaġa rari u tajba ħafna dak iż-​żmien. Din il-​ġenerożità kbira b’ħaġa daqshekk żgħira vera messitilna qalbna.

 Xi snin wara inti, Pam, tlift tarbija b’korriment. X’għenek tkampa maʼ din il-​prova?

Ħriġt tqila fl-​1973 meta jien u Winston konna fil-​Paċifiku tan-​Nofsinhar. Iddeċidejna li mmorru lura l-​Awstralja, imbagħad erbaʼ xhur wara tlift it-​tarbija. Jien u Winston kellna qalbna maqsuma b’din it-​telfa. L-​uġigħ taʼ qalb naqas maż-​żmien, imma qatt ma sparixxa sakemm irċivejna r-​rivista tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ April 2009. L-​artiklu tal-​“Mistoqsijiet mill-​qarrejja” staqsa: “Hemm xi tama taʼ rxoxt għal tarbija li tmut f’ġuf ommha?” Dan aċċertana li Ġeħova se jiddeċiedi x’se jagħmel u li hu dejjem jagħmel l-​aħjar ħaġa. Hu se jfejqilna kull uġigħ li kellna f’ħajjitna minħabba did-​dinja ħażina hekk kif bi mħabba jidderieġi lil Ibnu biex “ikisser l-​għemejjel tax-​Xitan.” (1 Ġw. 3:8) Dan l-​artiklu għenna napprezzaw saħansitra iktar x’“perla” prezzjuża għandna bħala l-​poplu taʼ Ġeħova! X’konna se nagħmlu mingħajr dit-​tama tas-​Saltna?

Wara t-​telfa tat-​tarbija, erġajna bdejna naqdu fis-​servizz full-​time. Għamilna xi xhur fil-​Betel tal-​Awstralja sakemm eventwalment erġajna bdejna x-​xogħol tas-​circuit. Fl-​1981, wara erbaʼ snin naqdu f’territorju mwarrab fi New South Wales u Sydney, ġejna mistidnin fil-​fergħa tal-​Awstralja, kif kienet imsejħa dak iż-​żmien, u s’issa għadna hawn.

Winston, l-​esperjenzi li kellek fil-​Gżejjer tal-​Paċifiku kienu taʼ għajnuna fix-​xogħol tiegħek bħala membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa fl-​Awstralasja?

Iva, b’ħafna modi. L-​ewwel, l-​Awstralja ntalbet tieħu ħsieb is-​Samoa Amerikana u Samoa. Imbagħad, il-​fergħa fi New Zealand ingħaqdet maʼ dik fl-​Awstralja. Issa, it-​territorju tal-​fergħa tal-​Awstralasja jinkludi l-​Awstralja, is-​Samoa Amerikana u Samoa, il-​Gżejjer Cook, New Zealand, Niue, Timor Leste, it-​Tokelau, u Tonga—li ħafna minnhom kelli l-​privileġġ inżur bħala rappreżentant tal-​fergħa. L-​esperjenza li kelli naħdem maʼ dawn l-​aħwa leali f’dawn il-​gżejjer għenitni ħafna issa li qed naqdihom mill-​uffiċċju tal-​fergħa.

Winston u Pam fil-fergħa tal-Awstralasja

Bħala konklużjoni, nixtieq ngħid li matul dawn is-​snin jien u Pam irrealizzajna li mhux in-​nies kbar biss ifittxu lil Alla. Tgħallimna dan mill-​esperjenza tagħna stess. Anki ż-​żgħażagħ iridu ‘l-​perla taʼ valur kbir,’ avolja membri oħrajn tal-​familja ma jurux interess. (2 Slat. 5:2, 3; 2 Kron. 34:1-​3) Fuq kollox, Ġeħova hu Alla taʼ mħabba li jixtieq li kemm il-​kbar kif ukoll iż-​żgħar jgħixu għal dejjem!

Meta jien u Pam bdejna nfittxu lil Alla iktar minn 50 sena ilu, ma konniex nafu fejn se twassalna din it-​tfittxija. Bla dubju, il-​verità tas-​Saltna hi perla li ma tistax tagħtiha prezz! Aħna determinati li nibqgħu ngħożżu din il-​perla prezzjuża b’qalbna kollha!