Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 15

Imita lil Ġesù u ibqaʼ fil-paċi

Imita lil Ġesù u ibqaʼ fil-paċi

“Il-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom.”—FLP. 4:7.

GĦANJA 113 Is-​sliem li għandna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Ġesù għala kien taħt stress kbir?

FL-​AĦĦAR ġurnata tiegħu bħala bniedem, Ġesù kien taħt stress kbir. Dalwaqt kien se jsofri mewta krudila taħt idejn nies mill-​agħar. Imma Ġesù ma kienx inkwetat biss għax dalwaqt kien se jmut. Hu kien iħobb ħafna lil Missieru u ried jogħġbu. Ġesù kien jaf li jekk jibqaʼ leali fil-​provi diffiċli li kienu ġejjin, hu kien se jgħin biex isem Ġeħova jiġi mnaddaf. Ġesù kien iħobb lin-​nies ukoll, u kien jaf li l-​prospetti futuri tagħna għall-​ħajja taʼ dejjem kienu jiddependu mil-​lealtà tiegħu lejn Ġeħova sal-​mewt.

2 Għalkemm Ġesù kien taħt stress kbir, hu kien fil-​paċi. “Nagħtikom il-​paċi tiegħi,” kien qal lill-​appostli tiegħu. (Ġw. 14:27) Hu kellu “l-​paċi t’Alla,” il-​kalma u t-​trankwillità li jiġu milli persuna jkollha relazzjoni prezzjuża maʼ Ġeħova. Din il-​paċi serrħet il-​moħħ u l-​qalb taʼ Ġesù.—Flp. 4:6, 7.

3. X’se neżaminaw f’dan l-​artiklu?

3 Ħadd minna mhu qatt se jiffaċċja t-​tip taʼ pressjoni li Ġesù kellu jissaporti, imma dawk kollha li jsegwuh se jiffaċċjaw il-​provi. (Mt. 16:24, 25; Ġw. 15:20) U bħal Ġesù, kultant se nħossuna taħt stress kbir. Kif nistgħu ma nħallux l-​ansjetà tirkibna u tisirqilna l-​paċi tal-​moħħ? Ejja neżaminaw tliet affarijiet li Ġesù għamel matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art u naraw kif nistgħu nimitawh meta niffaċċjaw il-​provi.

ĠESÙ BAQAʼ JITLOB

Aħna nistgħu nibqgħu fil-paċi billi nitolbu (Ara paragrafi 4-7)

4. Billi żżomm f’moħħok l-​1 Tessalonikin 5:17, agħti xi eżempji biex turi li Ġesù talab spiss matul l-​aħħar ġurnata taʼ ħajtu fuq l-​art.

4 Aqra l-​1 Tessalonikin 5:17. Ġesù talab spiss fl-​aħħar  ġurnata taʼ ħajtu fuq l-​art. Meta stabbilixxa t-​tifkira taʼ mewtu, hu talab qabel tqassmu l-​ħobż u l-​inbid. (1 Kor. 11:23-25) Qabel ħarġu mill-​post fejn kienu qed ifakkru l-​Qbiż, hu talab mad-​dixxipli tiegħu. (Ġw. 17:1-26) Meta wasal flimkien mad-​dixxipli tiegħu fil-​Ġetsemani dak il-​lejl, hu talab ħafna drabi. (Mt. 26:36-39, 42, 44) U propju l-​aħħar kliem li Ġesù lissen qabel miet intqal bħala talba. (Lq. 23:46) Ġesù talab lil Ġeħova dwar dak kollu li ġara fl-​aħħar ġurnata taʼ ħajtu.

5. Il-​kuraġġ tal-​appostli għala ddgħajjef?

5 Raġuni waħda għala Ġesù setaʼ jissaporti l-​prova tiegħu kienet li straħ fuq Missieru bit-​talb. Iżda l-​appostli ma baqgħux jitolbu dak il-​lejl. B’hekk, il-​kuraġġ tagħhom iddgħajjef meta waslet is-​siegħa tal-​prova. (Mt. 26:40, 41, 43, 45, 56) Meta niffaċċjaw il-​provi, aħna se nibqgħu leali jekk nagħmlu bħal Ġesù u ‘nitolbu kontinwament’ biss. Dwar xiex nistgħu nitolbu?

6. Il-​fidi kif se tgħinna nibqgħu fil-​paċi?

6 Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex ‘jagħtina iktar fidi.’ (Lq. 17:5; Ġw. 14:1) Aħna għandna bżonn il-​fidi għax Satana se jittestja lil dawk kollha li jsegwu lil Ġesù. (Lq. 22:31) Il-​fidi kif se tgħinna nibqgħu fil-​paċi anke meta jkollna problema wara l-​oħra? Meta nkunu għamilna kulma stajna b’mod raġunevoli biex nittrattaw maʼ xi prova, il-​fidi se tqanqalna nħallu kollox f’idejn Ġeħova. Peress li għandna fiduċja li hu jaf iktar minna, aħna se jkollna l-​paċi tal-​moħħ u l-​qalb.—1 Pt. 5:6, 7.

7. X’tgħallimt mill-​kummenti taʼ Robert?

 7 It-​talb jgħinna jibqaʼ jkollna l-​paċi tal-​moħħ ikunu xi jkunu l-​provi li niffaċċjaw. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Robert, anzjan leali li issa għandu fuq it-​80 sena. Hu jgħid: “Il-​parir f’​Filippin 4:6, 7 għenni nkampa maʼ ħafna provi fil-​ħajja tiegħi. Kelli problemi finanzjarji. U għal xi żmien tlift il-​privileġġ li naqdi bħala anzjan.” X’għen lil Robert jibqaʼ jkollu l-​paċi tal-​moħħ? “Jien nitlob hekk kif nibda nħossni ansjuż,” hu jgħid. “Nemmen li iktar ma nitlob spiss u bil-​qalb, iktar inħossni fil-​paċi.”

ĠESÙ PPRIETKA BIŻ-​ŻELU

Aħna nistgħu nibqgħu fil-paċi billi nippritkaw (Ara paragrafi 8-10)

8. Bħalma hu mniżżel fi Ġwanni 8:29, x’raġuni oħra hemm għala Ġesù kellu l-​paċi tal-​moħħ?

8 Aqra Ġwanni 8:29. Anke waqt li Ġesù kien qed jiġi persegwitat, hu kellu l-​paċi tal-​moħħ għax kien jaf li billi jissaporti lealment, hu kien se jferraħ lil Missieru. Hu baqaʼ ubbidjenti meta kien diffiċli għalih li jagħmel dan. Iktar minn hekk, ladarba kien iħobb lil Missieru ffoka ħajtu kollha fuq li jaqdi lil Ġeħova. Pereżempju, qabel ġie fuq l-​art hu kien il-​“ħaddiem tas-​sengħa” t’Alla. (Prov. 8:30) U meta kien fuq l-​art, hu għallem lil oħrajn biż-​żelu dwar Missieru. (Mt. 6:9; Ġw. 5:17) Dan ix-​xogħol ġab ferħ kbir lil Ġesù.—Ġw. 4:34-36.

9. Li nkunu okkupati fix-​xogħol tal-​ippritkar kif jistaʼ jgħinna jibqaʼ jkollna l-​paċi tal-​moħħ?

9 Aħna nistgħu nimitaw lil Ġesù billi nobdu lil Ġeħova u ‘dejjem ikollna ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.’  (1 Kor. 15:58) Meta nkunu ‘okkupati bis-​sħiħ’ fl-​ippritkar, aħna jistaʼ jkollna attitudni iktar pożittiva dwar il-​problemi tagħna. (Atti 18:5) Pereżempju, dawk li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru spiss jiffaċċjaw problemi agħar minn tagħna. Iżda meta jitgħallmu jħobbu lil Ġeħova u japplikaw il-​pariri tiegħu, ħajjithom titjieb u jsiru iktar ferħanin. Kull darba li naraw dan iseħħ inħossuna iktar ċerti li Ġeħova se jieħu ħsiebna. U din il-​konvinzjoni tgħinna nżommu l-​paċi tal-​moħħ tagħna. Oħt li tul ħajjitha kollha ssieltet maʼ sentimenti kbar taʼ nuqqas taʼ fiduċja fiha nfisha u dipressjoni sabet li dan hu minnu. “Meta nqattaʼ ħafna ħin fil-​ministeru,” hi tgħid, “inħossni iktar kapaċi nikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħi u iktar ferħana. Naħseb li dan jiġri għax meta nkun fis-​servizz tal-​għalqa nħossni l-​iktar qrib taʼ Ġeħova.”

10. X’tgħallimt mill-​kummenti taʼ Brenda?

10 Ikkunsidra wkoll l-​eżempju taʼ oħt jisimha Brenda. Hi u bintha jbatu bl-​isklerożi multipla. Brenda jkollha tuża siġġu tar-​roti u ftit għandha enerġija. Hi tipprietka minn bieb għal bieb meta tistaʼ, imma l-​iktar li tagħti xhieda hu billi tikteb l-​ittri. Hi tgħid: “Meta fhimt u aċċettajt li l-​marda tiegħi mhix se titfejjaq f’din is-​sistema, stajt nikkonċentra kompletament fuq il-​ministeru tiegħi. Fil-​fatt meta nagħti xhieda, ma naħsibx iżjed dwar l-​ansjetajiet tiegħi. L-​ippritkar iġegħelni nikkonċentra biex ngħin lil dawk li nikkuntattja fit-​territorju tal-​kongregazzjoni tagħna. U kontinwament ifakkarni dwar it-​tama li għandi għall-​futur.”

ĠESÙ AĊĊETTA L-​GĦAJNUNA TAʼ ĦBIEBU

Aħna nistgħu nibqgħu fil-paċi billi nassoċjaw maʼ ħbieb tajbin (Ara paragrafi 11-15)

11-13. (a) L-​appostli u oħrajn kif urew li kienu ħbieb veri għal Ġesù? (b) Il-​ħbieb taʼ Ġesù x’effett ħallew fuqu?

11 Matul iż-​żmien kollu li Ġesù dam jipprietka, l-​appostli leali wrew li kienu l-​ħbieb veri tiegħu. Huma kienu eżempju ħaj tal-​proverbju li jgħid: “Hemm ħabib li jintrabat miegħek iktar minn ħuk.” (Prov. 18:24) Ġesù apprezza ħbieb bħal dawn. Matul il-​ministeru tiegħu, ħadd minn ħutu naturali ma poġġa fidi fih. (Ġw. 7:3-5) Darba, qrabatu saħansitra ħasbu li tilef moħħu. (Mk. 3:21) B’kuntrarju għal dan, fil-​lejl taʼ qabel mewtu, Ġesù setaʼ jgħid lill-​appostli leali: “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-​provi tiegħi.”—Lq. 22:28.

12 Kultant l-​appostli ddiżappuntaw lil Ġesù, imma hu ma ffokax fuq in-​nuqqasijiet tagħhom. Minflok, fehem li kellhom fidi fih. (Mt. 26:40; Mk. 10:13, 14; Ġw. 6:66-69) Fl-​aħħar lejl magħhom qabel ma nqatel, hu qal lil dawn l-​irġiel leali: “Sejjaħtilkom ħbieb, għax kulma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.” (Ġw. 15:15) Bla dubju, il-​ħbieb taʼ Ġesù inkuraġġewh ħafna. L-​għajnuna li tawh fil-​ministeru ferrħitu ħafna.—Lq. 10:17, 21.

13 Minbarra l-​appostli, Ġesù kellu ħbieb oħra, irġiel u nisa, li għenuh fix-​xogħol tal-​ippritkar u b’modi prattiċi oħra. Uħud stidnuh fi djarhom biex ikollu xi mkien fejn jiekol. (Lq. 10:38-​42; Ġw. 12:1, 2) Oħrajn vjaġġaw miegħu u qasmu dak li kellhom miegħu. (Lq. 8:3) Ġesù kellu ħbieb tajbin għaliex hu kien ħabib tajjeb għalihom. Hu għamel affarijiet tajbin għalihom u  kien raġunevoli f’dak li stenna minnhom. Ġesù kien perfett, imma apprezza l-​appoġġ li tawh ħbiebu imperfetti. U nistgħu nkunu ċerti li għenuh jibqaʼ jkollu l-​paċi tal-​moħħ.

14-15. Kif nistgħu nagħmlu ħbieb tajbin, u kif jistgħu jgħinuna?

14 Ħbieb tajbin jgħinuna nibqgħu leali lejn Ġeħova. U l-​aħjar mod kif ikollok ħbieb tajbin hu billi tkun ħabib tajjeb. (Mt. 7:12) Pereżempju, il-​Bibbja tinkuraġġina nużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħna biex ngħinu lil oħrajn, speċjalment dawk li huma “fil-​bżonn.” (Efes. 4:28) Tistaʼ taħseb f’xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħek li tistaʼ tgħinu? Tistaʼ tmur tixtri għal xi ħadd li ma jistax joħroġ mid-​dar? Tistaʼ tipprovdi ikla għal familja li m’għandhiex biżżejjed flus? Jekk taf tuża l-​websajt jw.org® u l-​JW Library® app, tistaʼ tgħin oħrajn fil-​kongregazzjoni tiegħek biex isibu t-​teżori li hemm fihom? Meta moħħna jkun fuq li ngħinu lil oħrajn, hemm iżjed ċans li nkunu ferħanin.—Atti 20:35.

15 Il-​ħbieb tagħna se jappoġġjawna meta niffaċċjaw il-​provi, u se jgħinuna biex jibqaʼ jkollna l-​paċi tal-​moħħ. Bħalma Eliħu semaʼ meta Ġob tkellem dwar il-​provi tiegħu, ħbiebna jgħinuna billi jisimgħuna bil-​paċenzja meta niftħu qalbna magħhom. (Ġob 32:4) M’għandniex nistennew li l-​ħbieb jieħdu deċiżjonijiet għalina, imma nkunu għaqlin jekk nisimgħu l-​parir tagħhom ibbażat fuq il-​Bibbja. (Prov. 15:22) U bħalma  s-​Sultan David aċċetta bl-​umiltà l-​għajnuna taʼ ħbiebu, m’għandniex inkunu kburin daqstant li ma naċċettawx l-​għajnuna li joffru ħbiebna meta jkollna bżonn. (2 Sam. 17:27-29) Verament, ħbieb tajbin bħal dawn huma rigal mingħand Ġeħova.—Ġak. 1:17.

KIF NIBQGĦU FIL-​PAĊI

16. Skont Filippin 4:6, 7, x’inhu l-​uniku mod biex ikollna l-​paċi? Spjega.

16 Aqra Filippin 4:6, 7Ġeħova għala jgħidilna li nistgħu nirċievu l-​paċi li hu jagħti “permezz taʼ Kristu Ġesù”? Għax aħna jistaʼ jkollna l-​paċi tal-​moħħ u l-​qalb jekk biss nifhmu u jkollna fidi fl-​irwol li Ġesù għandu fl-​iskop t’Alla. Pereżempju, permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, id-​dnubiet kollha tagħna jistgħu jinħafru. (1 Ġw. 2:12) Kemm iġibilna serħan il-​moħħ ħsieb bħal dan! Bħala Sultan tas-​Saltna t’Alla, Ġesù se jreġġaʼ lura kwalunkwe tbatija li Satana u s-​sistema tiegħu jistgħu jġibulna. (Is. 65:17; 1 Ġw. 3:8; Riv. 21:3, 4) X’tama sabiħa għal xiex inħarsu ’l quddiem! U għalkemm Ġesù tana xogħol diffiċli, hu qiegħed magħna, jappoġġjana matul l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema. (Mt. 28:19, 20) X’kuraġġ jagħtina dan! Is-​serħan tal-​moħħ, it-​tama, u l-​kuraġġ—dawn huma tliet affarijiet importanti ħafna li neħtieġu biex ikollna l-​paċi.

17. (a) Kristjan kif jistaʼ jibqaʼ jkollu l-​paċi tal-​moħħ? (b) Bħalma mwiegħed fi Ġwanni 16:33, x’se nkunu nistgħu nagħmlu?

17 Mela, kif jistaʼ jibqaʼ jkollok il-​paċi tal-​moħħ meta tkun imnikket minħabba provi ħorox? Jistaʼ jirnexxilek billi timita dak li għamel Ġesù. L-​ewwel, itlob, u ibqaʼ itlob. It-​tieni, obdi lil Ġeħova u pprietka b’żelu anke meta dan ikun diffiċli. U t-​tielet, aċċetta l-​għajnuna taʼ ħbiebek meta tgħaddi mill-​provi. Imbagħad il-​paċi t’Alla se tgħasses lil moħħok u qalbek. U bħal Ġesù, int se tirbaħ kwalunkwe prova.—Aqra Ġwanni 16:33.

GĦANJA 41 Jekk jogħġbok, ismaʼ talbi

^ par. 5 Ilkoll kemm aħna għandna problemi li jistgħu jagħmluhielna diffiċli biex ikollna l-​paċi. Dan l-​artiklu jiddiskuti tliet affarijiet li għamel Ġesù u li aħna nistgħu nagħmlu biex jibqaʼ jkollna l-​paċi, anke meta nkunu qed inbatu minħabba provi ebsin.