Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 17

Aċċetta l-għajnuna taʼ Ġeħova biex tirreżisti spirti mill-agħar

Aċċetta l-għajnuna taʼ Ġeħova biex tirreżisti spirti mill-agħar

‘Aħna nissaraw kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar fil-​postijiet tas-​sema.’—EFES. 6:12.

GĦANJA 55 Tibżgħux minnhom!

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Kif hu spjegat f’​Efesin 6:10-13, liema hu wieħed mill-​iktar modi li jqawwu l-​qalb taʼ kif Ġeħova juri li jimpurtah minna? Spjega.

WIEĦED mill-​iktar modi li jqawwu l-​qalb taʼ kif Ġeħova juri li jimpurtah minna bħala qaddejja tiegħu hu billi jgħinna nirreżistu l-​għedewwa tagħna. L-​għedewwa prinċipali tagħna huma Satana u d-​demonji. Ġeħova jwissina dwarhom u jagħtina dak li neħtieġu biex nirreżistuhom. (Aqra Efesin 6:10-​13.) Meta naċċettaw l-​għajnuna taʼ Ġeħova u nistrieħu fuqu kompletament, aħna nistgħu nirnexxu f’li nopponu lix-​Xitan. Jistaʼ jkollna l-​istess fiduċja li kellu l-​appostlu Pawlu. Hu kiteb: “Jekk Alla hu favur tagħna, min se jkun kontra tagħna?”—Rum. 8:31.

2. X’se naraw f’dan l-​artiklu?

2 Bħala Kristjani veri, aħna niffokaw ħafna mill-​attenzjoni tagħna fuq li nitgħallmu dwar Ġeħova u naqduh, u mhux fuq ix-​Xitan u d-​demonji. (Salm 25:5) Madankollu, għandna bżonn inkunu nafu dwar l-​affarijiet li Satana jagħmel. Għala? Biex ma nħalluhx jegħlibna. (2 Kor. 2:11) F’dan l-​artiklu, se naraw mod prinċipali kif Satana u d-​demonji jipprovaw iqarrqu bin-​nies. Se naraw ukoll kif jirnexxilna nirreżistuhom.

KIF SPIRTI MILL-​AGĦAR IQARRQU BIN-​NIES

3. X’inhu l-​ispiritiżmu?

3 Mod prinċipali kif Satana u d-​demonji jipprovaw iqarrqu bin-​nies hu permezz tal-​ispiritiżmu. Dawk li jipprattikaw l-​ispiritiżmu jgħidu li jafu jew jikkontrollaw affarijiet li l-​bnedmin normalment ma jafux jew ma jistgħux jikkontrollaw.  Pereżempju, uħud jgħidu li kapaċi jkunu jafu l-​futur bis-​saħħa tat-​teħbir jew l-​astroloġija. Oħrajn jagħmluha tabirruħhom li qed ikellmu lill-​mejtin. Xi wħud jipprattikaw is-​seħer jew il-​maġija, u jipprovaw jagħmlu xi magħmul fuq ħaddieħor. *

4. Kemm hu mifrux it-​twemmin fl-​ispiritiżmu?

4 Kemm hu mifrux it-​twemmin fil-​qawwa tal-​ispiritiżmu? Stħarriġ li sar fi 18-​il pajjiż tal-​Amerika Latina u l-​Karibew juri li madwar terz tan-​nies li ġew mistoqsijin jemmnu fil-​maġija u s-​seħer, u kważi l-​istess ammont jemmnu li hu possibbli tikkomunika mal-​ispirti. Stħarriġ ieħor sar fi 18-​il pajjiż tal-​Afrika. Hemmhekk, bejn wieħed u ieħor, iktar minn nofs in-​nies jgħidu li jemmnu fis-​seħer. Ovvjament, ngħixu fejn ngħixu, għandna nipproteġu lilna nfusna mill-​ispiritiżmu. Wara kollox, Satana jrid iqarraq “bl-​art abitata kollha.”—Riv. 12:9.

5. Ġeħova kif iħossu dwar l-​ispiritiżmu?

5 Ġeħova hu “l-​Alla tal-​verità.” (Salm 31:5) Allura kif iħossu dwar l-​ispiritiżmu? Jobogħdu! Ġeħova qal lill-​Iżraelin: “M’għandux jinstab fik xi ħadd li jgħaddi lil ibnu jew lil bintu min-​nar, xi ħadd li jeħber, min jipprattika l-​maġija jew xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-​futur jew saħħâr, jew min jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor jew xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-​ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-​ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-​mejtin. Għax kulmin jagħmel dawn l-​affarijiet ikun xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.” (Dt. 18:10-​12) Il-​Kristjani mhumiex taħt il-​Liġi li Ġeħova ta lill-​Iżraelin. Madankollu, aħna nafu li Ġeħova għadu jħossu l-​istess dwar l-​ispiritiżmu.—Mal. 3:6.

6. (a) Satana kif juża l-​ispiritiżmu biex jagħmel ħsara lin-​nies? (b) Skont Ekkleżjasti 9:5, x’inhi l-​verità dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin?

6 Ġeħova jwissina kontra l-​ispiritiżmu għax jaf li Satana jużah biex jagħmel ħsara lin-​nies. Satana juża l-​ispiritiżmu biex jippromwovi l-​gideb—inkluż il-​gidba li l-​mejtin huma ħajjin xi mkien ieħor. (Aqra Ekkleżjasti 9:5.) Hu juża l-​ispiritiżmu wkoll biex iżomm lin-​nies fil-​biżaʼ u   jbegħedhom minn Ġeħova. Il-​mira tiegħu hi li n-​nies li jipprattikaw l-​ispiritiżmu jafdaw fi spirti mill-​agħar minflok f’Ġeħova.

KIF NIRREŻISTU SPIRTI MILL-​AGĦAR

7. Ġeħova x’jgħidilna?

7 Kif issemma qabel, Ġeħova jgħidilna dak li għandna bżonn inkunu nafu ħalli ma niġux imqarrqin minn Satana u d-​demonji. Ejja niddiskutu xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex niġġieldu kontra Satana u d-​demonji.

8. (a) Liema hu l-​mod prinċipali kif nirreżistu spirti mill-​agħar? (b) Salm 146:4 kif jikxef il-​gidba taʼ Satana dwar il-​mejtin?

8 Aqra l-​Kelma t’Alla u mmedita fuqha. Dan hu mod prinċipali kif nirrifjutaw il-​gideb li jippromwovu l-​ispirti mill-​agħar. Il-​Kelma t’Alla hi bħal sejf li   jaqtaʼ u li jistaʼ jikxef il-​gideb li jippromwovi Satana. (Efes. 6:17) Pereżempju, il-​Kelma t’Alla tikxef il-​gidba li l-​mejtin jistgħu  jikkomunikaw mal-​ħajjin. (Aqra Salm 146:4.) Ukoll tfakkarna li Ġeħova biss jistaʼ jgħid b’ċertezza x’se jiġri fil-​futur. (Is. 45:21; 46:10) Jekk naqraw il-​Kelma t’Alla u nimmeditaw fuqha kuljum, se   nkunu armati biex nirrifjutaw u nobogħdu l-​gideb li l-​ispirti mill-​agħar iriduna nemmnu.

9. Semmi xi prattiki spiritistiċi li nevitaw.

9 Irrifjuta li tagħmel kwalunkwe ħaġa li għandha x’taqsam mal-​ispiritiżmu. Bħala Kristjani veri, ma nipprattikaw l-​ebda tip taʼ spiritiżmu. Pereżempju, ma mmorrux għand medji tal-​ispirti jew nipprovaw nikkomunikaw mal-​mejtin b’xi mod ieħor. Kif iddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel, aħna nevitaw drawwiet taʼ funerali li huma bbażati fuq it-​twemmin li   l-​mejtin għadhom ħajjin xi mkien ieħor. U ma nużawx l-​astroloġija jew il-​qari tax-​xorti biex nipprovaw insiru nafu l-​futur. (Is. 8:19) Aħna nafu li prattiki bħal dawn huma perikolużi ħafna u jistgħu jġibuna f’kuntatt dirett max-​Xitan u d-​demonji.

Imita lill-Kristjani tal-bidu billi teħles minn kwalunkwe ħaġa li jistaʼ jkollok u li għandha x’taqsam mal-okkult, u billi tirrifjuta divertiment li fih l-ispiritiżmu (Ara paragrafi 10-12)

10-11. (a) Xi nies fl-​ewwel seklu x’għamlu meta tgħallmu l-​verità? (b) Fi qbil mal-​1 Korintin 10:21, għala għandna nimitaw l-​eżempju tal-​Kristjani tal-​bidu, u kif nistgħu nagħmlu dan?

10 Eħles minn affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​okkult. Xi nies li kienu jgħixu f’Efesu matul l-​ewwel seklu kienu jipprattikaw l-​ispiritiżmu. Meta tgħallmu l-​verità, huma għamlu bidliet drastiċi. “Għadd ġmielu minn dawk li kienu jipprattikaw l-​arti tal-​maġija ġabru l-​kotba tagħhom flimkien u ħarquhom quddiem kulħadd.” (Atti 19:19) Huma għamlu kulma setgħu biex jirreżistu l-​ispirti mill-​agħar. Il-​kotba tagħhom dwar il-​maġija kienu jiswew il-​flus. Imma minflok ma tawhom jew bigħuhom lil ħaddieħor, qerduhom. Huma kien jimpurtahom iktar f’li jogħġbu lil Ġeħova milli kemm kienu jiswew flus il-​kotba.

11 Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ  dawn il-​Kristjani tal-​bidu? Ikun għaqli li neħilsu minn kwalunkwe ħaġa li jistaʼ jkollna u li għandha x’taqsam mal-​okkult. Dan jinkludi amulets, charms, jew oġġetti oħrajn li n-​nies jilbsu jew għandhom biex jipprovaw jipproteġu lilhom infushom minn spirti mill-​agħar.—Aqra l-​1 Korintin 10:21.

12. X’mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna dwar id-​divertiment li nagħżlu?

12 Eżamina sew id-​divertiment li tagħżel. Staqsi lilek innifsek: ‘Naqra kotba, rivisti, jew artikli fuq l-​Internet dwar l-​okkult? U xi ngħidu dwar il-​mużika li nismaʼ, il-​films u l-​programmi fuq it-​televixin li nara, jew il-​logħob elettroniku? Mid-​divertiment li nagħżel, hemm xi ftit minnu li jinvolvi l-​ispiritiżmu? Fih affarijiet bħal vampiri, zombies, jew is-​sopranaturali? Jagħmel affarijiet bħall-​maġija, il-​magħmul, jew is-​saħta jidhru bla ħsara?’ Ovvjament, mhux kull divertiment li fih stejjer mhux reali jew fantasiji bilfors għandu x’jaqsam mal-​ispiritiżmu. Meta tkun qed teżamina d-​divertiment li tagħżel, kun determinat li tieħu deċiżjonijiet li se jgħinuk tibqaʼ ’l bogħod minn kwalunkwe ħaġa li Ġeħova jobgħod. Aħna rridu nagħmlu l-​almu tagħna biex ‘la noffendu lil Alla u lanqas lill-​bnedmin.’ B’hekk jibqaʼ jkollna kuxjenza nadifa.—Atti 24:16. *

13. X’għandna nevitaw li nagħmlu?

13 Evita li tirrakkonta stejjer dwar id-​demonji. Fuq dan il-​punt, aħna għandna nimitaw l-​eżempju li ħallielna Ġesù. (1 Pt. 2:21) Qabel ma ġie fuq l-​art, Ġesù għex fis-​sema, u kien jaf ħafna  dwar Satana u d-​demonji. Imma ma qagħadx jirrakkonta stejjer dwar x’kienu għamlu dawn l-​ispirti. Ġesù ried jgħallem lin-​nies dwar Ġeħova, u mhux dwar Satana. Aħna nistgħu nimitaw lil Ġesù billi ma naqsmux m’oħrajn stejjer dwar id-​demonji. Minflok, nuru bi kliemna li ‘qalbna titqanqal b’ħaġa tajba,’ li hi l-​verità.—Salm 45:1.

M’għandniex għal xiex nibżgħu mill-ispirti mill-agħar. Ġeħova, Ġesù, u l-anġli huma ħafna iktar b’saħħithom (Ara paragrafi 14-15) *

14. Għala m’għandniex nitwerwru mill-​ispirti mill-​agħar?

14 Titwerwirx mill-​ispirti mill-​agħar. F’din id-​dinja imperfetta jistgħu jiġrulna affarijiet ħżiena. L-​aċċidenti, il-​mard, jew saħansitra l-​mewt jistgħu jiġu fuqna ħabta u sabta. Imma m’għandniex naħsbu li l-​ispirti huma responsabbli għal dan. Il-​Bibbja tispjega li “ż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin” jiġu fuq kulħadd. (Ekk. 9:11) Ġeħova wera li hu ħafna iktar qawwi mid-​demonji. Pereżempju, Hu ma ħalliex lil Satana joqtol lil Ġob. (Ġob 2:6) Fi żmien Mosè, Ġeħova wera li kellu iktar qawwa mill-​qassisin tal-​Eġittu li kienu jipprattikaw il-​maġija. (Eżo. 8:18; 9:11) Iktar tard fis-​sema, Ġeħova ta l-​awtorità lil Ġesù fuq Satana u d-​demonji, u b’hekk Ġesù waddabhom ’l isfel lejn l-​art. U fil-​futur qarib, se jiġu mixħutin fl-​abbiss, fejn mhu se jkunu jistgħu jagħmlu ħsara lil ħadd.—Riv. 12:9; 20:2, 3.

15. X’evidenza hemm li Ġeħova jipproteġi lill-​poplu tiegħu llum?

15 Hemm kemm trid evidenza li Ġeħova jipproteġi lill-​poplu tiegħu llum. Aħseb dwar il-​fatt li qed nippritkaw u ngħallmu l-​verità f’kull parti tad-​dinja. (Mt. 28:19, 20) B’hekk, nikxfu l-​affarijiet mill-​agħar tax-​Xitan. Li kieku jistaʼ, Satana jwaqqaf l-​attività kollha tagħna, imma ma jistax. Għalhekk, m’hemmx bżonn nitwerwru mill-​ispirti mill-​agħar. Aħna nafu li “għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-​art kollha biex juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kron. 16:9) Jekk aħna leali lejn Ġeħova, id-​demonji ma jistgħux jagħmlulna ħsara permanenti.

 BARKIET GĦAL MIN JAĊĊETTA L-​GĦAJNUNA TAʼ ĠEĦOVA

16-17. Agħti eżempju tal-​kuraġġ meħtieġ biex tirreżisti spirti mill-​agħar.

16 Jeħtieġ il-​kuraġġ biex nirreżistu spirti mill-​agħar, speċjalment meta ħbieb jew qraba jopponuna għax jaħsbu li se tiġrilna xi ħaġa ħażina jekk ma nagħmlux bħalhom. Imma Ġeħova jbierek lil min juri kuraġġ bħal dan. Ikkunsidra l-​eżempju t’oħt jisimha Erica, li tgħix il-​Ghana. Erica kellha 21 sena meta aċċettat studju tal-​Bibbja. Bħala bint qassis li jipprattika l-​maġija, kien mistenni minnha li tieħu sehem fi drawwa spiritistika li kienet tinvolvi li jittiekel laħam offrut f’sagrifiċċji ritwali lill-​ispirti tal-​antenati mejtin. Meta hi rrifjutat, familtha qieset dan bħala insult lil dawn l-​ispirti. Il-​familja kienet temmen li dawn l-​ispirti kienu se jikkastigawhom b’mard mentali u fiżiku.

17 Il-​familja t’Erica provaw jisforzawha biex tieħu sehem fid-​drawwa, imma ma ċedietx, avolja dan kien ifisser li kellha titlaq mid-​dar. Xi Xhieda żammewha f’darhom. B’hekk, Ġeħova berikha b’familja ġdida t’aħwa fil-​fidi li saru bħal aħwa subien u bniet għaliha. (Mk. 10:29, 30) Għalkemm il-​qraba keċċewha u saħansitra ħarqulha l-​affarijiet li kellha, Erica baqgħet leali lejn Ġeħova, tgħammdet, u issa hi pijuniera regolari. Hi ma titwerwirx mid-​demonji. U dwar familtha tgħid, “kuljum nitlob li jesperjenzaw il-​barkiet u l-​libertà li jiġu meta tkun taf u taqdi lil Alla tagħna kollu mħabba, Ġeħova.”

18. X’barkiet nirċievu meta nafdaw f’Ġeħova?

18 Mhux ilkoll kemm aħna se jkollna l-​fidi tagħna ttestjata b’dal-​mod. Madankollu, ilkoll kemm aħna għandna bżonn nirreżistu spirti mill-​agħar u nafdaw f’Ġeħova. Jekk nagħmlu dan, se nirċievu ħafna barkiet u se nevitaw li niġu mqarrqin mill-​gideb taʼ Satana. Ukoll, mhux se nħallu l-​biżaʼ mid-​demonji twaqqafna milli naqdu lil Ġeħova. Fuq kollox, aħna se nsaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. “Issottomettu ruħkom lejn Alla,” kiteb id-​dixxiplu Ġakbu, “imma opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom. Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġak. 4:7, 8.

GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek

^ par. 5 Ġeħova bi mħabba wissiena dwar spirti mill-​agħar u l-​ħsara li jistgħu jagħmlu. L-​ispirti mill-​agħar kif jipprovaw iqarrqu bin-​nies? X’nistgħu nagħmlu biex nirreżistu spirti mill-​agħar? Dan l-​artiklu se jiddiskuti kif Ġeħova jgħinna biex ma niġux imqarrqin minnhom.

^ par. 3 ESPRESSJONIJIET SPJEGATI: L-​ispiritiżmu jirreferi għal twemmin u prattiki li għandhom x’jaqsmu mad-​demonji. Jinkludi t-​twemmin li l-​ispirti tal-​mejtin jibqgħu jgħixu wara li jmut il-​ġisem u li jikkomunikaw mal-​ħajjin, speċjalment permezz taʼ persuna (medjum). L-​ispiritiżmu jinkludi wkoll prattiki bħas-​seħer u t-​teħbir. F’dan l-​artiklu, il-​maġija tirreferi għal prattiki li għandhom x’jaqsmu mal-​okkult, jew is-​sopranaturali. Din tistaʼ tinkludi saħtiet u li jintgħamel jew jitneħħa l-​magħmul. Ma tirreferix għal trikks li jsiru bil-​ħeffa tal-​idejn, li xi nies jagħmlu sempliċement bħala divertiment.

^ par. 12 L-​anzjani m’għandhomx id-​dritt jagħmlu regoli dwar id-​divertiment. Pjuttost, kull Kristjan għandu juża l-​kuxjenza tiegħu ttrennjata fuq il-​Bibbja meta jagħżel x’jaqra, x’jara, jew x’jilgħab. Kapijiet tal-​familja għaqlin jagħmlu ċert li d-​divertiment taʼ familthom ikun fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja.—Ara l-​artiklu “Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova Jipprojbixxu Ċerti Films, Kotba, jew Diski?” fuq jw.org® taħt DWARNA > MISTOQSIJIET KOMUNI.

^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Stampa taʼ Ġesù bħala s-​Sultan qawwi tagħna fis-​sema jmexxi armata t’anġli, bit-​tron taʼ Ġeħova fuqhom.