Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | X’INHU L-AQWA RIGAL?

Kif tasal biex tagħti l-aqwa rigal?

Kif tasal biex tagħti l-aqwa rigal?

Li ssib dak li taħseb li hu r-​rigal ideali għal xi ħadd mhuwiex faċli. Imma fl-​aħħar mill-​aħħar, huwa dak li jirċivih li jiddeċiedi jekk hux rigal ideali jew le. U l-​aqwa rigal għal xi ħadd, jaf ma jkunx għal ħaddieħor.

Pereżempju, żagħżugħ għandu mnejn iħoss li apparat elettroniku tal-​aħħar ikun rigal perfett. Mill-​banda l-​oħra, adult għandu mnejn jgħożż rigal li jkollu valur sentimentali, bħal rigal li baqaʼ jintiret għal ġenerazzjonijiet sħaħ. F’xi kulturi, kemm iż-​żgħażagħ u kemm il-​kbar jippreferu flus bħala rigal. B’hekk, ikunu jistgħu jużawhom kif iridu.

Minkejja l-​isfida, ħafna nies ikissru rashom biex isibu rigal addattat għal xi ħadd speċjali. Filwaqt li biex insibu rigal bħal dan mhux dejjem ikun possibbli, ikun tajjeb li nżommu f’moħħna ċerti fatturi biex ikollna iktar ċans li nirnexxu. Ejja nikkunsidraw erbaʼ fatturi li jistgħu jgħinuna nagħtu rigali li jiġu apprezzati.

Ix-​xewqa taʼ dak li se jaqlaʼ r-​rigal. Għal raġel minn Belfast, l-​Irlanda taʼ Fuq, l-​aqwa rigal li qatt irċieva kien ir-​rota li qalaʼ meta kellu madwar 11-​il sena. Għala? “Għax vera xtaqtha,” jispjega hu. Dan juri li x-​xewqa tal-​bniedem teffettwa sew jekk hux se jieħu pjaċir bir-​rigal jew le. Allura, aħseb dwar il-​persuna li beħsiebek tagħtiha rigal. Ipprova sir af xi tħobb, għax dan spiss jinfluwenza dak li hi tixtieq. Pereżempju, in-​nanniet normalment iħobbu jqattgħu l-​ħin maʼ tal-​familja. Għandhom mnejn ikunu jixtiequ jaraw lil uliedhom u n-​neputijiet spiss. Għan-​nanniet, vaganza maʼ tal-​familja aktarx li se tkun iktar apprezzata minn kwalunkwe rigal ieħor.

Biex tkun taf x’tixtieq persuna hemm bżonn li tkun semmiegħ tajjeb. Il-​Bibbja tinkuraġġina biex ‘inkunu ħfief biex nisimgħu, tqal biex nitkellmu.’ (Ġakbu 1:19) Hekk kif titkellem mal-​ħbieb jew il-​qraba tiegħek, oqgħod attent għal xi ħjiel li jagħtik x’tifhem xi jħobbu u x’ma jħobbux. Imbagħad ikun hemm ċans ikbar li r-​rigal se jieħdu pjaċir bih.

 Il-​bżonn taʼ dak li se jaqlaʼ r-​rigal. Anki rigal żgħir jistaʼ jiġi apprezzat ħafna, jekk dak li jkun ikollu bżonnu. Imma kif tistaʼ tkun taf xi jkun irid ħaddieħor?

Għandu mnejn li l-​eħfef mod hu billi ssaqsi l-​persuna x’għandha bżonn—jew jekk niġu f’dan, xi trid. Madankollu, għal ħafna dan itellef parti mill-​gost għax jippreferu jissorprendu lil dak li jkun b’rigal li jkun jgħodd għalih. Iktar minn hekk, filwaqt li xi wħud ma jiddejqux jgħidu xi jħobbu u x’ma jħobbux, spiss iżommu lura milli jgħidu x’għandhom bżonn.

Għaldaqstant, oqgħod attent u agħti kas taċ-​ċirkustanzi tal-​persuna. Il-​persuna għadha żgħira, kbira, single, miżżewġa, iddivorzjata, armla, impjegata, jew pensjonanta? Imbagħad ikkunsidra x’rigali jistaʼ jkollha bżonn il-​persuna.

Biex tkun taf il-​bżonnijiet taʼ min biħsiebek tagħti rigal, tkellem m’oħrajn li kellhom sitwazzjoni simili. Għandhom mnejn jgħidulek xi bżonn partikulari li ħaddieħor ma jiġihx f’moħħu. B’informazzjoni bħal din, se tkun tistaʼ tagħti rigal li jissodisfa l-​bżonn taʼ min se jaqlaʼ r-​rigal u li jkun differenti minn taʼ ħaddieħor.

F’waqtu. Il-​Bibbja tgħid: “Kemm hi tajba kelma f’waqtha!” (Proverbji 15:23) Din l-​iskrittura turi li l-​kliem f’waqtu jistaʼ jagħmel differenza kbira. L-​istess tistaʼ tgħid għall-​azzjonijiet tagħna. Bħalma l-​kliem li jingħad f’waqtu jistaʼ jkun pjaċevoli ħafna għal dak li jisimgħu, rigal mogħti f’waqtu jew f’okkażjoni addattata jistaʼ jferraħ bil-​kbir lil dak li jirċivih.

Ħabib se jiżżewweġ. Żagħżugħ daqt se jiggradwa. Koppja miżżewġa qed tistenna tarbija. Dawn huma biss ftit mill-​ħafna okkażjonijiet li spiss jingħataw rigal fihom. Xi wħud isibuha t’għajnuna li jagħmlu lista taʼ okkażjonijiet speċjali li se jseħħu matul is-​sena. B’dan il-​mod ikunu jistgħu jaħsbu bil-​quddiem għall-​aħjar rigal. *

M’għandniex xi ngħidu, m’hemmx għalfejn tagħti rigali għal okkażjonijiet speċjali biss. Il-​ferħ taʼ li tagħti tistaʼ ssibu fi kwalunkwe ħin. Madankollu, irridu noqogħdu attenti. Pereżempju, jekk raġel jagħti rigal lil mara għal xejn b’xejn, hi għandha mnejn tikkonkludi li r-​raġel hu interessat f’li jkun jafha aħjar. Rigal bħal dan jistaʼ jwassal għal konklużjoni żbaljata jew għal komplikazzjonijiet jekk din ma tkunx l-​intenzjoni vera. Dan jenfasizza l-​bżonn li tikkunsidra fattur importanti ieħor—l-​iskop taʼ min jagħti.

L-​iskop taʼ min jagħti. Bħalma juri l-​eżempju taʼ qabel, min se jagħti r-​rigal jagħmel tajjeb li joqgħod attent li ma jinftihemx ħażin minn dak li jirċivih. Mill-​banda l-​oħra, dak li jagħti jagħmel tajjeb ukoll li jeżamina l-​iskop tiegħu stess. Filwaqt li l-​maġġorparti tan-​nies jassumu li r-​rigal jagħtuh bi skop tajjeb, ħafna jagħtu rigali f’ċerti żminijiet matul is-​sena għax iħossuhom obbligati li jagħmlu hekk. Terġaʼ oħrajn jagħtu bil-​ħsieb li jiġu preferuti jew biex jiksbu xi ħaġa.

X’tistaʼ tagħmel biex tkun ċert li l-​mottiv tiegħek ikun ġenwin? Il-​Bibbja tgħid: “Kulma tagħmlu agħmluh bl-​imħabba.” (1 Korintin 16:14) Jekk l-​iskop tiegħek biex tagħti jkun imqanqal minn imħabba u interess ġenwin, aktarx li dawk li jirċievu r-​rigali tiegħek se jieħdu pjaċir bihom. Apparti minn hekk, int se tesperjenza iktar ferħ meta tagħti mill-​qalb. Meta tagħmel hekk, tkun qed tferraħ lil Missierna tas-​sema wkoll. L-​appostlu Pawlu faħħar lill-​Kristjani taʼ Korintu tal-​qedem meta b’ġenerożità u b’ferħ għenu lill-​Kristjani sħabhom fil-​Lhudija. “Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ,” qalilhom Pawlu.—2 Korintin 9:7.

Li tagħti attenzjoni għal dawn il-​fatturi li ddiskutejna jistaʼ jgħin ħafna għal meta tiġi biex tagħti rigal. Dawn il-​fatturi—u oħrajn—kienu involuti fl-​arranġament t’Alla sabiex in-​nies jirċievu l-​akbar rigal. Nistidnuk biex tikkunsidra x’inhu dan ir-​rigal mill-​aqwa billi taqra l-​artiklu li jmiss.

^ par. 13 Ħafna nies jagħtu rigali wkoll għall-​birthdays u għal xi festi oħrajn. Madankollu, dawn l-​okkażjonijiet ħafna drabi jinvolvu prattiki li ma jaqblux mat-​tagħlim tal-​Bibbja. Ara l-​artiklu “Il-​qarrejja tagħna jistaqsu—Il-​Milied għandu jiġi ċċelebrat mill-​Kristjani?” f’din ir-​rivista.