Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-fidwa, li tagħmel il-ħajja taʼ dejjem possibbli, hi l-aqwa rigal li tana Alla

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | X’INHU L-AQWA RIGAL?

X’inhu l-aqwa rigal?

X’inhu l-aqwa rigal?

“Kull għotja tajba u kull rigal perfett ġej minn fuq, għax jinżel mingħand il-​Missier tad-​dwal tas-​sema.” (Ġakbu 1:17) Naturalment, din l-​iskrittura tirreferi għall-​ġenerożità taʼ Missierna tas-​sema, Alla Ġeħova. Però, mill-​ħafna rigali li Alla ta lill-​bniedem, hemm wieħed li hu aqwa mill-​oħrajn kollha. X’inhu? Il-​kliem magħruf sew taʼ Ġesù li nsibu fi Ġwanni 3:16 jgħid: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”

L-​iben uniġenitu, ir-​rigal m’għand Alla—żgur li hu l-​aqwa rigal li qatt nistgħu nirċievu, għax bih nistgħu nkunu meħlusin milli nkunu lsiera tad-​dnub, tax-​xjuħija, u tal-​mewt. (Salm 51:5; Ġwanni 8:34) Nipprovaw kemm nipprovaw, żgur li ma nistgħu nagħmlu xejn waħedna biex ninħelsu minn dan il-​jasar. Madankollu, permezz tal-​imħabba kbira tiegħu, Alla pprovdielna dak li għandna bżonn biex ninħelsu. Billi ta lil Ibnu, Ġesù Kristu, bħala fidwa, Alla Ġeħova ta l-​opportunità lill-​bnedmin ubbidjenti biex ikollhom il-​ħajja taʼ dejjem. Imma x’inhi eżattament il-​fidwa? Għala hi neċessarja? U kif nistgħu nibbenefikaw minna?

Fidwa hija prezz imħallas biex tinxtara lura xi ħaġa li tkun intilfet jew biex jinħeles xi ħadd. Il-​Bibbja tispjega li l-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, ġew maħluqin mingħajr dnub. B’hekk, setgħu jgawdu l-​ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna flimkien mad-​dixxendenti li kienu se jnisslu iktar tard. (Ġenesi 1:26-​28) B’dispjaċir, huma tilfu dan kollu meta saru midinbin minħabba li għażlu li ma jobdux lil Alla. X’kien ir-​riżultat? Il-​Bibbja twieġeb: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Minflok ma għadda l-​ħajja perfetta lid-​dixxendenti tiegħu, Adam għadda d-​dnub u, b’konsegwenza t’hekk, il-​mewt.

Fil-​każ taʼ fidwa, dak li jitħallas għandu jkun daqs dak li jkun intilef. Meta Adam m’obdiex lil Alla apposta, hu dineb, u b’hekk intilfet ħajja umana perfetta—il-​ħajja t’Adam. Skont il-​Bibbja, dan wassal biex id-​dixxendenti t’Adam isiru lsiera tad-​dnub u l-​mewt. B’hekk, kien hemm bżonn ħajja umana perfetta oħra—il-​ħajja taʼ Ġesù. Din ingħatat bħala sagrifiċċju biex inkunu nistgħu ninħelsu minn dan il-​jasar. (Rumani 5:19; Efesin 1:7) Huwa biss permezz tal-​fidwa, li Alla ħallas bi mħabba, li l-​umanità għandha t-​tama li tgawdi dak li Adam u Eva tilfu—ħajja taʼ dejjem f’art magħmula ġenna.—Rivelazzjoni 21:3-​5.

Meta tqis x’tistaʼ twettaq il-​fidwa, m’hemm l-​ebda dubju li dan ir-​rigal, li jagħmel il-​ħajja taʼ dejjem possibbli, hu l-​aqwa rigal li tana Alla. Fl-​artiklu taʼ qabel rajna fatturi li jgħinuna biex nagħtu rigal taʼ valur. Issa biex napprezzaw kemm il-​fidwa hi “rigal perfett,” ejja naraw kif ġew applikati dawn il-​fatturi bl-​aħjar mod.

Tissodisfa x-​xewqa tagħna. Aħna l-​bnedmin għandna xewqa naturali qawwija biex nibqgħu ħajjin. (Ekkleżjasti 3:11) Għalkemm ma nistgħux nissodisfaw din ix-​xewqa waħedna, il-​fidwa tagħmilhielna possibbli. Il-​Bibbja tgħid: “Għax il-​ħlas li jagħti d-​dnub hu l-​mewt, imma l-​għotja li jagħti Alla hi l-​ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-​Mulej.”—Rumani 6:23.

Tagħtina dak li għandna bżonn. Il-​bnedmin ma jistgħux jipprovdu l-​fidwa. Il-​Bibbja tispjega: “Ħadd ma jistaʼ jifdi lilu nnifsu, jew jagħti lil Alla l-​prezz tal-​fidwa tiegħu. Għoli wisq il-​prezz taʼ ħajtu, qatt ma jkun biżżejjed.” (Salm 49:8, 9, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Għaldaqstant,  b’mod iddisprat għandna bżonn l-​għajnuna t’Alla sabiex ninħelsu mill-​jasar tad-​dnub u l-​mewt. Imma “permezz tal-​ħelsien bil-​fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù,” Alla pprovdielna eżatt dak li għandna bżonn.—Rumani 3:23, 24.

Fil-​ħin eżatt. Il-​Bibbja tgħidilna: “Waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rumani 5:8) Minħabba li l-​fidwa ngħatat “waqt li konna għadna midinbin,” din taċċertana mill-​imħabba profonda li Alla għandu għalina minkejja l-​istat midneb tagħna. U permezz tal-​fidwa, għandna għal xiex inħarsu ’l quddiem, avolja qed ikollna nissaportu l-​konsegwenzi tad-​dnub.

Ingħatat bi skop ġenwin u mhux egoist. Il-​Bibbja tenfasizza x’qanqal lil Alla biex joffri lil Ibnu bħala fidwa: “B’dan intweriet l-​imħabba t’Alla għalina, għax Alla bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fid-​dinja biex niksbu l-​ħajja permezz tiegħu. L-​imħabba qiegħda f’dan: li mhux aħna ħabbejna lil Alla, imma hu ħabbna.”—1 Ġwanni 4:9, 10.

Kif tistaʼ turi li tapprezza l-​aqwa rigal? Ftakar li kliem Ġesù fi Ġwanni 3:16 jenfasizza li dawk biss li ‘jeżerċitaw il-​fidi fih,’ jiġifieri dawk li juru bl-​azzjonijiet tagħhom li għandhom il-​fidi, se jiġu salvati. Il-​fidi, skont il-​Bibbja, “hi l-​istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom.” (Ebrej 11:1) Biex ikollna din iċ-​ċertezza, hemm bżonn li jkollna għarfien eżatt. Minħabba f’hekk, inħeġġuk biex tieħu l-​ħin ħalli titgħallem dwar Alla Ġeħova, id-​Donatur taʼ dan ir-​“rigal perfett.” Barra minn hekk, inħeġġuk titgħallem x’għandek tagħmel biex tgawdi l-​ħajja taʼ dejjem. Dan hu possibbli grazzi għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa.

Tistaʼ titgħallem dan kollu billi teżamina l-​informazzjoni Skritturali li hi disponibbli fuq www.jw.org. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jgħinuk minn qalbhom. Aħna ninsabu ċerti li hekk kif titgħallem dwar l-​aqwa rigal u l-​benefiċċji li jiġu miegħu, int se tkun imqanqal biex tgħid: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-​Mulej tagħna!”—Rumani 7:25.