Don u Margaret * ħadu pjaċir biż-​żjara taʼ binthom u l-​familja tagħha. Għall-​aħħar ikla flimkien, Margaret, li qabel kienet koka professjonali, sajret imqarrun biz-​zalza tal-​ġobon, xi ħaġa li kienu jħobbuha ħafna ż-​żewġ neputijiet tagħha.

Kulħadd kien lest bilqiegħda mal-​mejda, u Margaret ġabet l-​ikla prinċipali u poġġietha fin-​nofs. Għolliet l-​għatu, u lanqas riedet temmen lil għajnejha, fl-​iskutella kien hemm biss iz-​zalza taħraq tal-​ġobon! Margaret kienet insiet titfaʼ l-​ingredjent prinċipali, l-​imqarrun!

Għandna kemm għandna età jew esperjenza, ilkoll niżbaljaw. Jistaʼ jkun li ngħidu xi kelma bla ħsieb jew nagħmlu xi ħaġa tajba imma mhux fil-​ħin xieraq. Jew sempliċement ninsew nagħmlu xi ħaġa jew toħroġilna minn moħħna. Għala niżbaljaw? Kif nistgħu nkampaw mal-​iżbalji? Nistgħu nevitawhom? Li jkollna ħarsa xierqa lejn l-​iżbalji se jgħinna nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

L-​IŻBALJI—IL-​ĦARSA TAGĦNA U T’ALLA

Meta nagħmlu xi ħaġa tajba, ma niddejqux naċċettaw it-​tifħir u l-​kumplimenti, speċjalment jekk inħossu li jistħoqqilna. Meta niżbaljaw, anki jekk mhux apposta jew ħadd ma jinduna, m’għandniex bl-​istess mod nammettu li għamilna xi ħaġa ħażina? Biex nagħmlu hekk, jeħtieġ li nkunu umli.

Jekk naħsbu li aħna xi ħaġa, għandu mnejn nipprovaw inċekknu l-​iżbalji tagħna, inwaħħlu f’ħaddieħor, jew saħansitra niċħdu li żbaljajna. Li naġixxu b’dan il-​mod normalment iwassal għal konsegwenzi ħżiena. Il-​problema tistaʼ tibqaʼ mhux solvuta, u jistaʼ jeħel xi ħadd ieħor mingħajr ħtija taʼ xejn. U anki jekk għal issa jirnexxilna ngħadduha lixxa, irridu niftakru li fl-​aħħar mill-​aħħar “kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.”—Rumani 14:12.

Alla għandu ħarsa realistika lejn l-​iżbalji. Fil-​ktieb tas-​Salmi, Alla hu deskritt bħala li hu “ħanin” u li juri mogħdrija; hu “mhux se joqgħod il-​ħin kollu jsib il-​ħtija, lanqas ma se jibqaʼ jżomm f’qalbu għal dejjem.” Jaf li l-​bnedmin huma imperfetti u jifhem id-​dgħufijiet li nitwieldu bihom. Hu “jiftakar li aħna trab.”—Salm 103:8, 9, 14.

Barra minn hekk, bħal missier li juri ħniena, Alla jrid li aħna, uliedu, inqisu l-​iżbalji bħalma jqishom hu. (Salm 130:3) Biex jgħinna nkampaw mal-​iżbalji tagħna stess u mal-​iżbalji t’oħrajn, Alla bi mħabba tana ħafna pariri u gwida fil-​Kelma tiegħu.

MODI KIF TISTAʼ TKAMPA MAL-​IŻBALJI

Spiss, meta jsiru xi żbalji, xi individwi jqattgħu ħafna ħin u enerġija jaraw f’min se jwaħħlu jew joqogħdu jiġġustifikaw dak li ntqal jew sar. Minflok, jekk bi kliemek weġġajt lil xi ħadd, għala ma tiskużax ruħek u tirranġa l-​affarijiet? B’hekk, tibqgħu ħbieb, u qisu qatt ma ġara xejn. Għamilt xi ħaġa ħażina u ħloqt xi inkonvenjenza jew saħansitra  problema għalik innifsek jew għal ħaddieħor? Minflok ma tirrabja miegħek innifsek jew twaħħal f’oħrajn, għala ma tagħmilx l-​almu tiegħek biex tirranġa l-​affarijiet? Li tibqaʼ tinsisti li mhux tort tiegħek, żgur li se joħloq iktar tensjoni bla bżonn u l-​problema tkompli tikber. Mela minflok, tgħallem, irranġa, u ibqaʼ għaddej b’ħajtek.

Iżda meta jiżbalja xi ħadd ieħor, ikun faċli ħafna għalina li naġixxu b’tali mod li nuru d-​diżapprovazzjoni tagħna. Kemm ikun aħjar li nieħdu l-​parir taʼ Ġesù Kristu: “Għalhekk, kulma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) Meta tagħmel żball, anki jekk ikun ċuċata, żgur li tkun tixtieq li oħrajn juru mogħdrija miegħek jew saħansitra jagħlqu għajnejhom għall-​iżball. Allura għala ma tistinkax biex turi l-​istess qalb tajba m’oħrajn?—Efesin 4:32.

PRINĊIPJI LI JISTGĦU JGĦINUK TNAQQAS L-​IŻBALJI

Dizzjunarju jispjega li l-​iżbalji jiġu minn “opinjoni ħażina, nuqqas t’għarfien, jew traskuraġni.” Ikollna nammettu li xi darba jew oħra waqajna f’xi waħda minn dawn in-​nases, jekk mhux f’iktar! Minkejja dan, nistgħu nagħmlu inqas żbalji jekk nikkunsidraw xi prinċipji bażiċi mill-​Iskrittura.

Prinċipju minnhom insibuh fi Proverbji 18:13, li jgħid: “Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-​kwistjoni, dan ikun bluha min-​naħa tiegħu u umiljazzjoni.” Iva, li tieħu ftit iktar ħin biex tismaʼ l-​istorja kollha u tikkunsidra x’se twieġeb, żgur li se jżommok lura milli tfattarha billi taqbad u tgħid jew tagħmel xi ħaġa mingħajr ma taħsibha. L-​informazzjoni li tikseb għax tkun qgħadt attent tistaʼ tiswa mitqlu deheb biex ma tiġġudikax ħażin—u b’hekk tevita li tagħmel żball.

Prinċipju Bibliku ieħor jgħid: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.” (Rumani 12:18) Agħmel l-​aħjar li tistaʼ biex tippromwovi l-​paċi u l-​koperazzjoni. Meta taħdem m’oħrajn, uri konsiderazzjoni u rispett u agħmel sforz biex tfaħħar u tinkuraġġixxi. F’atmosfera bħal din, kliem u azzjonijiet li jsiru bla ħsieb jistgħu jinħafru faċilment u jintesew, u offiżi iktar serji jistgħu jiġu solvuti jew irranġati b’mod paċifiku.

Ara jekk tistax titgħallem mill-​iżball. Minflok ma toqgħod tfittex l-​iskużi għal dak li tkun għedt jew għamilt, qisha bħala opportunità biex tiżviluppa kwalitajiet pożittivi. Jistaʼ jkun li għandek bżonn turi iktar paċenzja, qalb tajba, jew kontroll. Xi ngħidu għall-​ħlewwa, il-​paċi, u l-​imħabba? (Galatin 5:22, 23) Minn tal-​inqas, tistaʼ tkun taf x’m’għandekx tagħmel id-​darba li jmiss. Filwaqt li għandek tkun responsabbli, ipprova tiħux lilek innifsek wisq bis-​serjetà. Sens taʼ umoriżmu żgur li se jgħin biex itaffi t-​tensjoni.

NISTGĦU NIBBENEFIKAW MINN ĦARSA XIERQA

Li jkollna ħarsa xierqa lejn l-​iżbalji se jgħinna biex inkampaw mal-​iżbalji b’mod pożittiv. Se nkunu iktar fil-​paċi magħna nfusna u m’oħrajn. Jekk nistinkaw biex nitgħallmu mill-​iżbalji tagħna, se nsiru iktar għaqlin u n-​nies se jkunu iktar komdi magħna. La se nsewdu qalbna żżejjed u lanqas narmu lilna nfusna. Il-​fatt li nkunu konxji li anki oħrajn iridu jkampaw mal-​iżbalji tagħhom, se jgħinna nersqu iktar qrib lejhom. Iktar importanti minn hekk, nistgħu nibbenefikaw jekk nitgħallmu nimitaw l-​imħabba t’Alla u l-​fatt li hu dejjem lest li jaħfer mill-​qalb.—Kolossin 3:13.

L-​iżball li ssemma fil-​bidu li għamlet Margaret, ħassar l-​okkażjoni tal-​familja? Lanqas xejn. Kulħadd daħaq, speċjalment Margaret, u gawda l-​ikla—mingħajr l-​imqarrun! Snin wara, iż-​żewġ neputijiet irrakkontaw kemm-​il darba lil uliedhom stess din l-​istorja li ma kienu se jinsewha qatt u baqgħu jiftakru fil-​memorji sbieħ li kellhom man-​nanniet tagħhom. Wara kollox, kien biss żball!

^ par. 2 L-​ismijiet ġew mibdulin.