Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kont taf?

Kont taf?

It-​tixbiha taʼ Ġesù dwar “il-​ġriewi,” kellha l-​intenzjoni li tweġġaʼ lil xi ħadd?

Statwa ċkejkna Griega jew Rumana taʼ tifla żgħira b’ġeru (saret bejn l-ewwel seklu QK u t-tieni seklu WK)

Darba minnhom, meta Ġesù kien barra l-​konfini taʼ Iżrael fil-​provinċja Rumana tas-​Sirja, avviċinatu mara Griega għall-​għajnuna. Fit-​tweġiba tiegħu, Ġesù inkluda tixbiha li fiha qabbel nies mhux Lhud maʼ “ġriewi.” Taħt il-​Liġi Mosajka, il-​klieb kienu kkunsidrati annimali mhux nodfa. (Levitiku 11:27) Imma kienet l-​intenzjoni taʼ Ġesù li jweġġaʼ lil din il-​mara Griega u oħrajn li ma kinux Lhud?

Lanqas xejn. Skont kif spjega lid-​dixxipli tiegħu, il-​punt taʼ Ġesù kien li l-​prijorità f’dak iż-​żmien kienet li jgħin lil-​Lhud. Allura hu ħareġ il-​punt billi lill-​mara Griega qalilha: “Mhux sewwa li tieħu l-​ħobż tat-​tfal u titfgħu lill-​ġriewi.” (Mattew 15:21-​26; Marku 7:26) Għall-​Griegi u r-​Rumani, il-​kelb spiss kien jiġi kkunsidrat bħala pet maħbub li kien jgħix fid-​dar u jilgħab mat-​tfal. Allura l-​espressjoni “ġriewi” għandu mnejn fakkritha f’xi ħaġa taʼ mħabba u għażiża. Infatti, il-​mara Griega kompliet maʼ Ġesù billi wiġbitu: “Iva, Mulej; imma fil-​fatt il-​ġriewi wkoll jieklu mill-​frak li jaqaʼ mill-​mejda tas-​sidien tagħhom.” Ġesù faħħarha għall-​fidi li kellha u fejjaq lil bintha.—Mattew 15:27, 28.

Kien l-​appostlu Pawlu qed jagħti parir tajjeb meta ssuġġerixxa li jipposponu l-​vjaġġ?

Ġifen kbir tat-tagħbija mnaqqax (l-ewwel seklu WK)

Il-​kaptan tal-​ġifen li Pawlu kien fih hu u sejjer l-​Italja kien qed isibha diffiċli minħabba li kien hemm riħ qawwi kontrih. Matul waqfa waqt il-​vjaġġ, l-​appostlu ta l-​parir biex jibqgħu xi żmien hemmhekk. (Atti 27:9-​12) Kien hemm bażi għal parir bħal dan?

Il-​baħħara fl-​imgħoddi kienu jafu sew li kien perikoluż li tivvjaġġa fil-​Mediterran matul ix-​xhur tax-​xitwa. Bejn nofs Novembru u nofs Marzu ma kienx meqjus tajjeb għat-​tbaħħir. Imma l-​vjaġġ li tkellem dwaru Pawlu sar f’Settembru jew Ottubru. Fil-​ktieb tiegħu Epitome of Military Science, il-​kittieb Ruman Vegetius (madwar is-​sena 400 WK) spjega dan dwar it-​tbaħħir: “Xi xhur huma tajbin ħafna, oħrajn hekk u hekk, u l-​kumplament huma impossibbli.” Vegetius qal li t-​tbaħħir mis-​27 taʼ Mejju sal-​14 taʼ Settembru kien ikun bla periklu, imma mill-​15 taʼ Settembru sal-​11 taʼ Novembru u mill-​11 taʼ Marzu sas-​26 taʼ Mejju kien ikun kemxejn perikoluż. Pawlu kien konxju taʼ fatti bħal dawn peress li kien jivvjaġġa sikwit. Il-​kaptan u s-​sid tal-​ġifen aktarx kienu jafu dawn l-​affarijiet ukoll, imma l-​parir taʼ Pawlu waqaʼ fuq widnejn torox. Il-​vjaġġ spiċċa f’nawfraġju.—Atti 27:13-​44.