Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Waqt l-ippritkar mal-mara tiegħi, Tabitha

 IL-​BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

Għalija, Alla ma kienx jeżisti

Għalija, Alla ma kienx jeżisti
  • SENA TAT-​TWELID: 1974

  • POST TAT-​TWELID: IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-ĠERMANJA

  • PASSAT: ATEU

IL-​PASSAT TIEGĦI

Twelidt f’raħal fis-​Sassonja, li dak iż-​żmien kienet parti mir-​Repubblika Demokratika Ġermaniża (GDR). L-​atmosfera d-​dar kienet waħda sabiħa u taʼ mħabba, u ommi u missieri għallmuni valuri morali tajbin. II-​GDR kienet stat Komunist, u allura għall-​biċċa l-​kbira min-​nies tas-​Sassonja, ir-​reliġjon ma kinitx importanti. U għalija, Alla ma kienx jeżisti. Żewġ affarijiet li influwenzaw ħafna l-​ewwel 18-​il sena taʼ ħajti kienu l-​ateiżmu u l-​Komuniżmu.

Il-​komuniżmu kien jinteressani għax kienet togħġobni l-​idea li kulħadd ikun ugwali. Aktar minn hekk, kont nemmen li kollox għandu jitqassam b’mod ġust, għax kieku la jkun hawn min hu sinjur ħafna u lanqas min hu fqir ħafna. Għalhekk, kont involut sew f’organizzazzjoni Komunista għaż-​żgħażagħ. Meta kelli 14-​il sena, qattajt ħafna ħin naħdem fuq proġett ambjentali li jirriċikla l-​karti. Il-​belt taʼ Aue tant kienet grata għall-​isforzi tiegħi li l-​awtoritajiet t’hemmhekk ippremjawni. Għalkemm kont għadni żgħir, sirt naf xi politikanti importanti ħafna fil-​GDR. Ħassejt li kont fit-​triq it-​tajba biex nilħaq il-​miri tiegħi u li kelli futur sabiħ.

Imbagħad f’daqqa waħda bdejt inħossni mkisser. Fl-​1989, waqaʼ l-​Ħajt taʼ Berlin u miegħu l-​Komuniżmu tal-​pajjiżi tal-​Ewropa tal-​Lvant. Bqajt ixxokkjat, imma dan kien biss il-​bidu. Ma domtx ma indunajt li l-​inġustizzja kienet xi ħaġa komuni fil-​GDR. Pereżempju, in-​nies li ma kinux jappoġġjaw il-​Komuniżmu kienu jiġu stmati bħala ċittadini tat-​tieni klassi. Suppost bħala Komunisti konna nemmnu li n-​nies kollha huma ugwali. Allura kif ġara dan? Mela l-​Komuniżmu kien sempliċi ħolma? Ħakmitni l-​ansjetà.

Minħabba f’hekk, bdilt il-​prijoritajiet tiegħi u ffokajt fuq il-​mużika u l-​arti. Ladarba kelli l-​opportunità li nistudja fi skola tal-​mużika—li biha x’aktarx stajt nidħol l-​università—kont noħlom li jkolli karriera fil-​mużika u l-​arti. Aktar minn hekk, ma bqajtx inżomm mal-​valuri morali li kont tgħallimt meta kont għadni żgħir. Issa, l-​aktar ħaġa li kienet importanti għalija kienet li ngawdi l-​ħajja, u dan kien jinkludi li noħroġ maʼ diversi tfajliet fl-​istess żmien. Imma l-​mużika, l-​arti, u l-​ħajja li kont qed ngħix ma naqqsux mill-​ansjetà li kelli. Anke dak li kont impinġi  kien jirrifletti biżaʼ esaġerata. X’kien se jiġri fil-​futur? U x’kien l-​iskop tal-​ħajja?

Fl-​aħħar, meta sibt ir-​risposti li kont qed infittex, bqajt mistagħġeb. Darba minnhom, fl-​iskola, jien u grupp taʼ studenti qbadna nitkellmu dwar il-​futur. Mandy * kienet studenta kif ukoll waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dakinhar tatni parir tajjeb. “Andreas,” qaltli, “jekk trid tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħek dwar il-​ħajja u l-​futur, ħu bis-​serjetà dak li tgħid il-​Bibbja.”

Kont kemm xettiku kif ukoll kurjuż, imma l-​kurżità għelbitni. Mandy wrietni Danjel kapitlu 2, u dak li qrajt ħallieni b’ħalqi miftuħ. Din il-​profezija tiddeskrivi serje taʼ qawwiet dinjin, jew gvernijiet, li kien se jkollhom impatt kbir sal-​ġurnata tal-​lum. Mandy wrietni profeziji Bibliċi oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-​futur tagħna. Sa fl-​aħħar kont qed insib it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħi! Imma min kitibhom dawn il-​profeziji, u min setaʼ jbassar il-​futur b’tant preċiżjoni? Fuq kollox, jistaʼ jkun li Alla jeżisti?

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI

Mandy laqqgħetni maʼ Horst u Angelika, koppja Xhieda taʼ Ġeħova li għenuni nifhem il-​Kelma t’Alla aħjar. Mill-​ewwel indunajt li x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma l-​unika organizzazzjoni reliġjuża li b’mod konsistenti jużaw u jiġbdu l-​attenzjoni lejn l-​isem personali t’Alla, Ġeħova. (Salm 83:18; Mattew 6:9) Tgħallimt li Alla Ġeħova qed jagħti l-​opportunità lill-​umanità biex tgħix għal dejjem f’art magħmula ġenna. Salm 37:9 jgħid: “Dawk li jittamaw f’Ġeħova se jirtu l-​art.” Laqatni l-​fatt li din it-​tama hija miftuħa għal kull min jagħmel sforz biex jgħix fi qbil mal-​livelli t’Alla kif inhuma spjegati fil-​Bibbja.

Però, sibtha diffiċli nibdel ħajti u nġibha fi qbil mal-​Bibbja. Is-​suċċess tiegħi fil-​mużika u fl-​arti telagħli għal rasi, allura l-​ewwel kelli bżonn naħdem biex inkun umli. Aktar minn hekk, ma kienx faċli biex ma nibqax ngħix ħajja immorali. Kemm jien grat għall-​paċenzja, il-​ħniena, u l-​mogħdrija li juri Ġeħova maʼ dawk li jagħmlu l-​almu tagħhom biex ipoġġu fil-​prattika t-​tagħlim tal-​Bibbja!

Il-​Komuniżmu u l-​ateiżmu influwenzawni ħafna matul l-​ewwel 18-​il sena taʼ ħajti; il-​Bibbja ilha tbiddilli ħajti minn dakinhar ’il quddiem. Dak li tgħallimt neħħili l-​ansjetà li kelli dwar il-​futur u tani skop fil-​ħajja. Fl-​1993, tgħammidt bħala Xhud taʼ Ġeħova, u fis-​sena 2000, iżżewwiġt lil Tabitha, oħt żeluża li hi wkoll Xhud. Aħna nqattgħu kemm jistaʼ jkun ħin ngħinu lil oħrajn isiru jafu x’fiha l-​Bibbja. Ħafna wħud li niltaqgħu magħhom kellhom trobbija bħal tiegħi, waħda influwenzata mill-​Komuniżmu u l-​ateiżmu. Inħoss sodisfazzjon kbir meta nurihom kif jistgħu jsiru jafu lil Ġeħova.

KIF IBBENEFIKAJT

Għall-​ewwel li bdejt nistudja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, ommi u missieri ħaduha bi kbira. Però, minn dakinhar ’l hawn, innotaw li ħajti marret għall-​aħjar minn mindu bdejt nagħmilha max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kemm jien ferħan li issa qegħdin jaqraw il-​Bibbja u jattendu l-​laqgħat Kristjani tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Jien u Tabitha ngawdu żwieġ hieni għaliex nagħmlu ħilitna biex nobdu l-​pariri li tagħti l-​Bibbja lill-​koppji miżżewġin. Pereżempju, iż-​żwieġ tagħna qed ikompli jissaħħaħ għax nobdu dak li tgħid il-​Bibbja dwar il-​lealtà fiż-​żwieġ.—Ebrej 13:4.

M’għadniex nibżaʼ mill-​ħajja u lanqas għadni ansjuż dwar il-​futur. Inħossni parti minn familja dinjija, familja bl-​istess twemmin li tgawdi paċi u unità vera. F’din il-​familja, kulħadd hu trattat l-​istess. Din kienet xi ħaġa li kont nemmen fiha u li kont ilni nixtieqha ħajti kollha.

^ par. 12 L-​isem ġie mibdul.