Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | L-ANĠLI—X’TGĦID IL-BIBBJA DWARHOM?

L-anġli—Jistgħu jeffettwawlek ħajtek?

L-anġli—Jistgħu jeffettwawlek ħajtek?

Darba minnhom, il-​Ħadd waranofsinhar, Kenneth u Filomena, li jgħixu Curaçao, marru jżuru koppja miżżewġa li kienu qed jagħmlu studju tal-​Bibbja magħhom.

“Meta wasalna,” jirrakkonta Kenneth, “kien jidher li m’hemm ħadd id-​dar u lanqas il-​karozza ma kienet hemm. Imma xi ħaġa ġegħlitni nċempel fuq il-​mowbajl tal-​mara.”

Il-​mara wieġbet u spjegat li r-​raġel tagħha kien xogħol. Imma malli indunat li Kenneth u Filomena kienu wara l-​bieb, fetħitilhom u stidnithom jidħlu.

Mill-​ewwel indunaw li kienet qiegħda tibki. Hekk kif Kenneth qal talba biex jibda l-​istudju tal-​Bibbja, il-​mara reġgħet qabdet tibki. Allura Kenneth u Filomena staqsewha bil-​ħlewwa jekk kienx ġara xi ħaġa.

Il-​mara spjegat li hi kellha l-​ħsieb li ttemm ħajjitha dakinhar stess u li meta ċempel Kenneth, hi kienet qed tikteb nota dwar dan lil żewġha. Hi qaltilhom li kienet tbati minn dipressjoni. Huma qasmu magħha versi mill-​Bibbja biex jagħtuha faraġ, u dan l-​inkuraġġiment salvalha ħajjitha.

“Irringrazzjajna lil Ġeħova talli ppermettielna ngħinu lil din il-​mara ddisprata,” jgħid Kenneth, “u speċjalment talli qanqalna—forsi permezz taʼ anġlu jew tal-​ispirtu qaddis Tiegħu—biex nagħmlu dik it-​telefonata!” *

Għandhom raġun Kenneth u Filomena jemmnu li Alla interviena, kemm jekk permezz taʼ xi anġlu u kemm jekk permezz tal-​ispirtu qaddis, jew il-​forza attiva, Tiegħu? Jew kienet sempliċement kumbinazzjoni dik it-​telefonata f’waqtha taʼ Kenneth?

Ma nistgħux ngħidu fiċ-​ċert. Imma li nafu hu li Alla juża l-​anġli tiegħu biex jgħin lin-​nies spiritwalment. Pereżempju, il-​Bibbja tgħid li Alla uża anġlu biex jidderieġi lill-​evanġelizzatur Kristjan Filippu biex jgħin uffiċjal Etjopjan li kien qed ifittex għajnuna spiritwali.—Atti 8:26-31.

Diversi reliġjonijiet iħeġġu t-​twemmin fi ħlejjaq spirti sopranaturali. Lil xi wħud jiddeskrivuhom bħala ħlejjaq li jagħmlu l-​ġid jew li jaġixxu bħala anġli kustodji. Ħafna nies mhux biss jemmnu li l-​anġli jeżistu imma li dawn il-​ħlejjaq spirti jeffettwawlhom ħajjithom. Madankollu, hemm oħrajn li ma jemmnux li l-​anġli jeżistu.

Jeżistu verament l-​anġli? Jekk iva, allura x’inhi l-​oriġini tagħhom? X’inhi l-​verità dwar l-​anġli? Jistgħu dawn jeffettwawlek ħajtek? Ejja naraw l-​evidenza.

^ par. 8 Ġeħova hu l-​isem t’Alla kif jidher fil-​Bibbja.—Salm 83:18.