Tiftakar kemm kont taqaʼ meta kont għadek żgħir? Forsi qsamt idek jew slaħt irkopptok. Tistaʼ tiftakar kif farrġitek ommok? Forsi naddfitlek il-ferita, imbagħad infaxxathielek. Int bkejt, imma l-kliem ħelu u t-tgħanniqa bi mħabba tagħha malajr ġegħluk tħossok aħjar. F’dak iż-żmien, il-faraġ qatt ma kien ’il bogħod.

Imma aħna u nikbru l-ħajja ssir iżjed komplikata. Il-problemi jikbru, u jkun iktar diffiċli biex insibu l-faraġ. Sfortunatament, il-problemi tal-adulti ma tantx jistgħu jissolvew b’faxxa u tgħanniqa t’omm. Ikkunsidra ftit eżempji.

  • Qatt iffaċċjajt it-trawma li tlift ix-xogħol? Julian jgħid li meta keċċewh mix-xogħol, il-qatgħa li ħa ħallietu mifxul. ‘Kif se nieħu ħsieb il-familja?ʼ qagħad jaħseb. ‘Wara li ħdimt dawk is-snin kollha, il-kumpanija għala taħseb li m’għadnix tajjeb?ʼ

  • Forsi int ixxokkjajt ruħek minħabba li ż-żwieġ tiegħek tkisser. “Meta żewġi telaqni f’daqqa waħda 18-il xahar ilu, ħakmuni dwejjaq kbar. Kien bħallikieku qalbi nqasmet fi tnejn,” tispjega Raquel. “L-uġigħ mhux biss kien emozzjonali imma anke fiżiku. Dan beżżagħni.”

  • Jistaʼ jkun li għandek problema serja taʼ saħħa li ma tantx tidher sejra għall-aħjar. Forsi hemm drabi meta tħossok kif ħassu l-patrijarka Ġob, li lmenta: “Lil ħajti jien ċħadtha; ma rridx ngħix għal żmien indefinit.” (Ġob 7:16) Għandu mnejn tħossok kif ħassu Luis, raġel li għandu fuq it-80 sena, li ammetta, “Kultant inħossni sempliċement qed nistenna li mmut.”

  • Jew forsi tkun il-mewt taʼ xi ħadd maħbub li ġġiegħlek tixxennaq għall-faraġ. “Meta ibni miet fl-aċċident traġiku tal-ajruplan, għall-ewwel ma stajtx nemmen,” jispjega Robert. “Imbagħad ġie l-uġigħ, l-uġigħ li l-Bibbja tqabbel maʼ xabla twila li tinfdek.”Luqa 2:35.

Robert, Luis, Raquel, u Julian sabu l-faraġ, anke f’dawk iċ-ċirkustanzi taʼ dwejjaq kbar. Huma sabu l-aqwa Persuna biex tipprovdih—ħadd ħlief Alla li Jistaʼ Kollox. Kif jipprovdi l-faraġ? Se jipprovdi l-faraġ li teħtieġ għalik ukoll?