Xi nies jistaqsu jekk ir-rakkont dwar David u Gulija huwiex rakkont li seħħ veru jew sempliċement ħrafa. Għaddielek dan id-dubju minn moħħok hekk kif qrajt l-artiklu taʼ qabel dan? Jekk inhu hekk, jekk jogħġbok ikkunsidra t-tliet mistoqsijiet li ġejjin.

1 | Jistaʼ raġel verament ikun twil xi 2.9  metri?

Il-Bibbja tgħid li Gulija “kien twil sitt kubiti u xiber.” (1 Samwel 17:4) Il-kubitu msemmi għandu tul taʼ 44.5 ċentimetru; u x-xiber 22.2 ċentimetru. F’daqqa jagħmlu xi 2.9 metri. Xi wħud jinsistu li Gulija ma setax kien daqshekk twil, imma kkunsidra dan: Fiż-żminijiet moderni, l-itwal raġel dokumentat kien twil iżjed minn 2.7 metri. Huwa verament impossibbli li Gulija kien madwar 15 -il ċentimetru itwal? Hu kien mit-tribù tar-Refajm, irġiel magħrufin għad-daqs mhux tas-soltu tagħhom. Dokument Eġizzjan mis-seklu 13 qabel Kristu (QK) isemmi li xi gwerriera taʼ min jibżaʼ minnhom fir-reġjun taʼ Kangħan kienu iktar minn 2.4 metri twal. Allura, it-tul taʼ Gulija, għalkemm mhux komuni, mhuwiex impossibbli.

2 | Tassew eżista David?

Kien hemm żmien meta studjużi pprovaw ipoġġu lis-Sultan David mal-lista tal-ħrejjef, imma dan sar iktar diffiċli biex jagħmluh. L-arkeoloġi sabu skrizzjoni antika li ssemmi “d-dar taʼ David.” Iktar minn hekk, Ġesù Kristu tkellem dwar David bħala persuna vera. (Mattew 12:3; 22:43-45) L-identità taʼ Ġesù bħala l-Messija hija msaħħa minn żewġ ġenealoġiji dettaljati li juru li hu kien dixxendent tas-Sultan David. (Mattew 1:6-16; Luqa 3:23-31) Biċ-ċar, David kien persuna reali.

3 | Kien jeżisti l-post fejn seħħew il-ġrajjiet deskritti fir-rakkont?

Il-Bibbja tgħid li l-battalja seħħet fil-pjanura l-baxxa, jew il-wied, t’Elah. Imma tispeċifika iktar meta tgħid li l-Filistin ikkampjaw mal-ġenb taʼ għolja xi mkien bejn żewġ bliet, Sokoh u Għażeka. L-Iżraelin kienu weqfin in-naħa l-oħra tal-wied fuq il-ġenb tal-għolja li kienet faċċata. Kienu jeżistu dawn il-postijiet?

Innota dak li jgħid viżitatur li żar dan il-post reċentement: “Il-gwida tagħna—li ma kienx raġel reliġjuż—ħadna fil-wied t’Elah. Tlajna minn passaġġ li ħadna fit-tarf tal-għolja. Hekk kif ħarisna lejn il-wied, qalilna naqraw l-1 Samwel 17:1-3. Imbagħad hu pponta lejn in-naħa l-oħra tal-wied u qal: ‘Hemmhekk, fuq ix-xellug tagħkom, hemm il-fdalijiet taʼ Sokoh.’ Hu mbagħad dar u qal, ‘Hemmhekk, fuq il-lemin tagħkom, hemm il-fdalijiet taʼ Għażeka. Il-Filistin ikkampjaw bejn dawk il-bliet, xi mkien mal-ġnub tal-għolja taʼ faċċata tagħkom. Allura, għandu mnejn qegħdin fejn kienu kkampjati l-Iżraelin.ʼ Immaġinajt lil Sawl u David bilwieqfa eżatt fejn kont jien. Imbagħad inżilna, u qsamna minn qiegħ ix-xmara li kien kważi niexef u mimli ġebel. Ma stajtx ma nimmaġinax lil David jitbaxxa biex jiġbor ħames ġebliet lixxi, fosthom dik li biha qatel lil Gulija.” Dan il-viżitatur, bħal ħafna oħrajn, kien veru impressjonat bid-dettalji awtentiċi tar-rakkont Bibliku.

M’hemmx bażi vera biex niddubitaw kemm hu minnu dan ir-rakkont storiku. Hemm involuti nies reali u postijiet reali. Iktar importanti minn hekk, huwa parti mill-Kelma ispirata t’Alla, allura jiġi mill-Alla tal-verità, il-Wieħed li “ma jistax jigdeb.”Titu 1:2; 2 Timotju 3:16.