L-​OPINJONIJIET dwar il-​ħajja u l-​mewt huma ħafna u differenti. Xi wħud iħossu li wara l-​mewt jibqgħu jgħixu, forsi f’xi forma oħra jew f’post ieħor. Oħrajn iħossu li se jitwieldu mill-​ġdid biex jgħixu ħajja oħra. Jerġaʼ oħrajn jaħsbu li l-​mewt iġġib it-​tmiem taʼ kollox.

Għandu mnejn għandek it-​twemmin tiegħek dwar dan is-​suġġett, skont it-​trobbija jew il-​kultura tiegħek. Ladarba l-​opinjonijiet huma tant differenti dwar x’jiġri wara l-​mewt, hemm xi sors li nistgħu nduru lejh u taʼ min noqogħdu fuqu ħalli nkunu nistgħu nwieġbu din il-​mistoqsija taʼ taħbil il-​moħħ?

Għal sekli sħaħ, mexxejja reliġjużi għallmu d-​duttrina tal-​immortalità tar-​ruħ tal-​bniedem. In-​nies taʼ kważi r-​reliġjonijiet il-​kbar kollha—il-​Kristjani, il-​Ħindu, il-​Lhud, il-​Musulmani, u oħrajn—jemmnu li teżisti ruħ immortali, li jintqal li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt tal-​ġisem u li tgħix fil-​qasam tal-​ispirti. Mill-​banda l-​oħra, il-​Buddisti jemmnu li jitwieldu mill-​ġdid għal ħafna drabi u eventwalment ma jbatux iktar. Dan l-​istat mimli ferħ jissejjaħ Nirvana.

Minħabba tagħlim bħal dan, il-​maġġorparti tan-​nies taʼ madwar id-​dinja saru jemmnu li l-​mewt tiftaħ il-​bieb għall-​ħajja f’dinja oħra. Allura, il-​mewt għal ħafna hi pass importanti fiċ-​ċiklu tal-​ħajja, u għalihom tidher li hi parti mill-​iskop t’Alla. Imma l-​Bibbja x’tgħid dwar dan? Jekk jogħġbok aqra l-​artiklu li jmiss. It-​tweġiba għandha mnejn tissorprendik.