Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

It-Tetragrammaton, l-isem qaddis t’Alla, Ġeħova, b’ittri Ebrajċi li jinqraw mil-lemin għax-xellug

L-iċken ittra mill-alfabett Ebrajk tqawwilna qalbna

L-iċken ittra mill-alfabett Ebrajk tqawwilna qalbna

Nistgħu aħna verament inkunu ċerti li l-​wegħdi t’Alla kollha se jseħħu? Ġesù kien konvint minn dan, u t-​tagħlim tiegħu saħħaħ il-​fidi tas-​semmiegħa tiegħu. Ikkunsidra t-​tixbiha li ta fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, li hi mniżżla f’​Mattew 5:18: “Tassew ngħidilkom li iktar jgħaddu malajr is-​sema u l-​art milli b’xi mod titneħħa mil-​Liġi l-​iċken ittra jew tikka minn ittra u ma jseħħx kollox.”

L-​iżgħar ittra tal-​alfabett Ebrajk hi י (jod), li hi l-​ewwel ittra tat-​Tetragrammaton, l-​isem qaddis t’Alla, Ġeħova. * Minn barra l-​kliem u l-​ittri stess tal-​Liġi t’Alla, l-​iskribi u l-​Fariżej kienu saħansitra jqisu kull “tikka minn ittra” importanti ħafna.

Ġesù kien qed jgħid li hemm iktar ċans li jispiċċaw is-​sema u l-​art milli ma jitwettaqx l-​inqas dettall tal-​Liġi. Madankollu, l-​Iskrittura taċċertana li s-​smewwiet u l-​art letterali se jibqgħu għal dejjem. (Salm 78:69) Allura din l-​istqarrija sinifikanti tindika li ċertament kien se jitwettaq anki l-​iżgħar dettall tal-​Liġi.

Jimpurtah Alla Ġeħova minn dettalji żgħar? U żgur li iva! Ikkunsidra dan: L-​Iżraelin tal-​qedem kien intqalilhom li ma kellhom jiksru l-​ebda għadma tal-​ħaruf tal-​Qbiż. (Eżodu 12:46) Forsi dan jidher dettall żgħir. Fehmu huma għalfejn ma kellhom jiksru l-​ebda għadma? X’aktarx li le. Iżda Alla Ġeħova kien jaf li dan id-​dettall kien ibassar il-​fatt li l-​Messija ma kien se jkollu ebda għadma miksura meta kien se jingħata l-​mewt fuq iz-​zokk tat-​tortura.—Salm 34:20; Ġwanni 19:31-​33, 36.

Il-​kliem taʼ Ġesù x’jgħallimna? Anki aħna nistgħu nkunu fiduċjużi għalkollox li l-​wegħdi t’Alla Ġeħova kollha se jitwettqu sal-​inqas dettall. Kemm tqawwilna qalbna l-​iċken ittra tal-​alfabett Ebrajk!

^ par. 3 L-​iżgħar ittra tal-​alfabett Grieg hi ι (ijota) u evidentement hi simili għall-​ittra Ebrajka י (jod). Peress li l-​Liġi taʼ Mosè oriġinarjament inkitbet u għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra bl-​Ebrajk, x’aktarx li Ġesù kien qed jirreferi għall-​ittra bl-​Ebrajk.