Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Praslin, is-Seychelles, fejn il-Ġeneral Gordon sab il-ġnien tiegħu tal-Għeden fl-1881

Ġenna fuq l-art—Ħolma jew realtà?

Ġenna fuq l-art—Ħolma jew realtà?

Ġenna! Rivisti tal-​ivvjaġġar mill-​isbaħ iħajruna mmorru f’postijiet ’il bogħod qishom “ġenna” biex nistrieħu u ninsew l-​inkwiet u l-​problemi kollha tagħna. Imma bħalma nafu tajjeb, kif immorru lura d-​dar, ir-​realtajiet tal-​ħajja, tistaʼ tgħid, jibqgħu l-​istess bħalma nkunu ħallejniehom.

Minkejja dan, ġenna tal-​art tqanqal interess kbir. Żgur li ġieli ħsibna: ‘Hi “l-​ġenna” sempliċiment ħolma sabiħa? Jekk inhu hekk, għala taffaxxinana daqshekk? U tistaʼ qatt xi darba ssir realtà?’

IL-​ĠENNA—MINN ĠENERAZZJONI GĦAL OĦRA

Matul is-​sekli, in-​nies kienu affaxxinati bil-​ħsieb taʼ ġenna. Għal ħafna wħud, l-​interess tagħhom kien imqanqal għax fil-​Bibbja jissemma “ġnien fl-​Għeden, lejn il-​lvant.” X’għamel lil dan il-​ġnien tant attraenti? Ir-​rakkont jgħidilna: “Alla Ġeħova nibbet mill-​art kull siġra li tpaxxi l-​għajn u tajba għall-​ikel.” Dan il-​ġnien kien post li ma kien jonqsu xejn u jpaxxi l-​għajn. Kien hemm ukoll, bħala l-​aktar ħaġa li tolqot l-​għajn, “is-​siġra tal-​ħajja f’nofs il-​ġnien.”—Ġenesi 2:8, 9.

Ukoll, ir-​rakkont fil-​Ġenesi jsemmi erbaʼ xmajjar ħerġin minn ġol-​ġnien. Tnejn minn dawn l-​ixmajjar għadna nafu bihom sal-​ġurnata tal-​lum. Waħda hija x-​Xmara Ewfrat. L-​oħra hija x-​Xmara Ħiddekel li llum hija magħrufa bħala x-​Xmara Tigri. (Ġenesi 2:10-​14) Dawn iż-​żewġ xmajjar jgħaddu minn ġol-​pajjiż li llum nafuh bħala l-​Iraq, li qabel kien parti mill-​Persja tal-​qedem, u jispiċċaw fil-​Golf Persjan.

Mhux taʼ b’xejn li ġenna tal-​art tagħmel parti kbira mill-​wirt kulturali Persjan. Infatti, tapit Persjan tas-​16-​il seklu, fil-​Philadelphia Museum of Art ġewwa Pennsylvania, fl-​Istati Uniti tal-​Amerika, juri ġnien imdawwar b’ħajt li għandu siġar u fjuri minsuġin fid-​disinn tiegħu. Il-​kelma “ġenna” ġejja minn kelma antika Persjana li tfisser “ġnien imdawwar b’ħajt.” Ix-​xena fuq dan it-​tapit tirrifletti d-​deskrizzjoni tal-​ġnien tal-​Għeden li jissemma fil-​Bibbja. Dan il-​ġnien kien sabiħ u mimli frott.

Fil-​fatt, stejjer dwar ġenna tal-​art huma rrakkontati f’ħafna kulturi u lingwi madwar id-​dinja. Hekk kif in-​nies emigraw lejn pajjiżi oħrajn madwar id-​dinja, ħadu magħhom verżjonijiet differenti tar-​rakkont oriġinali li, fuq medda taʼ mijiet taʼ snin, tħalltu mat-​twemmin u l-​leġġendi li kienu żviluppaw lokalment. Saħansitra sal-​ġurnata tal-​lum, in-​nies mingħajr ma jaħsbuha darbtejn jiddeskrivu postijiet bi ġmiel naturali bħala ġenna.

IT-​TFITTXIJA GĦALL-​ĠNIEN TAL-​GĦEDEN

Xi esploraturi qalu li kienu sabu fejn kien il-​ġnien tal-​Għeden. Pereżempju, Charles Gordon, ġeneral fl-​armata Brittanika, meta żar is-​Seychelles fl-​1881, tant kien impressjonat bil-​ġmiel straordinarju taʼ post jismu Vallée de Mai—li llum huwa parti mill-​Wirt Dinji—li ddikjarah il-​ġnien tal-​Għeden. Fl-​1492, it-​Taljan Kristofru Kolombu, meta wasal fuq il-​gżira taʼ Hispaniola li llum hi r-​Repubblika Dominicana u l-​Ħaiti, ħaseb li kien kważi sab il-​ġnien tal-​Għeden.

Mapping Paradise, ktieb modern dwar l-​istorja, fih dettalji taʼ aktar minn 190 mappa antika, li ħafna minnhom juru lil Adam u Eva fl-​Għeden. Fosthom hemm mappa partikulari, li għandha madwar 800 sena u li hija kopja tal-​manuskritt taʼ Beatus taʼ Liébana. Fuq, hemm kaxxa żgħira bil-​ġenna fin-​nofs. Minn nofsha ħerġin erbaʼ xmajjar li għandhom l-​isem “Tigris,” “Eufrates,” “Pison,” u “Geon.” Kull waħda sejra lejn rokna differenti, li jingħad li dawn jirrappreżentaw il-​firxa tal-​Kristjanità lejn l-​erbaʼ rkejjen tal-​art. Affarijiet bħal dawn juru li għalkemm in-​nies ma kinux jafu fejn kienet eżattament il-​ġenna, l-​istejjer li jgħaddu minn ġenerazzjoni  għal oħra b’mod ċar juru li għadhom affaxxinati bil-​Ġenna tal-​art.

John Milton, poeta Ingliż li twieled aktar minn 400 mitt sena ilu, huwa magħruf għall-​poeżija tiegħu Paradise Lost, li hi bbażata fuq ir-​rakkont tal-​Ġenesi dwar id-​dnub u t-​tkeċċija taʼ Adam mill-​Għeden. Fiha hu enfasizza l-​wegħda li l-​bnedmin se jerġgħu jgħixu għal dejjem f’art magħmula ġenna, billi qal: “Imbagħad l-​art kollha se tkun ġenna.” Wara din il-​poeżija, Milton kiteb oħra li tkompli magħha bl-​isem Paradise Regained.

JIFFOKAW FUQ ĦAĠA OĦRA

B’mod ċar, il-​ħsieb li xi darba kien hemm il-​ġnien tal-​Għeden kienet idea aċċettata ferm fost in-​nies matul l-​istorja umana. Allura llum għaliex m’għadhiex tissemma? Bażikament, għaliex bħalma jgħid il-​ktieb Mapping Paradise, “it-​teologi . . . injoraw apposta l-​kwistjoni taʼ fejn kienet il-​ġenna.”

Il-​maġġoranza tan-​nies li jmorru l-​knisja huma mgħallmin li fl-​aħħar mill-​aħħar sejrin fis-​sema, u mhux jgħixu f’ġenna tal-​art. Minkejja dan, il-​Bibbja tgħid f’​Salm 37:29: “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” Ladarba d-​dinja li qed ngħixu fiha llum żgur li mhix ġenna, x’tama hemm li din il-​wegħda qatt xi darba se ssir realtà? *

IR-​REALTÀ TAʼ ĠENNA FUQ L-​ART KOLLHA

Alla Ġeħova, li ħalaq il-​Ġenna tal-​art oriġinali, wiegħed li se jerġaʼ jġib lura dak li kien intilef. Kif? Ftakar li Ġesù għallimna nitolbu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:10) Din is-​Saltna hija gvern immexxi minn Ġesù Kristu u hu se jsaltan fuq id-​dinja kollha minflok il-​gvernijiet umani. (Danjel 2:44) Taħt it-​tmexxija taʼ din is-​Saltna, ir-​rieda t’Alla li jerġaʼ jagħmel l-​art ġenna se titwettaq.

Mijiet taʼ snin qabel, il-​profeta Isaija kien ispirat biex jiddeskrivi kif se jkunu l-​kundizzjonijiet fil-​Ġenna tal-​art li hi mwiegħda, fejn it-​tensjoni u l-​ġlied li qed jifnu l-​umanità llum mhux se jibqgħu aktar. (Isaija 11:6-​9; 35:5-​7; 65:21-​23) Inħeġġuk tieħu ftit minuti u taqra dawn l-​iskritturi mill-​Bibbja tiegħek stess. Jekk tagħmel hekk, se tkun ċert minn dak li Alla għandu maħżun għall-​umanità ubbidjenti. Imbagħad dawk li jkunu ħajjin se jgawdu ġenna tal-​art u l-​approvazzjoni t’Alla, żewġ affarijiet li tilef Adam.—Rivelazzjoni 21:3.

Għaliex nistgħu nkunu ċerti li t-​tama li din l-​art se ssir Ġenna mhix ħolma imma realtà? Għaliex il-​Bibbja tgħidilna: “Taʼ Ġeħova huma s-​smewwiet, imma l-​art taha lil ulied il-​bnedmin.” It-​tama taʼ Ġenna fuq l-​art hija tama li “Alla, li ma jistax jigdeb, . . . wegħedhielna minn żmien twil ilu.” (Salm 115:16; Titu 1:2) Xi prospett tal-​għaġeb qed toffri l-​Bibbja—Ġenna tal-​art għal dejjem!

^ par. 15 Huwa taʼ interess ukoll li l-​Koran f’vers 105 taʼ sura 21, Al-​Anbija [Il-​Profeti], jgħid: “Il-​ġusti minn fost il-​qaddejja Tiegħi se jirtu l-​art.”