Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Elias Hutter u l-Bibbji straordinarji tiegħu bl-Ebrajk

Elias Hutter u l-Bibbji straordinarji tiegħu bl-Ebrajk

TISTAʼ taqra l-​Ebrajk tal-​Bibbja? X’aktarx li le. Forsi lanqas qatt ma rajt Bibbja bl-​Ebrajk. Però, tistaʼ tkabbar l-​apprezzament għall-​kopja persunali tiegħek tal-​Iskrittura Mqaddsa billi titgħallem dwar Elias Hutter, studjuż tas-​16-​il seklu, u ż-​żewġ edizzjonijiet tal-​Bibbja bl-​Ebrajk li ppubblika.

Elias Hutter twieled fl-​1553 f’Görlitz, belt żgħira li llum il-​ġurnata qiegħda qrib il-​fruntiera taʼ bejn il-​Ġermanja, il-​Polonja, u r-​Repubblika Ċeka. Hutter studja l-​lingwi tal-​Lvant Nofsani fl-​Università Luterana f’Jena. Meta kellu biss 24 sena, hu laħaq professur tal-​Ebrajk f’Leipzig. Bħala wieħed li ried jagħmel bidla fl-​edukazzjoni, hu iktar tard waqqaf skola f’Nuremberg fejn l-​istudenti setgħu jitgħallmu l-​Ebrajk, il-​Grieg, il-​Latin, u l-​Ġermaniż fi żmien erbaʼ snin. Xi ħaġa li kienet impossibbli fi skola jew università oħra f’dak iż-​żmien.

“IL-​ĠMIEL TAʼ DIN L-​EDIZZJONI”

Il-paġna bit-titlu tal-Bibbja bl-Ebrajk taʼ Hutter tal-1587

Fl-​1587, Hutter ippubblika edizzjoni bl-​Ebrajk taʼ dak li spiss jissejjaħ it-​Testment il-​Qadim. Din l-​edizzjoni kellha t-​titlu Derekh ha-​Kodesh, li jfisser “it-​Triq tal-​Qdusija” u li hu meħud minn Isaija 35:8. It-​tipa mill-​isbaħ li kienet miktuba biha qanqlet il-​kumment li “kulma hemm fiha jindika l-​ġmiel taʼ din l-​edizzjoni.” Imma dak li għamel din il-​Bibbja taʼ valur kbir kien il-​fatt li l-​istudenti setgħu jużawha bħala għodda effettiva biex jitgħu l-​Ebrajk.

Biex nifhmu għala l-​Bibbja bl-​Ebrajk taʼ Hutter kienet daqstant t’għajnuna, irridu nikkunsidraw żewġ sfidi li kien jiffaċċja student meta kien jipprova jaqra l-​Bibbja bl-​Ebrajk. L-​ewwel, l-​alfabett hu differenti u jinqara mil-​lemin għax-​xellug, u t-​tieni, hu diffiċli tagħraf l-​għerq tal-​kliem bil-​prefiss u s-​suffiss mal-​kelma. Pereżempju, ikkunsidra l-​kelma Ebrajka נפשׁ (tinqara nefex), li tfisser “ruħ.” F’​Eżekjel 18:4, maʼ din il-​kelma hemm il-​prefiss ה (ħa), li jfisser “ir-​,” u b’hekk flimkien jifformaw il-​kelma הנפשׁ (ħan·nefex), jew “ir-​ruħ.” Għal xi ħadd mhux midħla tal-​Ebrajk, הנפשׁ (ħan·nefex) tistaʼ tidher kelma differenti għalkollox mill-​kelma נפשׁ (nefex).

Biex jgħin lill-​istudenti tiegħu, Hutter uża teknika taʼ stampar brillanti—tipa li għandha ittri Ebrajċi b’żewġ modi differenti. Hu pprintja l-​għerq  taʼ kull kelma mod, u l-​prefiss u s-​suffiss mod ieħor. Dan l-​apparat sempliċi għamilha faċli għall-​istudenti biex jirrikonoxxu l-​għerq tal-​kelma Ebrajka, u dan għenhom biex jitgħallmu l-​lingwa. In-​New World Translation of the Holy Scriptures—With References tuża metodu simili fin-​noti taʼ taħt tagħha. L-​għerq tal-​kelma miktub b’ittri Ingliżi hu b’tipa iktar skura, u l-​prefiss u s-​suffiss huma b’tipa normali. Is-​siltiet immarkati fl-​istampi juru t-​tipa li uża Hutter fil-​Bibbja Ebrajka f’​Eżekjel 18:4 u dik li hi użata fir-​Reference Bible fin-​nota taʼ taħt tal-​istess vers.

EDIZZJONI EBRAJKA TAT-​“TESTMENT IL-​ĠDID”

Hutter ipprintja wkoll dik li spiss hi msejħa t-​Testment il-​Ġdid, bi 12-​il lingwa. Din l-​edizzjoni ġiet ippubblikata f’Nuremberg fl-​1599 u spiss tissejjaħ il-​Poliglotta taʼ Nuremberg. Hutter xtaq li jkun hemm traduzzjoni bil-​lingwa Ebrajka tal-​Iskrittura Griega Kristjana. Imma hu qal li anki jekk kien lest iħallas kemxa ġmielha biex ikun hemm traduzzjoni bl-​Ebrajk, it-​tfittxija biex isib lil xi ħadd kienet se tkun għalxejn. * Allura ddeċieda li jittraduċi t-​Testment il-​Ġdid mill-​Grieg għall-​Ebrajk hu stess. Billi ħalla fil-​ġenb kull biċċa xogħol li kellu, Hutter spiċċa l-​proġett kollu tat-​traduzzjoni f’sena waħda biss!

Kemm kienet tajba t-​traduzzjoni bl-​Ebrajk taʼ Hutter tal-​Iskrittura Griega Kristjana? Franz Delitzsch, studjuż magħruf tal-​Ebrajk, fl-​1891 kiteb: “It-​traduzzjoni tiegħu bl-​Ebrajk turi li kellu fehma tal-​lingwa li kienet rari fost il-​Kristjani u li taʼ min jiċċekkja magħha avolja għadda ż-​żmien, għax għal darba wara l-​oħra kien fortunat li jolqot il-​musmar fuq rasu billi uża propju l-​espressjoni t-​tajba.”

EFFETT FIT-​TUL

Hutter ma sarx sinjur mix-​xogħol tat-​traduzzjoni tiegħu; milli jidher l-​edizzjonijiet tiegħu ma tantx inbiegħu. Minkejja dan, ix-​xogħol tiegħu kellu effett importanti u fit-​tul. Pereżempju, it-​Testment il-​Ġdid bl-​Ebrajk tiegħu ġie rivedut u reġaʼ ġie stampat fl-​1661 minn William Robertson u fl-​1798 minn Richard Caddick. Meta ttraduċa mill-​Grieg oriġinali, Hutter b’mod xieraq ittraduċa t-​titli Kirjos (Mulej) u Teos (Alla) bħala “Ġeħova” (יהוה, JĦWH) meta kkwota mill-​Iskrittura Ebrajka jew meta ħass li kienu qed jirreferu għal Ġeħova. Dan hu taʼ interess għax għalkemm ħafna traduzzjonijiet tat-​Testment il-​Ġdid ma jużawx l-​isem persunali t’Alla, it-​traduzzjoni taʼ Hutter użatu u b’hekk turi li hi favur li jerġaʼ jitniżżel l-​isem t’Alla fl-​Iskrittura Griega Kristjana.

La terġaʼ tara l-​isem t’Alla, Ġeħova, fl-​Iskrittura Griega Kristjana, ftakar fix-​xogħol taʼ Elias Hutter u l-​Bibbji straordinarji tiegħu bl-​Ebrajk.

^ par. 9 Milli jidher, kien hemm xi studjużi li kienu għamlu traduzzjoni bl-​Ebrajk tat-​Testment il-​Ġdid. Wieħed minnhom kien Simon Atoumanos, patri Biżantin, madwar l-​1360. Ieħor kien Oswald Schreckenfuchs, studjuż Ġermaniż, madwar l-​1565. Dawn it-​traduzzjonijiet qatt ma ġew pubblikati u issa ntilfu.