Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

It-tbatija—Hi kastig mingħand Alla?

It-tbatija—Hi kastig mingħand Alla?

LUZIA ZZAPPAP FUQ SIEQHA X-​XELLUGIJA. Meta kienet għadha żgħira mardet bil-​poljo. Din il-​marda tittieħed ħafna u tattakka s-​sistema tan-​nervituri tal-​ġisem. Meta kellha 16-​il sena, il-​mara li kienet taħdem għaliha Luzia qaltilha, “Alla kkaġunalek il-​paralisi għax ma kontx tobdi lil ommok u kont taġixxi ħażin magħha.” Għaddew is-​snin u Luzia għadha tiftakar kemm kienet ħassitha mweġġgħa.

META DAMARIS SARET TAF LI KELLHA KANĊER F’MOĦĦHA, missierha staqsieha: “X’għamilt int biex ġralek hekk? Żgur li għamilt xi ħaġa ħażina ħafna. Għalhekk Alla qed jikkastigak.” Damaris ħassitha mkissra b’dak li kien qalilha.

In-​nies ilhom għal eluf taʼ snin jemmnu li l-​mard hu kastig mingħand Alla. Il-​ktieb Manners and Customs of Bible Lands jgħid li ħafna fi żmien Kristu kienu jemmnu li “xi ħadd kien jimrad minħabba li hu jew xi ħadd li jiġi minnu jkun għamel dnub, u li l-​mard kien jintbagħat bħala kastig għal dan id-​dnub.” Il-​ktieb Medieval Medicine and the Plague jgħid li ħafna sekli wara Kristu, “xi wħud kienu jemmnu li Alla bagħat il-​pesti biex jikkastigahom għad-​dnubiet tagħhom.” Allura, kien Alla qed jagħmel ġudizzju fuq in-​nies ħżiena meta fis-​seklu 14 fl-​Ewropa mietu miljuni taʼ nies minħabba l-​pesta? Jew sempliċiment il-​pesta kienet ikkaġunata minn infezzjoni tal-​batterji, bħalma skoprew l-​istudjużi tal-​mediċina? Forsi xi wħud jitħassbu, tassew li Alla juża l-​mard biex iġiegħel lin-​nies isofru għal dnubiethom? *

IKKUNSIDRA: Għala Ġesù kien se joqgħod ifejjaq lin-​nies jekk il-​mard u t-​tbatija kienu kastigi mistħoqqa mingħand Alla? Ma kienx kieku dan imur kontra l-​ġustizzja u s-​sewwa t’Alla? (Mattew 4:23, 24) Żgur li Ġesù qatt ma kien se jagħmel xi ħaġa kontra dak li jkun għamel Alla. Hu qal: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu” u “bħalma ordnali l-​Missier, hekk qed nagħmel.”—Ġwanni 8:29; 14:31.

Il-​Bibbja hija ċara. Alla Ġeħova hu dejjem “ġust u rett.” (Dewteronomju 32:4) Pereżempju, Alla qatt mhu se jwaqqaʼ ajruplan u joqtol mijiet taʼ nies innoċenti għax ikun irid jikkastiga lil xi ħadd mill-​passiġġieri! Fi qbil mas-​sewwa t’Alla, Abraham, qaddej leali t’Alla, qal li Alla qatt mhu se “jeqred lin-​nies sewwa maʼ dawk li huma mill-​agħar.” Rigward dan, Abraham qal: “Qatt ma jgħaddili minn moħħi.” (Ġenesi 18:23, 25) Il-​Bibbja tgħid ukoll li “Alla ma jaġixxix bil-​ħażen”; hu ma jaġixxix “b’mod inġust.”—Ġob 34:10-12.

DAK LI L-​BIBBJA TGĦALLIMNA DWAR IT-​TBATIJA

Meta aħna nbatu, dan ma jkunx għax Alla jkun qed jikkastigana għal dnub speċifiku. Ġesù nnifsu kien ċar ħafna dwar din il-​ħaġa meta hu u d-​dixxipli tiegħu raw raġel li kien agħmi minn twelidu. “Id-​dixxipli tiegħu staqsewh: ‘Rabbi, min dineb, dan ir-​raġel jew il-​ġenituri tiegħu, biex twieled agħma?’ Ġesù wieġeb: ‘La dan ir-​raġel ma dineb u lanqas il-​ġenituri tiegħu, imma dan ġara sabiex fil-​każ tiegħu jintwerew l-​għemejjel t’Alla.’”—Ġwanni 9:1-3.

Meta tqis kemm din l-​idea żbaljata kienet komuni, id-​dixxipli taʼ Ġesù żgur li kienu sorpriżi meta hu qalilhom li la dak ir-​raġel u lanqas il-​ġenituri tiegħu ma kienu ħatja taʼ xi dnub li ġab dik it-​tbatija. Ġesù mhux biss fejjaq lir-​raġel agħmi imma billi  għamel hekk hu wera kemm hu żbaljat it-​twemmin li t-​tbatija hija kastig mingħand Alla. (Ġwanni 9:6, 7) Dawk li llum qegħdin ibatu minn mard serju jistgħu jsibu faraġ għax jafu li mhuwiex Alla li qed jikkaġunalhom l-​uġigħ.

Għala Ġesù kien se joqgħod ifejjaq lin-​nies jekk Alla kien qed jikkastigahom għall-​ħażen tagħhom?

L-​Iskrittura tassigurana

  • “Alla la jistaʼ jiġi provat u lanqas ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena.” (ĠAKBU 1:13) Fil-​fatt, l-​“affarijiet ħżiena” li fnew lill-​umanità għal sekli sħaħ, inkluż il-​mard, l-​uġigħ, u l-​mewt, dalwaqt se jispiċċaw.

  • Ġesù Kristu “fejjaq lil kulmin kien magħdur.” (MATTEW 8:16) Billi fejjaq lil kull min ġie għandu, l-​Iben t’Alla wera x’se twettaq is-​Saltna t’Alla fuq skala globali.

  • “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—RIVELAZZJONI 21:3-5.

TAʼ MIN HU T-TORT?

Allura, għala l-​umanità qed tesperjenza daqstant uġigħ u tbatija? In-​nies ilhom jaħsbu dwar din il-​mistoqsija għal sekli sħaħ. Jekk mhuwiex it-​tort t’Alla, allura min hu responsabbli għal dan kollu? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss.

^ par. 4 Għalkemm fil-​passat kien hemm drabi fejn Alla kkastiga lin-​nies għal ċerti dnubiet, il-​Bibbja ma tindikax li Ġeħova issa qed juża affarijiet bħal mard jew traġedji biex jikkastiga lin-​nies għal dnubiethom.