Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Taʼ min hu t-tort?

Taʼ min hu t-tort?

Jekk it-​tbatija mhix ġejja mingħand Alla, mela x’inhu l-​kaġun tal-​ġuħ kbir, il-​faqar li qatt ma jispiċċa, il-​gwerer tal-​biżaʼ, il-​mard serju, u d-​diżastri naturali? Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, tirrivela tliet raġunijiet prinċipali għala n-​nies ibatu:

  1. L-​egoiżmu, ir-​regħba, u l-​mibegħda. “Il-​bniedem iddomina lill-​bniedem bi ħsara għalih.” (Ekkleżjasti 8:9) In-​nies ħafna drabi jsofru għax jisfaw vittmi taʼ nies imperfetti, egoisti, u kattivi.

  2. Iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin. In-​nies spiss isofru “għax iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekkleżjasti 9:11) Dan jiġifieri, in-​nies sempliċiment jinzertaw fil-​post ħażin fil-​ħin ħażin, jistaʼ jkollhom aċċident, jew jistgħu jaġixxu bi traskuraġni jew jagħmlu żbalji.

  3. Il-​ħakkiem ħażin tad-​dinja. Il-​Bibbja turi b’mod ċar x’inhi l-​kawża primarja tat-​tbatija tan-​nies. Tgħid: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Dak il-​“Ħażin” hu Satana x-​Xitan, ħliqa spirtu li għandu qawwa kbira. Dan fil-​bidu kien anġlu t’Alla imma “ma żammx sħiħ fil-​verità.” (Ġwanni 8:44) Ħlejjaq spirti oħra ngħaqdu maʼ Satana u rribellaw kontra Alla biex b’mod egoistiku jipprovaw jiksbu dak li jixtiequ, u għalhekk għamlu lilhom infushom demonji. (Ġenesi 6:1-5) Minn mindu rribellaw, Satana u d-​demonji tiegħu użaw l-​influwenza qawwija u krudila tagħhom fuq id-​dinja. Dan qed jiġri b’mod partikulari fi żmienna. Issa, ix-​Xitan hu rrabjat ħafna u “qed iqarraq bl-​art abitata kollha,” u dan irriżulta fi “gwaj għall-​art.” (Rivelazzjoni 12:9, 12) Fil-​fatt, Satana hu dittatur kattiv u vjolenti. Hu bil-​kattiverija jieħu pjaċir jara lin-​nies isofru. Hu Satana, u mhux Alla, li jġiegħel lin-​nies isofru.

IKKUNSIDRA: Xi ħadd kiefer u bla qalb biss iġiegħel lill-​bnedmin innoċenti jsofru. B’kuntrast, il-​Bibbja tgħid: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Fi qbil mal-​personalità kollha mħabba tiegħu, “ma jistax ikun li l-​Alla l-​veru jaġixxi bil-​ħażen, u li Dak   li Jistaʼ Kollox jaġixxi b’mod inġust!”—Ġob 34:10.

Madankollu, għandek mnejn taħseb, ‘Alla li Jistaʼ Kollox kemm ħa jdum jippermetti lil Satana jkompli l-​ħakma kiefra tiegħu?’ Bħalma rajna, Alla jobgħod il-​ħażen u hu jweġġaʼ ħafna meta jarana nbatu. Iktar minn hekk, il-​Kelma tiegħu tħeġġiġna biex ‘nitfgħu l-​ansjetà kollha tagħna fuqu, għax hu jimpurtah minna.’ (1 Pietru 5:7) Alla jħobbna u għandu l-​qawwa biex iġib fix-​xejn kull tbatija u inġustizzja, bħalma se jispjega l-​artiklu li jmiss. *

^ par. 7 Għal spjegazzjoni dettaljata dwar għala Alla jippermetti t-​tbatija, ara kapitlu 11 tal-​ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja? li ġie ppubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u hu disponibbli biex jitniżżel b’xejn minn www.jw.org/mt.