Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Intom tiswew iktar.”—MATTEW 10:31

Jinnotak Alla?

Jinnotak Alla?

DAK LI JGĦALLIMNA L-​ĦOLQIEN

L-​ewwel siegħa taʼ ħajja taʼ tarbija barra l-​ġuf hu perjodu kritiku taʼ aġġustament. Għala? Għax it-​tfal jistgħu jikbru u jiżviluppaw ħafna aħjar jekk l-​ommijiet ikollhom rabta emozzjonali qawwija mat-​trabi tagħhom matul dan il-​ħin kritiku. *

Xi jġiegħel lil omm tieħu ħsieb b’tenerezza lit-​tarbija tat-​twelid tagħha? Il-​Professur Jeannette Crenshaw f’The Journal of Perinatal Education tispjega li ammont kbir tal-​ormon ossitosin “iqanqal is-​sentimenti tal-​omm wara li twelled hekk kif l-​omm tmiss, tħares lejn, u treddaʼ t-​tarbija tagħha.” Ormon ieħor li jiżdied f’dan il-​perjodu “jgħin lill-​omm tirreaġixxi għall-​bżonnijiet tat-​tarbija tagħha” u jsaħħaħ il-​komunikazzjoni u l-​kuntatt magħha. Dan għala hu sinifikanti?

Ir-​rabta mill-​qrib bejn l-​omm u t-​tarbija ġiet disinjata mill-​Ħallieq tagħna kollu mħabba, Alla Ġeħova. * Is-​Sultan David ta ġieh lil Alla għax kien hu li ħarġu mill-​ġuf u ġiegħlu jħossu fis-​sigurtà fi ħdan ommu. Hu talab: “F’idejk kont merħi [jew, “fdat”] sa mill-​ġuf; sa minn żaqq ommi int kont Alla tiegħi.”—Salm 22:9, 10.

IKKUNSIDRA: Jekk Alla ħalaq sistema tant komplikata biex jagħmel ċert li omm umana b’tenerezza tagħti kas u tieħu ħsieb il-​bżonnijiet tat-​tarbija tagħha, ma jagħmilx sens li naħsbu li Alla jieħu wkoll interess persunali fina, “ulied Alla”?—Atti 17:29.

DAK LI L-​BIBBJA TGĦALLIMNA DWAR IL-​ĦARSIEN KOLLU MĦABBA T’ALLA

Ġesù Kristu, li jaf lill-​Ħallieq aħjar minn kull persuna oħra, għallem: “Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-​bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-​art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. Għax saħansitra x-​xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-​bejt.”—Mattew 10:29-31.

Huma ftit dawk li jagħtu kas kull għasfur żgħir li jaraw, aħseb u ara kemm jinnotaw meta wieħed minnhom jaqaʼ. Imma Missierna tas-​smewwiet jinnota lil kull wieħed minnhom! U l-​għasafar—anki ħafna għasafar—qatt ma jiswew daqs bniedem għalih. Għaldaqstant il-​lezzjoni hi ċara: Serraħ moħħok, Alla jinnotak. Infatti, hu interessat ferm fik!

Alla jinteressah ħafna mill-​benesseri tagħna u jħarisna b’interess kollu mħabba

 L-​Iskrittura taċċertana

  • “Għajnejn Ġeħova huma kullimkien, għassa tal-​ħżiena u t-​tajbin.”—PROVERBJI 15:3.

  • “Għajnejn Ġeħova huma fuq in-​nies sewwa, u widnejh miftuħin għall-​għajta tagħhom għall-​għajnuna.”—SALM 34:15.

  • “Se nifraħ u nithenna bil-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek, għax int rajt is-​sofferenza tiegħi; kont taf bin-​niket taʼ ruħi.”—SALM 31:7.

“KONT INĦOSS LI ĠEĦOVA MA KIENX IĦOBBNI”

Jistaʼ l-​fatt li nkunu nafu li Alla jinteressah mill-​benesseri tagħna u jħarisna b’interess kollu mħabba jagħmel differenza f’ħajjitna? U żgur li iva, bħalma tispjega Hannah * mill-​Ingilterra:

“Kien hemm ħafna drabi fejn kont inħoss li Ġeħova ma kienx iħobbni u li t-​talb tiegħi ma kienx qed jiġi mwieġeb. Kont naħseb li dan kien minħabba nuqqas taʼ fidi min-​naħa tiegħi. Ħassejt li kont qed niġi kkastigata jew injorata għax ma kontx importanti. Ħassejt li Alla ma kienx jimpurtah minni.”

Però, Hannah m’għadx għandha dubju jekk Ġeħova jħobbhiex u jagħtihiex attenzjoni. X’kien li biddel il-​mod kif tħossha? “Il-​bidla ma saritx mil-​lum għall-​għada imma bil-​mod il-​mod,” tispjega hi. “Niftakar li ħafna snin ilu kont smajt taħdita bbażata fuq il-​Bibbja dwar is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Din kellha effett kbir fuqi u għenitni nħossni ċerta mill-​imħabba taʼ Ġeħova. U meta t-​talb tiegħi jiġi mwieġeb, spiss ninfaqaʼ nibki għax nirrealizza li fuq kollox Ġeħova jħobbni. Ukoll, billi nistudja l-​Bibbja u nattendi l-​laqgħat Kristjani nitgħallem iktar dwar Ġeħova, il-​personalità tiegħu, u l-​mod kif iħossu dwarna. Issa qed nara ċar li Ġeħova jappoġġana u jħobbna u li għandu x-​xewqa li jieħu ħsiebna individwalment.”

Dak li tgħid Hannah hu inkuraġġanti. Imma kif tistaʼ tkun ċert li Alla jifhem u jiftakar kif tħossok int? L-​artiklu li ġej se jikkunsidra din il-​mistoqsija.

^ par. 3 Xi ommijiet li jbatu minn dipressjoni wara t-​twelid jistgħu jsibuha bi tqila biex ikollhom rabta emozzjonali qawwija mat-​tarbija tagħhom. Però, dawn m’għandhomx iħossu li hu t-​tort tagħhom. Skont l-​Istitut Nazzjonali għas-​Saħħa Mentali fl-​Istati Uniti, id-​dipressjoni wara t-​twelid “x’aktarx li tiġi minn għadd taʼ fatturi fiżiċi u emozzjonali . . . imma ma tiġix minn xi ħaġa li tkun għamlet jew m’għamlitx l-​omm.” Għal iktar informazzjoni fuq is-​suġġett, ara l-​artiklu “Nifhmu d-​Dipressjoni Wara t-​Twelid taʼ Tarbija,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 t’Awwissu 2003.

^ par. 5 Ġeħova hu l-​isem t’Alla kif jidher fil-​Bibbja.—Salm 83:18.

^ par. 15 Xi ismijiet f’din is-​serje t’artikli ġew mibdulin.