Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju.”—SALM 139:16.

Jifhmek Alla lilek?

Jifhmek Alla lilek?

DAK LI JGĦALLIMNA L-​ĦOLQIEN

Aħseb ftit fuq waħda mill-​iktar relazzjonijiet mill-​qrib li l-​bnedmin jistaʼ jkollhom—dik taʼ tewmin identiċi. Huma jkollhom rabta speċjali bejniethom. Xi tewmin saħansitra “jafu x’jiġifieri li tgħid xi ħaġa lil xi ħadd u jifhmek mingħajr ma jkollok għalfejn tispjega,” tgħid Nancy Segal, direttriċi tat-​Twin Studies Center u li hi nfisha hi tewmija. Waħda mara ddeskriviet ir-​relazzjoni bejnha u bejn oħtha t-​tewmija identika, b’dan il-​mod: “Aħna nafu kollox dwar xulxin.”

Għala jifhmu daqstant lil xulxin b’mod uniku? Xi studji juru li filwaqt li l-​ambjent taʼ madwarhom u t-​trobbija huma xi fatturi, dak li jagħmel l-​iktar differenza hu l-​fatt li t-​tewmin identiċi għandhom il-​ġenetika simili għal taʼ xulxin.

IKKUNSIDRA: Il-​Wieħed li ħalaqna żgur li jaf lil kull wieħed minna iktar minn kull persuna oħra. Infatti, is-​salmista David stqarr: “Int żammejtni mistur f’żaqq ommi. Għadmi ma kienx moħbi minnek meta ġejt magħmul fis-​sigriet. . . . Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-​ktieb tiegħek inkitbu l-​partijiet kollha tiegħi.” (Salm 139:13, 15, 16) Alla jaf u jifhem bis-​sħiħ mhux biss kif aħna magħmulin imma anke l-​esperjenzi li ngħaddu minnhom u li jsawru l-​personalità tagħna. Hu biss jaf u jifhem bis-​sħiħ dan. L-​għarfien uniku li Alla għandu dwarna u dwar kif aħna magħmulin jaċċertana li hu verament jifhimna sal-​iċken dettall.

DAK LI L-​BIBBJA TGĦALLIMNA DWAR L-​GĦARFIEN T’ALLA

David talab: “O Ġeħova, int fittixt fija, u tafni. Int taf meta npoġġi u meta nqum. Int għaraft il-​ħsieb tiegħi mill-​bogħod. Għax lanqas hemm kelma waħda fuq ilsieni, imma, ara, O Ġeħova, int diġà taf x’inhi.” (Salm 139:1, 2, 4) Barra minn hekk, Ġeħova hu konxju tal-​iktar sentimenti ġewwinin tagħna u saħansitra “jagħraf kull inklinazzjoni tal-​ħsibijiet.” (1 Kronaki 28:9; 1 Samwel 16:6, 7) Dawn il-​versi x’juru dwar Alla?

Għalkemm meta nitolbu lil Alla forsi ma nesprimux dak kollu li naħsbu u nħossu, il-​Ħallieq tagħna mhux biss jinnota dak li nagħmlu imma jifhem ukoll għala nagħmluh. Iktar minn hekk, hu jaf bit-​tajjeb li nkunu nixtiequ nagħmlu, anki jekk il-​limitazzjonijiet tagħna jżommuna milli nagħmlu dak li tkun tixtieq qalbna. M’għandniex xi ngħidu, peress li kien Alla stess li poġġa l-​imħabba fi qlubna, hu lest—u saħansitra ħerqan—li josserva u jifhem il-​mottivi u l-​ħsibijiet kollha mħabba tagħna.—1 Ġwanni 4:7-10.

Alla xejn ma jaħrablu, kollox jinnota. Hu saħansitra konxju tat-​tbatijiet tagħna meta oħrajn jaf lanqas biss ikunu konxji tagħhom jew jifhmuhom għalkollox

 L-​Iskrittura taċċertana

  • “Għajnejn Ġeħova huma fuq in-​nies sewwa, u widnejh miftuħin għat-​talb bil-​ħerqa tagħhom.”—1 PIETRU 3:12.

  • Alla jwiegħed: “[Jien] se nagħtik id-​dehen u nistruwik dwar it-​triq li għandek taqbad. Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.”—SALM 32:8.

ALLA HU ĦANIN ĦAFNA

Il-​fatt li nkunu nafu li Alla jifhem is-​sitwazzjoni tagħna u kif inħossuna, jistaʼ jgħinna nissaportu d-​diffikultajiet? Ikkunsidra dak li ġara lil Anna min-​Niġerja. “Jien kelli d-​dubji jekk kienx worth it li ngħix minħabba ċ-​ċirkustanzi ddisprati tiegħi,” tispjega hi. “Jien kont armla u kont qed nieħu ħsieb lil binti li kienet l-​isptar għax kienet qed tbati minn hydrocephalus (fluwidu eċċessiv fil-​moħħ), meta lili qaluli li kelli kanċer tas-​sider u li kelli bżonn operazzjoni, kimoterapija, u radjuterapija. Kien diffiċli ħafna għalija li nkun l-​isptar fl-​istess ħin li kien hemm binti.”

X’għen lil Anna tkampa? “Jien kont noqgħod naħseb dwar skritturi bħal Filippin 4:6, 7, li jgħid li ‘l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom.’ Kull darba li din l-​iskrittura kienet tiġi f’moħħi, kont inħossni qrib ħafna taʼ Ġeħova, għax kont naf li hu kien jifhimni iktar milli jien nifhem lili nnifsi. Ingħatajt ukoll ħafna inkuraġġiment mingħand l-​għeżież ħuti spiritwali tal-​kongregazzjoni Kristjana.

“Minkejja li għadni nissielet maʼ saħħti, is-​sitwazzjoni tiegħi u taʼ binti marret għall-​aħjar. Peress li Ġeħova hu fuq in-​naħa tagħna, tgħallimna biex ma noqogħdux naħsbu b’mod negattiv meta niffaċċjaw sfidi. Ġakbu 5:11 jaċċertana: ‘Aħna niddikjaraw henjin lil dawk li ssaportew. Smajtu bis-​sabar taʼ Ġob u rajtu t-​tmiem li tah Ġeħova; għax Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.’” Ġeħova fehem bis-​sħiħ is-​sitwazzjoni taʼ Ġob, u aħna nistgħu nkunu ċerti li bl-​istess mod se jifhem kwalunkwe diffikultà li ngħaddu minnha.