Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Din is-sejba antika għandha l-isem Tattannu minqux fuqha

Xi ħaġa oħra li tagħti evidenza

Xi ħaġa oħra li tagħti evidenza

Hemm xi evidenza arkeoloġika li tappoġġja dak li tgħid il-​Bibbja? Fl-​2014, artiklu fir-​rivista Biblical Archaeology Review staqsa l-​mistoqsija: “Kemm hemm nies fil-​Bibbja Ebrajka li ġew ikkonfermati li eżistew grazzi għall-​arkeoloġija?” It-​tweġiba kienet: “Minn tal-​inqas 50!” Raġel wieħed li ma jissemmiex f’din il-​lista kien jismu Tattenaj. Min kien? Ħa naraw l-​irwol qasir li kellu fir-​rakkont tal-​Bibbja.

Ġerusalemm xi darba kienet parti mill-​imperu kbir Persjan. Din il-​belt kienet tinsab f’reġjun li l-​Persjani kienu jsejħulu n-​Naħa l-​Oħra tax-​Xmara, jiġifieri n-​naħa tal-​Punent tal-​Ewfrat. Wara li ħadu taħt idejhom lil Babilonja, il-​Persjani ħelsu ’l-​Lhud u tawhom l-​awtorità biex jerġgħu jibnu t-​tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. (Esdra 1:1-​4) Però, l-​għedewwa tal-​Lhud opponew il-​proġett u nqdew bih biex jakkużaw lil-​Lhud li kienu qed jirribellaw kontra l-​Persjani. (Esdra 4:4-​16) Matul il-​ħakma taʼ Darju I (522-​486 QK), uffiċjal Persjan jismu Tattenaj, kien inkarigat jinvestiga l-​każ. Il-​Bibbja ssejjaħlu “l-​gvernatur lil hinn mix-​Xmara.”—Esdra 5:3-​7.

Għadd taʼ sejbiet antiki li fihom l-​isem Tattenaj minqux fuqhom għadhom jeżistu u dawn setgħu kienu parti minn ġabra taʼ arkivji taʼ negozju li kellha familja. Waħda minn dawn il-​kitbiet li tassoċja membru minn din il-​familja maʼ dan il-​karattru Bibliku, hija wegħda taʼ ħlas iddatata l-​20 sena taʼ Darju I, 502 QK. Din tidentifika wieħed mix-​xhieda tal-​ftehim bħala l-​qaddej taʼ “Tattannu, gvernatur tan-​Naħa l-​Oħra tax-​Xmara.” Dan “Tattannu” hu l-​istess Tattenaj li jidher fil-​ktieb Bibliku taʼ Esdra.

X’kien l-​irwol taʼ dan ir-​raġel? Fil-​535 QK, Ċiru l-​Kbir organizza l-​imperu tiegħu fi provinċji, u waħda minnhom kien jisimha Babilonja u n-​Naħa l-​Oħra tax-​Xmara. Din il-​provinċja aktar tard ġiet maqsuma f’żewġ partijiet. Imbagħad, waħda minn dawn ġiet imsejħa biss in-​Naħa l-​Oħra tax-​Xmara. Din il-​parti kienet tinkludi ċ-​Ċelesirja, il-​Feniċja, is-​Samarija, u Ġuda. Dawn x’aktarx kienu gvernati minn Damasku. Tattenaj kien il-​gvernatur taʼ dan ir-​reġjun mill-​520 sal-​502 QK.

Tattenaj niżel Ġerusalemm biex jinvestiga l-​akkuża li l-​Lhud kienu qed jirribellaw. Imbagħad, informa lil Darju li l-​Lhud kienu qed jgħidu li l-​awtorizzazzjoni biex jibnu t-​tempju taʼ Ġeħova kien tahielhom Ċiru. It-​tfittxija li saret fl-​arkivji rjali vverifikat dak li kienu qed jgħidu l-​Lhud. (Esdra 5:6, 7, 11-​13; 6:1-​3) Għaldaqstant, Tattenaj ġie ordnat biex ma jtellifhomx mix-​xogħol tal-​bini, u Tattenaj obda.—Esdra 6:6, 7, 13.

Fir-​realtà “Tattenaj, “il-​gvernatur lil hinn mix-​Xmara,” m’għamel xejn storikament importanti. Però, innota li meta l-​Iskrittura ssemmih, tagħtih eżattament it-​titlu korrett li kellu. Dan il-​punt jagħtina naqra evidenza oħra li l-​arkeoloġija, darba wara l-​oħra, tappoġġja l-​eżattezza storika tar-​rakkonti Bibliċi.