Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Meta jseħħ diżastru

Meta jseħħ diżastru

“Għall-​ewwel konna ddisprati għalkollox. Kulma kellna nqered b’valanga tat-​tajn u bl-​għargħar.”—Andrew, Sierra Leone.

“Wara l-​uragan, morna lura d-​dar. Ma kien baqaʼ xejn. Konna xxokkjati. Binti ntefgħet għarkopptejha tibki.”—David, il-​Gżejjer Verġni.

JEKK int esperjenzajt xi diżastru, allura tistaʼ tifhem kif iħossuhom oħrajn li jgħaddu minn din l-​esperjenza kerha. Huma jkunu xxokkjati, ma jkunux iridu jemmnu, konfużi, ansjużi, u jkollhom ħolm ikrah. Uħud li jibqgħu ħajjin wara diżastru tant iħossuhom qalbhom maqtugħa u għajjenin li lanqas biss ikollhom ix-​xewqa li jippruvaw jirkupraw.

Jekk int tlift kulma kellek minħabba xi diżastru, anki int forsi tħoss li ma tiflaħx għal iktar stress u ansjetà. Jaf saħansitra jgħaddilek minn moħħok li l-​ħajja mhix taʼ min jgħixha. Però, il-​Bibbja tispjega li l-​ħajja hi taʼ min jgħixha u li int jistaʼ jkollok bażi soda biex tittama għall-​futur aħjar.

IL-​VERITÀ TAL-​BIBBJA TAGĦTINA TAMA

Ekkleżjasti 7:8 jgħid: “Aħjar it-​tmiem taʼ xi ħaġa milli l-​bidu tagħha.” Il-​ħajja tistaʼ tidher bla tama meta tipprova tibda tirkupra minn diżastru. Imma hekk kif bil-​mod il-​mod tibda taħdem iebes biex iġġib ħajtek lura għan-​normal, l-​affarijiet jistgħu jmorru għall-​aħjar.

Il-​Bibbja tbassar żmien meta “ma jinstemax iktar . . . il-​ħoss taʼ biki jew il-​ħoss t’għajat taʼ dwejjaq.” (Isaija 65:19) Dan se jseħħ meta l-​art tiġi trasformata f’ġenna taħt is-​Saltna t’Alla. (Salm 37:11, 29) Id-​diżastri se jkunu xi ħaġa tal-​passat. Kull memorja taʼ wġigħ u kull trawma se jitneħħew għal dejjem, għax Alla li Jistaʼ Kollox iwiegħed: “L-​affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-​qalb.”—Isaija 65:17.

Aħseb ftit: Il-​Ħallieq għamel arranġament ‘sabiex jagħtik futur u tama’—ħajja fil-​paċi taħt it-​tmexxija perfetta t’Alla. (Ġeremija 29:11) Li tkun taf din il-​verità, jistaʼ verament jagħmel il-​ħajja taʼ min jgħixha? Sally, li ssemmiet fl-​ewwel artiklu, tgħid, “Li tiftakar fl-​affarijiet meraviljużi li se tagħmel is-​Saltna t’Alla għalina fil-​futur jistaʼ jgħinek biex tħalli l-​passat warajk u tkampa fis-​sitwazzjoni li tkun fiha.”

Għala ma titgħallimx iktar dwar x’se tagħmel dalwaqt is-​Saltna t’Alla għall-​bnedmin? Jekk tagħmel dan, tistaʼ tkun fiduċjuż li minkejja d-​diżastru li għaddejt minnu, il-​ħajja hi taʼ min jgħixha issa hekk kif tistenna b’ħerqa futur fejn mhux se jkun hemm iktar diżastri. Sadanittant, il-​Bibbja tagħti gwida prattika li tistaʼ tgħinek tkampa mal-​effetti taʼ wara diżastru. Ikkunsidra ftit eżempji.