Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Int tistaʼ tgħix għal dejjem fuq l-art

Int tistaʼ tgħix għal dejjem fuq l-art

X’TAMA TAL-GĦAĠEB! Il-​Ħallieq tagħna wiegħed li nistgħu ngħixu għal dejjem, hawnhekk fuq l-​art. Iżda ħafna jsibuha diffiċli biex jemmnuha din. In-​nies jgħidu, ‘Kulħadd irid imut xi darba. Din hi xi ħaġa naturali, parti mill-​ħajja.’ Oħrajn iħossu li hu possibbli li ngħixu għal dejjem, imma mhux hawn fuq l-​art. Huma jgħidu li tistaʼ tgħix għal dejjem, imma biss wara li tmut u tmur fis-​sema. Inti x’taħseb?

Qabel ma twieġeb, għala ma tikkunsidrax it-​tweġiba tal-​Bibbja għal dawn it-​tliet mistoqsijiet: Il-​mod kif inhu maħluq il-​bniedem, x’juri dwar għal kemm żmien suppost kellu jgħix? X’kien l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​bnedmin u għall-​art? Il-​mewt kif ġiet fuq il-​familja umana?

IL-MOD UNIKU TAʼ KIF INHU MAĦLUQ IL-BNIEDEM

Mill-​ħlejjaq kollha li Alla ħalaq fuq l-​art, il-​bnedmin huma uniċi. B’liema mod? Il-​Bibbja turi li l-​bnedmin biss kienu maħluqin “fix-​xbieha” u s-​sura t’Alla. (Ġenesi 1:26, 27) Dan xi jfisser? Ifisser li l-​bnedmin ingħataw kwalitajiet li jirriflettu dawk t’Alla, bħall-​imħabba u s-​sens taʼ ġustizzja.

Barra minn hekk, in-​nies ingħataw l-​abbiltà li jaħsbu u jirraġunaw u jagħrfu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. Għalhekk, nistgħu napprezzaw is-​sbuħija tal-​għaġeb tal-​univers u l-​meravilji tan-​natura, kif ukoll l-​arti, il-​mużika, u l-​poeżija. In-​nies għandhom ukoll ix-​xewqa li jsiru jafu lil Alla u li jkollhom relazzjoni miegħu. Fuq kollox, il-​bnedmin għandhom il-​kapaċità unika li jqimu lill-​Ħallieq. Kwalitajiet bħal dawn jagħmlu lill-​bnedmin differenti ħafna mill-​ħlejjaq l-​oħrajn kollha fuq l-​art.

Għalhekk, ikkunsidra dan: Li kieku l-​iskop t’Alla kien li ngħixu għal ftit snin biss, kien hu ħa jagħti lill-​bnedmin kwalitajiet daqshekk tal-​għaġeb, flimkien mal-​abbiltà li jkomplu jiżviluppaw u jtejbu l-​kapaċitajiet tagħhom? Il-​verità hi li Alla ta lill-​bnedmin dawn il-​kwalitajiet u l-​abbiltajiet uniċi biex ikunu jistgħu jgawdu l-​ħajja hawnhekk fuq l-​art għal dejjem.

L-ISKOP ORIĠINALI T’ALLA

Imma xi wħud jgħidu li Alla qatt ma ried li n-​nies jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Huma jgħidu wkoll li l-​art kienet iddisinjata biex in-​nies jgħixu fuqha għal ftit żmien biss, fejn fiha jagħtu prova jekk jistħoqqilhomx imorru fis-​sema u jgħixu għal dejjem  m’Alla. Imma kieku kien veru hekk, ma kienx ikun Alla responsabbli għall-​ħażen u l-​problemi kollha li hawn madwar id-​dinja? Dan imur għalkollox kontra l-​personalità t’Alla. Il-​Bibbja tgħid dwaru: “Għax triqatu kollha huma ġustizzja. Alla taʼ fedeltà, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja; ġust u rett hu.”—Dewteronomju 32:4.

Il-​Bibbja turi b’mod ċar x’kien l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​art b’dan il-​kliem: “Is-​smewwiet—taʼ Ġeħova huma s-​smewwiet, imma l-​art taha lil ulied il-​bnedmin.” (Salm 115:16) Iva, Alla ħalaq l-​art biex tkun post mill-​isbaħ fejn il-​bnedmin ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem, u hu mlieha b’dak kollu li għandna bżonn biex ingawdu ħajja li fiha skop u li ma tispiċċa qatt.—Ġenesi 2:8, 9.

“Is-​smewwiet—taʼ Ġeħova huma s-​smewwiet, imma l-​art taha lil ulied il-​bnedmin.”—Salm 115:16

Il-​Bibbja turi wkoll b’mod ċar l-​iskop t’Alla għan-​nies. Hu qal lill-​ewwel koppja umana biex ‘jimlew l-​art u jrażżnuha, u li ħa tkun sottomessa lejhom kull ħliqa ħajja li titħarrek fuq l-​art.’ (Ġenesi 1:28) Xi privileġġ kien li jieħdu ħsieb u jkabbru d-​dar tagħhom, il-​Ġenna, sa truf l-​art! Fil-​fatt, il-​wegħda li kellhom quddiemhom Adam u Eva, u eventwalment it-​tfal tagħhom, kienet ħajja taʼ dejjem fuq l-​art, u mhux premju fis-​sema.

AĦNA GĦALA MMUTU?

Mela, għala mmutu? Il-​Bibbja turi li wieħed mill-​ħlejjaq spirti t’Alla, li iktar tard sar magħruf bħala Satana x-​Xitan, irribella u pprova jfixkel l-​arranġament t’Alla fl-​Għeden. Kif?

Satana kkonvinċa lill-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, biex jingħaqdu miegħu fir-​ribelljoni kontra Alla. Meta Satana sostna li Alla kien qed iċaħħadhom minn xi ħaġa tajba—id-​dritt li jagħżlu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin—huma għażlu li jkunu fuq in-​naħa taʼ Satana u taw daharhom lil Alla billi rribellaw kontrih. X’kien ir-​riżultat? Maż-​żmien mietu, bħalma kien wissiehom Alla. Huma tilfu l-​opportunità li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art.—Ġenesi 2:17; 3:1-6; 5:5.

Ir-​ribelljoni taʼ Adam u Eva effettwat lill-​bnedmin kollha u għadha teffettwana sal-​lum il-​ġurnata. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha.” (Rumani 5:12) Aħna mmutu għax uritna d-​dnub u l-​mewt mill-​ewwel ġenituri tagħna, u mhux għax Alla kien fassal minn qabel xi ‘pjan’ għalina li ma nistgħux nifhmuh.

INT TISTAʼ TGĦIX GĦAL DEJJEM FUQ L-ART

Ir-​ribelljoni fl-​Għeden ma waqqfitx l-​iskop li Alla kellu għall-​bnedmin u għall-​art. L-​imħabba perfetta t’Alla u s-​sens taʼ ġustizzja tiegħu qanqluh biex jipprovdi mod kif jeħlisna mill-​jasar tad-​dnub u l-​mewt li writna. L-​appostlu Pawlu spjega: “Il-​ħlas li jagħti d-​dnub hu l-​mewt, imma l-​għotja li jagħti Alla hi l-​ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.” (Rumani 6:23) Alla bi mħabba “ta l-​Iben uniġenitu tiegħu [Ġesù Kristu], biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Billi Ġesù offra lilu nnifsu minn jeddu bħala sagrifiċċju taʼ fidwa, hu reġaʼ kiseb dak kollu li kien tilef Adam. *

Il-​wegħda t’Alla taʼ ġenna tal-​art se ssir realtà dalwaqt! Dan il-​futur mill-​isbaħ jistaʼ jkun tiegħek jekk int tieħu bis-​serjetà l-​parir li ta Ġesù: “Idħlu mill-​bieb id-​dejjaq; għax wiesgħa u spazjuża hi t-​triq li tieħu għall-​qerda, u ħafna jgħaddu minnha; filwaqt li dejjaq hu l-​bieb u mħarbta hi t-​triq li tieħu għall-​ħajja, u ftit huma dawk li jsibuha.” (Mattew 7:13, 14) Iva, il-​futur tiegħek hu f’idejk. X’ħa tagħmel int?

^ par. 17 Għal iktar informazzjoni dwar dak li tistaʼ tagħmel il-​fidwa għalik, ara kapitlu 5 tal-​ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja?, ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u disponibbli fuq www.jw.org/mt.