Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-futur tiegħek, l-għażla tiegħek!

Il-futur tiegħek, l-għażla tiegħek!

GĦANDEK VERAMENT GĦAŻLA GĦAL KIF SE JKUN IL-FUTUR TIEGĦEK? Xi nies jemmnu li l-​ħajja hi kkontrollata mid-​destin, u mhux mill-​għażliet li dak li jkun jagħmel. Meta ma jirnexxilhomx jilħqu ċerti miri, sempliċiment iħossu li kien inevitabbli u jgħidu, “Ma kellux ikun!”

Oħrajn jiddiżappuntaw ruħhom meta jaraw li ma jistgħux jiskansaw din id-​dinja ħarxa u inġusta li qed ngħixu fiha. Jistaʼ jkun li huma ppruvaw itejbu ħajjithom, imma affarijiet bħal gwerer, kriminalità, diżastri naturali, u mard iħassrulhom il-​pjanijiet għal darba wara l-​oħra. Huma jgħidu bejnhom u bejn ruħhom, ‘Għala għandi noqgħod inħabbel rasi?’

Huwa minnu li ċ-​ċirkustanzi f’ħajjitna jistgħu jeffettwaw bil-​kbir il-​pjanijiet tagħna. (Ekkleżjasti 9:11) Imma rigward il-​futur dejjiemi tiegħek, l-​għażla hi f’idejk. Infatti, il-​Bibbja turi li l-​futur tiegħek jiddependi mill-​għażla tiegħek. Ejja naraw x’tgħid.

Meta l-​poplu t’Iżrael tal-​qedem kien wasal biex jidħol fl-​Art Imwiegħda, Alla qal lil Mosè biex jgħid lill-​poplu: “Qegħedt il-​ħajja u l-​mewt quddiemek, il-​barka u s-​saħta; u trid tagħżel il-​ħajja sabiex tibqaʼ ħaj, int u nislek, billi tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek, billi tismaʼ minn leħnu, u billi tintrabat miegħu.”Dewteronomju 30:15, 19, 20.

“Qegħedt il-​ħajja u l-​mewt quddiemek, il-​barka u s-​saħta; u trid tagħżel il-​ħajja.”—Dewteronomju 30:19

Iva! Alla ħeles lill-​Iżraelin mill-​jasar tal-​Eġittu u tahom it-​tama li jgħixu meħlusin u ferħanin fl-​Art Imwiegħda. Imma dan kollu ma kienx se jiġri b’mod awtomatiku. Biex ikollhom dawn il-​barkiet, huma kellhom ‘jagħżlu l-​ħajja.’ Kif? ‘Billi jħobbu lil Alla, billi jisimgħu minn leħnu, u billi jintrabtu miegħu.’

Illum, int għandek għażla simili quddiemek, u dak li tagħżel se jiddetermina x’se jkun il-​futur tiegħek. Billi tagħżel li tħobb lil Alla, tismaʼ minn leħnu, u tintrabat miegħu, int tkun fil-​fatt qed tagħżel il-​ħajja—ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. Imma kull wieħed minn dawn il-​passi x’jinvolvi?

AGĦŻEL LI TĦOBB LIL ALLA

L-​imħabba hi l-​kwalità primarja t’Alla. L-​appostlu Ġwanni b’ispirazzjoni kiteb, “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Minħabba f’hekk, meta Ġesù ġie mistoqsi liema hu l-​ikbar kmandament, hu qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Relazzjoni vera m’Alla Ġeħova għandha tkun ibbażata fuq l-​imħabba, u mhux fuq il-​biżaʼ. Hu lanqas iridna nobduh b’għajnejna magħluqa. Imma għala għandna nagħżlu li nħobbuh?

L-​imħabba taʼ Ġeħova għan-​nies tistaʼ tiġi mqabbla mal-​imħabba li l-​ġenituri għandhom għal uliedhom. Għalkemm huma imperfetti, ġenituri kollhom imħabba jgħallmu, jinkuraġġixxu, jgħinu, u jiddixxiplinaw lit-​tfal tagħhom għax jixtiquhom li jkunu ferħanin u li jirnexxu. X’jixtiequ lura l-​ġenituri mingħandhom? Jixtiequ li t-​tfal tagħhom iħobbuhom u jieħdu bis-​serjetà dak li huma għallmuhom għall-​ġid tagħhom. Mhuwiex raġunevoli li Missierna tas-​sema, li hu perfett, jistenna li nħobbuh u napprezzaw dak kollu li għamel għalina?

 ISMAʼ MINN LEĦNU

Fil-​lingwi oriġinali li l-​Bibbja nkitbet bihom, il-​kelma “ismaʼ” ħafna drabi tfisser “obdi.” Aħna mhux hekk inkunu rridu nfissru meta ngħidu lil tifel, “Ismaʼ mill-​ġenituri tiegħek”? Allura, li nisimgħu minn leħen Alla jinvolvi li għandna nitgħallmu u nobdu dak li jgħid hu. Peress li maʼ nistgħux nisimgħu letteralment leħen Alla, aħna nisimgħuh billi naqraw u napplikaw dak li hemm fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja.—1 Ġwanni 5:3.

Biex juri kemm hu importanti li nisimgħu minn leħen Alla, darba minnhom Ġesù qal: “Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mattew 4:4) L-​ikel fiżiku hu importanti ħafna għalina, imma li nitgħallmu dwar Alla hu importanti ħafna iktar. Għala? L-​għaref Sultan Salamun spjega: “L-​għerf hu protezzjoni bħalma l-​flus huma protezzjoni; imma l-​vantaġġ taʼ l-​għarfien hu li l-​għerf iżomm ħaj lil sidu.” (Ekkleżjasti 7:12) L-​għerf u l-​għarfien mingħand Alla jistgħu jipproteġuna u jgħinuna nieħdu d-​deċiżjoni għaqlija li fil-​futur se twassal għall-​ħajja taʼ dejjem.

INTRABAT MIEGĦU

Ftakar fl-​eżempju taʼ Ġesù li kkunsidrajna fl-​artiklu taʼ qabel, fejn qal: “Dejjaq hu l-​bieb u mħarbta hi t-​triq li tieħu għall-​ħajja, u ftit huma dawk li jsibuha.” (Mattew 7:13, 14) Kieku konna qed nivvjaġġaw fi triq bħal din, żgur li kien ikun t’għajnuna li jkollna gwida espert li jibqaʼ qrib tagħna biex jgħinna naslu fid-​destinazzjoni—il-​ħajja taʼ dejjem. Għalhekk ikun jagħmel sens jekk aħna nibqgħu qrib t’Alla. (Salm 16:8) Imma kif nistgħu nagħmlu dan?

Kuljum, ikun hemm ħafna affarijiet li jkollna nagħmlu u ħafna oħrajn li nkunu nixtiequ nagħmlu. Dawn l-​affarijiet tant jistgħu jiħdulna ħin jew jaljenawna li ma tantx jibqgħalna ħin biex naħsbu dwar xi jridna nagħmlu Alla. Minħabba f’hekk, il-​Bibbja tfakkarna: “Oqogħdu attenti bis-​sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-​ħin bl-​aħjar mod, għax il-​jiem huma ħżiena.” (Efesin 5:15, 16) Aħna nibqgħu qrib t’Alla billi nagħmlu r-​relazzjoni tagħna miegħu l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna.—Mattew 6:33.

L-GĦAŻLA HI F’IDEJK

Għalkemm ma tistaʼ tagħmel xejn biex tbiddel il-​passat tiegħek, hemm affarijiet li tistaʼ tagħmel biex inti u dawk li tħobb ikollkom futur sabiħ. Il-​Bibbja turina li Missierna tas-​sema, Alla Ġeħova, iħobbna ħafna u jgħidilna x’jixtieqna nagħmlu. Innota l-​kliem tal-​profeta Mikea:

“Hu qallek, O bniedem, x’inhu tajjeb. U x’qed jitlob minnek Ġeħova ħlief li tkun ġust u li tħobb il-​qalb tajba u li tkun modest fil-​mixi tiegħek m’Alla?”Mikea 6:8.

Se taċċetta int l-​istedina taʼ Ġeħova biex timxi miegħu u tikseb il-​barkiet dejjiema li se jagħti lil dawk li jimxu miegħu? L-​għażla hi f’idejk!