Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Profeziji li twettqu

Profeziji li twettqu

Iktar qabel għamilna referenza għal-​leġġenda dwar li Croesus ġie mqarraq mill-​oraklu taʼ Delfi, u li minħabba f’hekk ġie megħlub mis-​sultan tal-​Persja. Iżda l-​Bibbja fiha profezija tal-​għaġeb li tinvolvi s-​sultan tal-​Persja u li twettqet sal-​iċken dettall.

Madwar 200 sena bil-​quddiem—ħafna qabel ma twieled is-​sultan—il-​profeta Isaija, li kien Ebrew, semma lil Ċiru b’ismu u ddeskriva kif hu kien se jegħleb il-​belt b’saħħitha taʼ Babilonja.

Isaija 44:24, 27, 28: “Hekk qal Ġeħova, . . . ‘ngħid lill-​ilmijiet fondi, “Evaporaw; u se nnixxef ix-​xmajjar kollha tagħkom”; li ngħid dwar Ċiru, “Hu r-​ragħaj tiegħi, u kulma nitgħaxxaq bih hu se jwettqu kompletament”; anki dak li għedt dwar Ġerusalemm, “Se tinbena mill-​ġdid,” u dwar it-​tempju, “Il-​pedament tiegħek se jitqiegħed.”’”

Skont l-​istorjografu Grieg Erodotu, l-​armata taʼ Ċiru biddlu d-​direzzjoni tal-​ilmijiet tax-​Xmara Ewfrat. Din ix-​xmara kienet tgħaddi mill-​belt taʼ Babilonja. Bl-​istrateġija taʼ Ċiru, l-​armata tiegħu setgħu jidħlu fil-​belt billi jgħaddu minn fuq il-​qiegħ tax-​xmara. Wara li ħa l-​belt taħt idejh, Ċiru ħeles lil-​Lhud li kienu lsiera f’Babilonja u ħalliehom imorru lura Ġerusalemm u jerġgħu jibnuha. Ġerusalemm kienet inqerdet 70 sena qabel.

Isaija 45:1: “Hekk qal Ġeħova lill-​midluk tiegħu, lil Ċiru, li qbadtlu idu l-​leminija, biex irrażżan il-​ġnus quddiemu, sabiex inneħħi l-​ħżiem minn maʼ ġenbejn is-​slaten; biex niftaħ quddiemu l-​bibien li jintlewew fi tnejn, sabiex lanqas il-​bibien tal-​belt ma jingħalqu.”

Il-​Persjani daħlu fil-​belt mill-​bibien enormi li kienu jintlewew fi tnejn li kien hemm fis-​sur tal-​belt. Dawn kienu tħallew miftuħin bi traskuraġni. Li kieku l-​Babiloniżi kienu jafu x’kien qed jippjana Ċiru, kieku kienu jagħlqu l-​bibien kollha li kienu jagħtu għax-​xmara. Imma kif ġraw l-​affarijiet, il-​belt spiċċat mingħajr difiża.

Din il-​profezija tal-​għaġeb hi biss waħda mill-​ħafna profeziji li nsibu fil-​Bibbja li twettqu b’mod preċiż. * B’differenza għat-​tbassir tal-​bniedem, li spiss jgħidu li ġej mill-​allat foloz tagħhom, il-​profeziji tal-​Bibbja joriġinaw mill-​Wieħed li ddikjara: “Jien li mill-​bidu ngħid it-​tmiem, u minn żmien twil ilu l-​affarijiet li ma sarux.”—Isaija 46:10.

 L-​Alla l-​veru biss, li ismu hu Ġeħova, jistaʼ jagħmel stqarrija bħal din. Dan l-​isem milli jidher ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Dan juri li hu għandu l-​abbiltà li jkun jaf x’se jiġri fil-​futur u jagħmlu b’tali mod li jkun fi qbil mar-​rieda tiegħu. Dan jaċċertana li hu żgur se jwettaq dak kollu li wiegħed.

PROFEZIJI LI QED JITWETTQU LLUM

Tixtieq tkun taf x’jgħidu l-​profeziji tal-​Bibbja dwar żmienna? Xi 2,000 sena ilu, il-​Bibbja bassret li “fl-​aħħar jiem” se jkun hawn “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” L-​aħħar jiem taʼ xiex? Mhux tal-​art jew tal-​bnedmin, imma tal-​ġlied, il-​moħqrija, u t-​tbatija li fnew lill-​bnedmin għal eluf taʼ snin. Ejja neżaminaw xi profeziji li juru li aħna qed ngħixu “fl-​aħħar jiem.”

2 Timotju 3:1-5: “Fl-​aħħar jiem . . . , in-​nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-​ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla, ikollhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-​fatti l-​qawwa tagħha.”

Ma taqbilx li din l-​imġiba dejjem qed narawha tiżdied illum? Ġieli nnotajt li aħna mdawrin b’nies li jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, u li huma kburin? Tara li n-​nies dejjem iridu iktar imma huma inqas lesti li jaqblu maʼ ħaddieħor? In-​nies inġenerali jħobbu l-​pjaċiri iktar milli jħobbu lil Alla. U xi ngħidu għat-​tfal? Żgur li ndunajt li saret xi ħaġa normali li ma jobdux lill-​ġenituri tagħhom. L-​affarijiet kuljum sejrin mill-​ħażin għall-​agħar.

Mattew 24:6, 7: “Se tisimgħu bi gwerer u aħbarijiet taʼ gwerer. . . . Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna.”

Ġie kkalkulat li mill-​1914 ’l hawn, mietu ħafna iktar minn 100 miljun ruħ fil-​gwerer jew fil-​ġlied bl-​armi. Dan in-​numru hu bil-​wisq iktar mill-​popolazzjoni taʼ ħafna nazzjonijiet. Immaġina kemm hemm biki, niket, u tbatija wara din l-​istatistika tant kbira. Twaqqfu l-​gwerer għax il-​ġnus tgħallmu mill-​iżbalji tagħhom?

Mattew 24:7: “Ikun hemm nuqqas taʼ ikel.”

Il-​Programm Dinji tal-​Ikel qal: “F’dinja li tipproduċi biżżejjed ikel għal kulħadd, 815-il miljun ruħ—wieħed minn kull disgħa—għadhom imorru jorqdu fuq stonku vojt kuljum. Agħar minn hekk, wieħed minn kull tlieta jbati minn xi tip taʼ malnutrizzjoni. Hu stmat li kull sena jmutu madwar tliet miljun tifel u tifla minħabba l-​ġuħ.

Luqa 21:11: “Ikun hemm terremoti kbar.”

Kull sena, ikun hemm mal-​50,000 terremot kbir biżżejjed li jinħass mill-​bniedem. Madwar 100 minnhom jagħmlu ħsara kbira lill-​bini, u kull sena jagħmel terremot kbir ħafna. Skont stima, bejn l-​1975 u s-​sena 2000, mietu 471,000 ruħ minħabba t-​terremoti.

Mattew 24:14: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, li jgħoddu iktar minn tmien miljuni, qed jippritkaw u jagħtu xhieda dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla f’xi 240 pajjiż. Huma jxandru l-​aħbar tajba kull fejn jgħixu n-​nies—fil-​bliet, fl-​irħula, fil-​villaġġi, fil-​ġungli, u anki fuq il-​muntanji. Meta dan ix-​xogħol isir kif ikun jixtieq Alla, il-​profezija tbassar: “Imbagħad jiġi t-​tmiem.” Xi jfisser dan? Dan ifisser it-​tmiem tat-​tmexxija tal-​bniedem u l-​bidu taʼ saltna li tkun immexxija mis-​Saltna t’Alla. Liema wegħdi se jseħħu taħt is-​Saltna t’Alla? Kompli aqra ħalli tkun taf.