Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Nistgħu nafdaw l-astrologi u ’l dawk li jbassru l-futur?

Nistgħu nafdaw l-astrologi u ’l dawk li jbassru l-futur?

L-ASTROLOĠIJA

L-​astroloġija hi tip taʼ tbassir li hu bbażat fuq it-​twemmin li l-​istilel, il-​qamar, u l-​pjaneti jinfluwenzaw bil-​kbir il-​ħajja tan-​nies fuq l-​art. L-​astrologi jsostnu li l-​futur u l-​personalità taʼ xi ħadd huma influwenzati mill-​pożizzjoni taʼ fejn ikunu dawn l-​affarijiet meta jitwieled.

Minkejja li l-​oriġini tal-​astroloġija hija antika ħafna u tmur lura għaż-​żmien Babilonja tal-​qedem, xorta waħda għadha popolari. Infatti, għad hawn ħafna nies li jemmnu lill-​astrologi u dak li jbassru. Imma nistgħu noqogħdu fuq dak li jgħidu? Le. Hawnhekk se ssib għala.

  • Il-​pjaneti u l-​istilel m’għandhomx il-​qawwa li jeffettwaw lin-​nies bħalma jgħidu l-​astrologi.

  • Normalment it-​tbassir tagħhom tant ikun ġenerali li jistaʼ japplika għal kulħadd.

  • Illum l-​astrologi jagħmlu l-​kalkoli tagħhom skont it-​twemmin antik li l-​pjaneti jduru madwar id-​dinja. Imma, fil-​fatt, il-​pjaneti jduru madwar ix-​xemx.

  • L-​astrologi ma jaqblux bejniethom f’dak li jbassru dwar l-​istess persuna.

  • L-​astrologi jpoġġu lin-​nies taħt waħda mit-​12-​il kategorija taʼ stilel, jew sinjali żodjakali, skont id-​data li jkunu twieldu fiha. Matul is-​sekli, il-​pożizzjoni tal-​art fl-​ispazju tinbidel. Minħabba f’hekk, id-​dati li huma assoċjati mas-​sinjali żodjakali m’għadhomx jaqblu maʼ meta x-​xemx tkun tidher fuq il-​gruppi taʼ stilel li s-​sinjali ġew imsemmijin għalihom.

Jingħad li s-​sinjali żodjakali jagħtu ħjiel taʼ kif se jkun il-​karattru taʼ dak li jkun. Imma fil-​verità, in-​nies li jagħlqu żmienhom fl-​istess jum m’għandhomx l-​istess karattru; il-​jum tat-​twelid taʼ persuna ma juri xejn dwar il-​personalità tagħha. Minflok ma jaraw lin-​nies kif inhuma verament, l-​astrologi jiġġudikaw l-​imġiba u l-​karattru taʼ dak li jkun billi jassumu. Mhuwiex dan tip taʼ preġudizzju?

 DAWK LI JBASSRU L-FUTUR

In-​nies ilhom imorru għand dawk li jbassru l-​futur sa minn żmien il-​qedem. Xi wħud minn dawk li kienu jbassru kienu jużaw affarijiet bħall-​ġewwieni taʼ xi annimal jew taʼ bniedem, jew jaraw il-​mod kif serduq inaqqar l-​ikel tiegħu biex jgħidu x’se jiġri. Oħrajn kienu jużaw il-​kafè jew il-​weraq tat-​te biex ibassru. Illum jużaw karti tal-​qari tax-​xorti, boċċi tal-​kristall, dammi, u affarijiet oħra biex “jaqraw” il-​futur taʼ persuna. Nistgħu nafdaw lil dawk li jbassru l-​futur biex inkunu nafu x’se jiġri? Le, lanqas xejn. Ejja nirraġunaw fuq din il-​ħaġa.

Ikkunsidra l-​kwistjoni tal-​konsistenza. Dawk li jbassru l-​futur jużaw metodi differenti, imma spiss jikkontradixxu lil xulxin f’dak li jgħidu. Anki meta jużaw l-​istess metodu, dak li jbassru jkun differenti. Pereżempju, jekk individwu jmur għand tnejn min-​nies li jbassru l-​futur u li jużaw l-​istess karti biex “jaqraw” il-​futur, il-​loġika titlob li t-​tweġiba tagħhom tkun l-​istess. Imma spiss ma jkunx hekk.

Hemm dubji dwar il-​metodi jew il-​motivi taʼ dawk li jbassru l-​futur. Xi kritiċi jgħidu li l-​karti u l-​boċċi tal-​kristall huma sempliċi affarijiet biex taparsi qed jaraw xi ħaġa. Imbagħad dawk li jbassru l-​futur joqogħdu attenti għal kif persuna tirreaġixxi minflok ma jkun moħħhom x’qed juru l-​affarijiet. Pereżempju, xi ħadd tas-​sengħa jsaqsi mistoqsijiet ġenerali u mbagħad joqgħod attent ħafna għal kif persuna twieġeb u x’mossi tagħmel ħalli jkun jistaʼ jikseb xi ħjiel dwar il-​klijent. Imbagħad dak li jbassar il-​futur jieħu l-​mertu għax ikun jaf fatti u sitwazzjonijiet li l-​klijent ikun għadu kif qallu bla ma jaf. Meta jiksbu l-​fiduċja tal-​klijenti, xi wħud minn dawk li jbassru l-​futur jirnexxilhom jieħdu somom kbar taʼ flus mingħandhom.

DAK LI TGĦIDILNA L-BIBBJA

Min jaħdem fl-​astroloġija u jbassar il-​futur jagħti x’jifhem li l-​futur tagħna hu deċiż minn qabel, li kulħadd għandu destin. Imma huwa minnu dan? Il-​Bibbja tgħidilna li aħna stess nistgħu nagħżlu dak li nemmnu jew dak li rridu nagħmlu. Dak li nagħżlu se jeffettwa l-​futur tagħna.—Ġożwè 24:15.

L-​adoraturi t’Alla għandhom raġuni oħra biex ma jaċċettawx l-​astroloġija u t-​tbassir tal-​futur—Alla jikkundanna kull forma taʼ teħbir. Fil-​Bibbja nsibu dan il-​kliem: “M’għandux jinstab fik xi ħadd . . . li jeħber, min jipprattika l-​maġija jew xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-​futur jew saħħâr, jew min jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor jew xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-​ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-​ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-​mejtin. Għax kulmin jagħmel dawn l-​affarijiet ikun xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.” *Dewteronomju 18:10-12.

^ par. 17 Dan hu l-​isem tal-​“Iktar Għoli fuq l-​art kollha.”—Salm 83:18.