Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Arkata li tagħti xhieda li l-profezija twettqet bl-eżatt

Arkata li tagħti xhieda li l-profezija twettqet bl-eżatt

F’NOFS RUMA, HEMM ARKATA LI TIRRAPPREŻENTA REBĦA. DIN IMORRU JARAWHA ĦAFNA NIES MINN MADWAR ID-DINJA KOLLHA. L-ARKATA TONORA WIEĦED MILL-IMPERATURI FAVORITI TAʼ RUMA—TITU.

L-​Arkata taʼ Titu fiha żewġ skulturi kbar li juru ġrajja magħrufa sew fl-​istorja. Imma ħafna nies ma tantx jafu li hemm ukoll rabta interessanti bejn l-​arkata u l-​Bibbja—l-​Arkata taʼ Titu hi xhud li bla kliem tagħti evidenza taʼ kemm hi eżatta l-​profezija tal-​Bibbja.

BELT IKKUNDANNATA

Fil-​bidu tal-​ewwel seklu wara Kristu (WK), l-​Imperu Ruman kien mifrux mill-​Brittanja u l-​Gallja (illum Franza) sal-​Eġittu. Dan it-​territorju kien stabbli u sinjur b’mod straordinarju. Imma kien hemm post fil-​bogħod li lil Ruma kien jagħtiha ħafna inkwiet—dan il-​post kien il-​provinċja tal-​Lhudija.

L-​Encyclopedia of Ancient Rome tgħid: “Il-​Lhudija kienet waħda mill-​ftit territorji taħt il-​kontroll taʼ Ruma li kien jidher ċar li ż-​żewġ naħat kienu jobogħdu lil xulxin. Il-​Lhud ma kinux jaħmluhom lir-​Rumani għax ma kienx jimpurtahom mit-​tradizzjonijiet tagħhom. Min-​naħa l-​oħra, peress li l-​Lhud kellhom rashom iebsa, ir-​Rumani kienu jittrattawhom ħażin ħafna.” Ħafna Lhud ittamaw li mexxej setaʼ jsalvahom u jkeċċi lir-​Rumani li huma tant kienu jobogħdu. B’hekk, Iżrael setaʼ jerġaʼ jikseb il-​glorja li kellu qabel. Imma fis-​sena 33, Ġesù Kristu kien ħabbar li Ġerusalemm kienet se tiffaċċja katastrofi.

Ġesù qal: “Jiġu fuqek il-​jiem meta l-​għedewwa tiegħek jibnu madwarek ħajt bi zkuk ippontati u jdawruk u jnikktuk minn kull naħa, u jsabbtu maʼ l-​art lilek u lil uliedek li hemm fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra.”Luqa 19:43, 44.

Mid-​dehra, il-​kliem taʼ Ġesù ħawwad lid-​dixxipli tiegħu. Jumejn wara, xħin raw it-​tempju taʼ Ġerusalemm, wieħed minnhom qallu: “Għalliem, ara! X’ġebel u x’bini dan!” Fil-​fatt jingħad li xi ġebel tat-​tempju kien twil iktar minn 11-​il metru, wiesaʼ iktar minn 5 metri, u għoli iktar minn 3 metri! Imma Ġesù wiġibhom: “Dan li qed taraw, se jiġu l-​jiem meta hawnhekk ma titħalliex ġebla fuq oħra li ma tiġġarrafx.”Marku 13:1; Luqa 21:6.

Ġesù mbagħad qalilhom: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra bil-​kampijiet taʼ l-​armati, imbagħad kunu afu li qorbot il-​ħerba tagħha. Imbagħad dawk li jkunu fil-​Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-​muntanji, u dawk li jkunu f’nofsha ħa joħorġu minnha, u dawk li jkunu fil-​kampanja ħa ma jidħlux fiha.” (Luqa 21:20, 21) Il-​kliem taʼ Ġesù twettaq?

BELT MEQRUDA

Wara li għaddew 33 sena, il-​Lhud kienu għadhom jobogħdu l-​fatt li kienu taħt ir-​Rumani. Imma fis-​sena 66 WK, meta l-​prokuratur tal-​Lhudija Gessius Florus qabad u ħa l-​flus mit-​teżorerija tat-​tempju sagru, il-​Lhud irrabjati ma felħux iktar. Ftit wara, ġellieda Lhud daħlu f’Ġerusalemm, qatlu lis-​suldati Rumani li kienu jgħixu hemm, u ddikjaraw l-​indipendenza tagħhom minn Ruma.

Xi tliet xhur wara, iktar minn 30,000 suldat Ruman, immexxijin minn Ċestju  Gallu, irħewlha lejn Ġerusalemm biex iġibu r-​ribelljoni fix-​xejn. Ir-​Rumani nifdu l-​belt billi ħaffru taħt is-​sur taʼ barra tan-​naħa tat-​tempju. Imbagħad, bla mistenni telqu lura. Ir-​ribelli Lhud ferħu ħafna u mill-​ewwel telqu għal warajhom. Meta s-​suldati Rumani u r-​ribelli Lhud telqu mill-​belt, il-​Kristjani obdew it-​twissija li kien tahom Ġesù u ħarbu minn Ġerusalemm lejn il-​muntanji, fuq in-​naħa l-​oħra tax-​Xmara Ġordan.—Mattew 24:15, 16.

Is-​sena taʼ wara, Ruma reġgħet bdiet il-​kampanja biex tiġġieled kontra l-​Lhudija. Ir-​Rumani kienu mmexxijin mill-​Ġeneral Vespasjanu u t-​tifel tiegħu Titu. Imma ftit wara li miet l-​Imperatur Neruni fis-​sena 68 WK, Vespasjanu rritorna lejn Ruma biex isir l-​Imperatur, u għalhekk ħalla l-​kampanja militari kontra l-​Lhudija f’idejn it-​tifel tiegħu Titu, b’armata taʼ xi 60,000 suldat.

F’Ġunju tas-​sena 70 WK, Titu ordna lis-​suldati tiegħu biex jaqtgħu s-​siġar tal-​Lhudija. Dawn użawhom biex jibnu ħajt bi zkuk ippontati madwar Ġerusalemm. Dan il-​ħajt kien twil 7 kilometri. Sa Settembru, ir-​Rumani kienu serqu l-​belt, ħarqu lilha u t-​tempju tagħha, u ma ħallewx ġebla fuq oħra, bħalma Ġesù kien bassar snin qabel. (Luqa 19:43, 44) Skont stima li aktarx hi inqas mir-​realtà, “mietu bejn kwart u nofs miljun persuna f’Ġerusalemm u fil-​bqija tal-​pajjiż.”

REBĦA KBIRA

Fis-​sena 71 WK, Titu mar lura l-​Italja u ċ-​ċittadini taʼ Ruma laqgħuh b’ferħ kbir. Dawk kollha fil-​belt iċċelebraw waħda mill-​ikbar purċissjonijiet taʼ rebħa li qatt kien hemm f’Ruma.

Il-​folol stagħġbu bil-​ġid materjali kbir li kienu qed jaraw fit-​toroq taʼ Ruma. Huma tpaxxew iħarsu lejn id-​dgħajjes li kienu nħatfu, lejn il-​karrijiet kbar li fuqhom kellhom tpinġijiet taʼ xeni tal-​gwerra, u lejn l-​affarijiet li kienu nsterqu mit-​tempju taʼ Ġerusalemm.

Titu laħaq imperatur wara missieru Vespasjanu fis-​sena 79 WK. Imma wara biss sentejn, Titu miet ħabta u sabta. Ħuh Domizjanu sar imperatur minfloku u wara ftit għamel arkata biex tfakkar ir-​rebħa li kellu Titu.

L-ARKATA LLUM IL-ĠURNATA

L-Arkata taʼ Titu f’Ruma llum il-ġurnata

Kull sena, mijiet t’eluf taʼ nies li jmorru Ruma jammiraw l-​Arkata taʼ Titu. Xi wħud iqisuha bħala biċċa arti mill-​isbaħ, oħrajn bħala unur għall-​qawwa tal-​Imperu Ruman, u jerġaʼ oħrajn bħala tifkira taʼ meta Ġerusalemm u t-​tempju tagħha spiċċaw taħt idejn ir-​Rumani.

Madankollu, dawk li jaqraw il-​Bibbja b’attenzjoni jqisu l-​Arkata taʼ Titu bħala li għandha iktar importanza. Din hi xhud li bla kliem tikkonferma li l-​profeziji tal-​Bibbja huma taʼ min joqgħod fuqhom u eżatti u tagħti prova li huma ispirati minn Alla.—2 Pietru 1:19-21.