Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | SE TAĊĊETTAH INT L-AQWA RIGAL MINGĦAND ALLA?

Int kif se twieġeb għall-aqwa rigal mingħand Alla?

Int kif se twieġeb għall-aqwa rigal mingħand Alla?

“L-imħabba li għandu l-Kristu ġġegħelna, . . . [Hu] miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom.”—2 Korintin 5:14, 15.

RIGAL straordinarju għandu jqanqalna biex nuru gratitudni. Ġesù enfasizza din il-lezzjoni wara li fejjaq għaxart irġiel mill-marda tal-ġdiem li ma kienx hemm kura għaliha dak iż-żmien. Wieħed minnhom “dar lura jigglorifika lil Alla b’leħen għoli.” Ġesù qal: “Mhux għaxra ndafu? Allura, fejnhom id-disgħa l-oħra?” (Luqa 17:12-17) X’inhi l-lezzjoni? Kemm nistgħu ninsew malajr l-atti taʼ qalb tajba li oħrajn jagħmlu magħna!

Il-fidwa hi rigal uniku. Hi bil-wisq l-aqwa rigal li qatt ingħata. Mela, allura, kif għandek twieġeb għal dak li Alla għamel għall-benefiċċju tiegħek?

  • Ħu għarfien dwar Dak li ta r-rigal. Il-fidwa ma tagħtix il-ħajja taʼ dejjem b’mod awtomatiku lill-bnedmin kollha. Infatti, f’talba lil Alla, Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Jekk xi ħadd jgħidlek li raġel salvalek ħajtek meta kont għadek żgħir, ma tkunx interessat li ssir taf iktar dwaru u għala salvak? Alla Ġeħova, li ta r-rigal tal-fidwa li jsalva  l-ħajjiet, mhux biss iridek issir tafu imma wkoll jixtieq li jkollok relazzjoni mill-qrib miegħu. Il-Bibbja tħeġġiġna: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġakbu 4:8.

  • Eżerċita l-fidi fil-fidwa. “Min jeżerċita l-fidi fl-Iben għandu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:36) Xi jfisser li teżerċita l-fidi? Ifisser li hemm bżonn azzjoni biex turi l-fidi fil-fidwa. (Ġakbu 2:17) X’tip t’azzjoni? Biex rigal isir tiegħek, int trid tiftaħ idejk u taċċettah. Allura hemm bżonn li tieħu azzjoni u taċċetta l-fidwa. Kif? Sir af kif Alla jridek tgħix, u mbagħad aġixxi fi qbil maʼ dan. * Itlob lil Alla biex jaħfirlek u biex jagħtik kuxjenza nadifa. Ersaq lejn Alla b’fiduċja sħiħa li l-fidwa tiggarantixxi futur dejjiemi taʼ paċi, sigurtà, u prosperità għal dawk kollha li jeżerċitaw il-fidi fiha!—Ebrej 11:1.

  • Attendi t-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù. Ġesù stabbilixxa ġrajja li għandha ssir kull sena biex tfakkarna fil-provvediment tal-fidwa. Rigward l-osservanza taʼ din il-ġrajja, hu qal: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova se jikkommemoraw il-mewt taʼ Ġesù nhar it-Tlieta, 11 t’April 2017, wara nżul ix-xemx. Il-programm, li jdum madwar siegħa, se jinkludi taħdita li tispjega s-sinifikat tal-mewt taʼ Ġesù u kif din iġġib benefiċċji issa u fil-futur. Is-sena l-oħra, għat-Tifkira attendew mal-20 miljun ruħ minn madwar id-dinja. Minn qalbna nistidnuk biex tingħaqad magħna biex nuru li rridu naċċettaw l-aqwa rigal mingħand Alla.

^ par. 7 L-aħjar mod biex tieħu għarfien dwar Alla u tersaq qrib lejh hu billi tistudja l-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Tgħallem kif tagħmel dan billi tistaqsi lil wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova jew billi żżur il-websajt tagħna, www.jw.org.