Blessing * waslet fl-Ewropa mwiegħda li se taħdem bħala hairdresser. Imma wara għaxart ijiem taʼ swat kontinwu u theddid li se jweġġgħu l-familja tagħha lura f’pajjiżha, ġiet sforzata taħdem bħala prostituta.

Stampa taʼ skjavi fil-jasar fl-Eġittu tal-qedem

Blessing kienet mistennija taqlaʼ bejn 200 u 300 ewro kull lejl biex tħallas id-dejn taʼ aktar minn 40,000 ewro li l-mara li tmexxi l-burdell riditha tħallas. “Kemm-il darba ħsibt li naħrab,” tispjega Blessing, “imma kont nibżaʼ minn dak li setgħu jagħmlu lil familti. Ħassejtni f’nassa.” L-istorja tagħha hija simili għal dik taʼ xi erbaʼ miljun persuna li huma maqbudin fl-industrija internazzjonali tas-sess.

Kważi 4,000 sena ilu, żagħżugħ jismu Ġużeppi kien mibjugħ minn ħutu. Hu spiċċa jaqdi f’dar prominenti ġewwa l-Eġittu. Kuntrarju għal Blessing, Ġużeppi għall-ewwel ma kienx maħqur minn sidu. Imma meta rrifjuta l-avvanzi tal-mara taʼ sidu, ġie akkużat inġustament b’attentat taʼ stupru. Imbagħad ġie mixħut il-ħabs u marbut bil-ħadid.—Ġenesi 39:1-20; Salm 105:17, 18.

Ġużeppi kien skjav tal-imgħoddi; Blessing hija skjava tas-seklu 21. Imma t-tnejn li huma kienu vittmi taʼ prattika li nbdiet żmien twil ilu—it-traffikar tan-nies. F’dan in-negozju, in-nies huma meqjusa merkanzija u l-unika ħaġa importanti hija l-gwadann ekonomiku.

Il-GWERER JAGĦMLU L-ISKJAVITÙ NEGOZJU KBIR

Il-gwerer kienu l-aktar mod faċli biex in-nazzjonijiet jakkwistaw l-iskjavi. Huwa mifhum li minn kampanja militari waħda, is-sultan Eġizzjan Thutmose III ġab lura miegħu 90,000 priġunier minn Kangħan. L-Eġizzjani użawhom bħala skjavi  biex jaħdmu fil-minjieri, jibnu t-tempji, u jħaffru l-kanali.

Anke fiż-żmien l-Imperu Ruman, il-gwerer ipprovdew skjavi bl-abbundanza, u kultant kienu jinbdew il-gwerer minħabba l-bżonn għal aktar skjavi. Huwa stmat li sal-ewwel seklu, kważi nofs il-popolazzjoni taʼ Ruma kienet magħmula mill-iskjavi. Ħafna skjavi Eġizzjani u Rumani ġew sfruttati b’mod aħrax. Pereżempju, it-tul tal-ħajja li kienu mistennija jgħixu l-iskjavi li kienu jaħdmu fil-minjieri Rumani kien biss madwar 30 sena.

Mal-medda taż-żmien, il-kundizzjonijiet tal-iskjavi ma tjibux. Mis-16 sad-19-il seklu, in-negozju tal-iskjavi bejn l-Afrika u l-Amerika kien wieħed mill-iktar negozji li jrendu fid-dinja. ‘Huwa stmat li bejn 25 u 30 miljun raġel, mara, tifel, u tifla nħatfu u nbiegħu,’ jgħid rapport tal-UNESCO. Jingħad li mijiet taʼ eluf mietu waqt li kienu qed jaqsmu l-Atlantiku. Olaudah Equiano, skjav li baqaʼ ħaj, jirrapporta: “It-twerżiq tan-nisa u l-krib taʼ dawk li kienu qed imutu, għamel din l-esperjenza tant terribbli li hu impossibbli tiddeskriviha.”

B’dispjaċir, l-iskjavitù mhijiex biss xi ħaġa li tkexkex tal-passat. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol xi 21 miljun raġel, mara, tifel, u tifla għadhom jaħdmu bħala skjavi, fil-jasar u bi ftit jew xejn ħlas. L-iskjavi fil-ġurnata tal-lum jaħdmu fil-minjieri, fil-fabbriki tal-ħjata, fil-fabbriki li jagħmlu l-briks, fid-djar tal-prostituzzjoni, u fid-djar privati. Għalkemm illegali, dan it-tip taʼ skjavitù mid-dehra qed jiżdied.

Miljuni taʼ nies għadhom jaħdmu fil-jasar

ĦELSIEN MILL-ISKJAVITÙ

It-trattament mill-agħar wassal biex ħafna skjavi jiġġieldu għal-libertà. Fl-ewwel seklu qabel Kristu, il-gladjatur Spartacus u xi 100,000 skjav ieħor organizzaw ribelljoni kontra l-ħakma Rumana, imma ma kellhomx suċċess. Fis-seklu 18, l-iskjavi f’Hispaniola, gżira fil-Karibew, qamu kontra s-sidien tagħhom. It-trattament aħrax li dawn l-iskjavi kienu qed isofru fil-kannamieli (sugar plantations) kien il-kaġun li bdiet gwerra ċivili li damet 13-il sena u li fl-aħħar wasslet għall-indipendenza tal-Ħaiti fl-1804.

Madankollu, żgur li l-ħarba tal-Iżraelin mill-Eġittu tistaʼ titqies bħala l-akbar ħarba mill-iskjavitù li qatt kellha suċċess fl-istorja. Madwar tliet miljun persuna—nazzjon sħiħ—inħelsu mill-iskjavitù mill-Eġittu. Ċertament li l-ħelsien tagħhom kien mistħoqq.  Il-Bibbja tiddeskrivi l-ħajja tagħhom fl-Eġittu bħala waħda diffiċli. Kienu taħt “kull tip taʼ jasar” u ġew użati “b’tirannija bħala lsiera.” (Eżodu 1:11-14) Fargħun minnhom saħansitra beda kampanja biex joqtol it-trabi Iżraelin ħalli jikkontrolla l-popolazzjoni tagħhom li kienet qed tiżdied.—Eżodu 1:8-22.

Il-ħelsien tal-Iżraelin mit-trattament inġust fl-Eġittu kien uniku għaliex kien Alla nnifsu li interviena. “Naf tajjeb kemm qed isofru,” Alla qal lil Mosè. “Se ninżel neħlishom.” (Eżodu 3:7, 8) Il-Lhud, jgħixu fejn jgħixu, għadhom sal-ġurnata tal-lum jiċċelebraw il-Qbiż kull sena biex ifakkru din il-ġrajja.—Eżodu 12:14.

IT-TNEĦĦIJA GĦALKOLLOX TAL-ISKJAVITÙ

“Maʼ Ġeħova Alla tagħna m’hemmx inġustizzja,” tgħid il-Bibbja, u tassigurana li hu ma jinbidilx. (2 Kronaki 19:7; Malakija 3:6) Alla bagħat lil Ġesù biex ‘jippriedka l-ħelsien lill-imjassrin u jeħles lill-imgħakksin.’ (Luqa 4:18) Kien dan ifisser ħelsien għal kull skjav? Milli jidher le. Ġesù ġie mibgħut biex jeħles lin-nies mill-jasar tad-dnub u l-mewt. Hu aktar tard iddikjara: “Il-verità teħliskom.” (Ġwanni 8:32) Illum il-ġurnata, il-verità li għallem Ġesù teħles lin-nies b’diversi modi.—Ara l-kaxxa “ Ħelsien minn skjavitù differenti.”

Fir-realtà, Alla għen lil Ġużeppi u lil Blessing jinħelsu mill-iskjavitù b’modi differenti. Ir-rakkont tal-għaġeb taʼ Ġużeppi tistaʼ ssibu fil-Bibbja fil-ktieb tal-Ġenesi minn kapitli 39 sa 41. Anki l-mod kif Blessing fittxet biex tinħeles kien straordinarju.

Wara li tkeċċiet minn pajjiż Ewropew, Blessing marret tgħix Spanja. Hemmhekk iltaqgħet max-Xhieda taʼ Ġeħova u bdiet tistudja l-Bibbja magħhom. Peress li kienet deċiża li tirranġa ħajjitha, sabet xogħol ieħor u kkonvinċiet lil dik li kienet tmexxi l-burdell biex tnaqqsilha l-ammont taʼ flus li kellha tħallas kull xahar. Darba minnhom, Blessing irċiviet telefonata mingħandha. Hi riedet taħfrilha d-dejn li kellha u titlobha maħfra. X’kien ġara? Hi wkoll kienet bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova! “Il-verità teħilsek b’modi tal-għaġeb,” tgħid Blessing.

Alla Ġeħova ħassu mnikket minħabba t-trattament aħrax li kienu qed isofru l-ilsiera Iżraelin fl-Eġittu; żgur li hu jħossu l-istess meta jara inġustizzji simili llum. Veru li biex jintemmu l-forom kollha tal-iskjavitù hemm bżonn bidla enormi fis-soċjetà umana. Imma Alla jwiegħed li se jagħmel preċiż hekk. “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda tiegħu, u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.”—2 Pietru 3:13

^ par. 2 L-isem ġie mibdul.