Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġesù żar il-kunjata taʼ Pietru u fejjaqha.—Mattew 8:14, 15; Marku 1:29-31

Hu ċ-ċelibat ħtieġa għall-ministri Kristjani?

Hu ċ-ċelibat ħtieġa għall-ministri Kristjani?

XI RELIĠJONIJIET madwar id-dinja—bħall-Knisja Kattolika Rumana, id-diversi knejjes Ortodossi, il-Buddiżmu, kif ukoll oħrajn—jirrikjedu ċ-ċelibat mill-mexxejja reliġjużi u l-kleru tagħhom. Mill-banda l-oħra, ħafna nies iħossu li din il-prattika wasslet għaż-żieda f’daqqa taʼ skandli sesswali reċenti li jinvolvu nies tal-kleru minn diversi reliġjonijiet.

Għalhekk, huwa raġunevoli li tistaqsi, Hu ċ-ċelibat ħtieġa Skritturali għall-ministri Kristjani? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, ejja nikkunsidraw l-oriġini u l-mod kif żviluppat din il-prattika, u wkoll kif iqisha Alla.

IĊ-ĊELIBAT FL-ISTORJA TAR-RELIĠJON

L-Encyclopædia Britannica tiddefinixxi ċ-ċelibat bħala “stat taʼ xi ħadd mhux miżżewweġ, u b’hekk jastjeni mis-sess,” normalment f’konnessjoni maʼ kariga reliġjuża. Meta fl-2006 indirizza l-Kurja Rumana, il-papa taʼ dak iż-żmien, Papa Benedettu XVI, qal li ċ-ċelibat obbligatorju hu marbut maʼ “tradizzjoni li tmur lura għal epoka viċin iż-żmien tal-Appostli.”

Madankollu, il-Kristjani fl-ewwel seklu ma kinux jipprattikaw id-drawwa reliġjuża taċ-ċelibat. Infatti, l-appostlu Pawlu, li kien jgħix fl-ewwel seklu, wissa l-kredenti li kien se jkun hemm irġiel li se jgħidu “kliem imnebbaħ li jqarraq” u li se “jipprojbixxu lin-nies milli jiżżewġu.”—1 Timotju 4:1-3.

Kien matul it-tieni seklu li l-prattika taċ-ċelibat bdiet dieħla fil-knejjes “Kristjani” li iktar tard ifformaw il-Knisja Kattolika Rumana. Skont il-ktieb Celibacy and Religious Traditions din il-prattika kienet “fi qbil mal-idea ġdida li feġġet fl-Imperu Ruman biex is-sess ikun limitat.”

Fis-sekli taʼ wara, il-konċilji tal-knisja u l-hekk  imsejħa Missirijiet il-Knisja ħeġġew iċ-ċelibat tal-kleru. Huma kienu jaħsbu li s-sess kien iniġġes u li ma kienx fi qbil mad-doveri tal-kleru. Minkejja dan, l-Encyclopædia Britannica turi li “sal-10 seklu, ħafna qassisin u saħansitra xi isqfijiet kienu għadhom jiżżewġu.”

Iċ-ċelibat tal-kleru ġie inforzat matul il-Konċilji Laterani li nżammu f’Ruma fl-1123 u l-1139. Il-Knisja Kattolika Rumana żammet din il-pożizzjoni uffiċjali sal-ġurnata tal-lum. B’din il-miżura, il-knisja ħasbet minn qabel biex la titlef mill-poter u lanqas mid-dħul li kien jiġi meta qassisin miżżewġin kienu jħallu l-propjetà tal-knisja lil uliedhom.

KIF ALLA JQIS IĊ-ĊELIBAT

Il-mod kif Alla jħares lejn iċ-ċelibat jidher ċar fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Fiha naqraw il-kliem taʼ Ġesù rigward dawk li jibqgħu ma jiżżewġux “minħabba s-saltna tas-smewwiet,” kif għamel hu. (Mattew 19:12) L-appostlu Pawlu wkoll tkellem dwar il-Kristjani li għażlu li jsegwu l-eżempju tiegħu u ma jiżżewġux “minħabba l-aħbar tajba.”—1 Korintin 7:37, 38; 9:23.

Madankollu, la Ġesù u lanqas Pawlu ma kien qed jikkmanda lill-ministri biex ma jiżżewġux. Ġesù stqarr li dan l-istat hu “għotja” li mhux is-segwaċi tiegħu kollha kien se jkollhom. Meta Pawlu kiteb dwar dawk “li m’humiex miżżewġin,” hu ammetta sinċerament: “M’għandi ebda kmand mingħand il-Mulej, imma [qed] nagħti l-opinjoni tiegħi.”—Mattew 19:11; 1 Korintin 7:25.

Barra minn dan, il-Bibbja turi li ħafna ministri Kristjani tal-ewwel seklu, inkluż l-appostlu Pietru, kienu rġiel miżżewġin. (Mattew 8:14; Marku 1:29-31; 1 Korintin 9:5) Infatti, minħabba li l-prattiki sesswali kienu komuni fid-dinja Rumana taʼ dak iż-żmien, Pawlu kiteb li indokratur Kristjan miżżewweġ kellu jkun “raġel taʼ mara waħda” u jkollu “wliedu sottomessi.”—1 Timotju 3:2, 4.

Is-sess kien parti minn dawn iż-żwiġijiet, għax il-Bibbja bla tlaqliq tistqarr li ‘raġel għandu jagħti lil martu dak li jmissha’ u li l-koppji miżżewġin m’għandhomx ‘iċaħħdu lil xulxin’ mill-intimità sesswali. (1 Korintin 7:3-5) B’mod ċar, iċ-ċelibat la hu ħtieġa minn Alla u lanqas hu xi ħaġa obbligatorja għall-ministri Kristjani.

MINĦABBA L-AĦBAR TAJBA

Ladarba ċ-ċelibat mhuwiex obbligatorju, għala Ġesù u Pawlu tkellmu favur li wieħed ma jiżżewwiġx? Għaliex meta persuna ma tiżżewwiġx jistaʼ jkollha aktar opportunitajiet biex taqsam l-aħbar tajba m’oħrajn. Uħud single jistgħu jagħtu aktar minnhom infushom għax m’għandhomx l-ansjetajiet li jesperjenzaw il-miżżewġin.—1 Korintin 7:32-35.

Ikkunsidra l-eżempju taʼ David, li ddeċieda li jitlaq impjieg li kellu paga tajba f’Mexico City biex imur jgħix f’post rurali ġewwa l-Kosta Rika ħalli jkun jistaʼ jgħallem il-Bibbja lil ħaddieħor. Il-fatt li David ma kienx miżżewweġ żgur li għenu jagħmel dan. Infatti hu stess jgħid: “Kienet taʼ sfida biex nidra kultura ġdida u kundizzjonijiet differenti t’għajxien, imma peress li kelli nieħu ħsieb tiegħi nnifsi biss, biex nadatta kien eħfef.”

Claudia, Kristjana mhux miżżewġa li marret tgħix f’xi postijiet fejn hemm bżonn taʼ evanġelizzaturi, tgħid: “Nieħu gost naqdi lil Alla. Il-fidi tiegħi u r-relazzjoni tiegħi maʼ Alla jissaħħu meta nara kif jieħu ħsiebi.”

“Ma tagħmilx differenza jekk intix miżżewweġ jew le, int se tkun ferħan jekk tagħti lil Alla Ġeħova l-aħjar tiegħek.”—Claudia

Li tkun single m’għandux għalfejn ikun taʼ piż. Claudia żżid tgħid: “Ma tagħmilx differenza jekk intix miżżewweġ jew le, int se tkun ferħan jekk tagħti lil Alla Ġeħova l-aħjar tiegħek.”—Salm 119:1, 2.