Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Twissija bil-quddiem tistaʼ ssalvalek ħajtek jekk tagħti kasha!

Twissija bil-quddiem tistaʼ ssalvalek ħajtek jekk tagħti kasha!

FIS-​26 taʼ Diċembru 2004, terremot b’qawwa taʼ 9.1 heżżeż lil Simeulue, gżira lejn il-​Majjistral tas-​Sumatra, l-​Indoneżja. Għajnejn kulħadd kienu fissi fuq il-​baħar. Il-​livell tiegħu kien nieżel iktar malajr u ħiereġ iżjed ’il bogħod mis-​soltu. Immedjatament, kulħadd beda jiġri lejn l-​għoljiet, jgħajjat, “Smong! Smong!” il-​kelma għal tsunami bil-​lingwa tagħhom. Fi żmien nofs siegħa, mewġ qawwi beda jħabbat mal-​kosta, jeqred il-​biċċa l-​kbira tad-​djar u l-​irħula.

Il-​Gżira taʼ Simeulue kienet l-​ewwel post li ntlaqat minn dak it-​tsunami qerried. Però, mit-​78,000 abitant, 7 biss mietu. Għala mietu relattivament ftit? * Qawl fost in-​nies tal-​gżira jgħid li ‘Jekk ikun hemm theżżiża qawwija u l-​baħar jofrogħ, iġri lejn l-​għoljiet, għax il-​baħar dalwaqt jitlaʼ l-​art.’ Mill-​esperjenza tal-​passat, in-​nies taʼ Simeulue kienu tgħallmu jagħrfu li jkun ġej tsunami mit-​tibdil fil-​baħar. Talli taw kas it-​twissija bil-​quddiem, baqgħu ħajjin.

Il-​Bibbja titkellem dwar diżastru li ġej, “tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” (Mattew 24:21) Imma dan mhux it-​tmiem tal-​pjaneta Art permezz t’attivitajiet taʼ bnedmin irresponsabbli jew xi ġrajja naturali katastrofika—għax l-​iskop t’Alla hu li l-​art tibqaʼ għal dejjem. (Ekkleżjasti 1:4) Pjuttost, it-​tribulazzjoni li ġejja hi azzjoni minn Alla biex ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-​art.’ Dan se jkun it-​tmiem tal-​ħażen u t-​tbatija kollha. (Rivelazzjoni 11:18; Proverbji 2:22) X’barka se tkun din!

Iżjed minn hekk, għall-​kuntrarju tat-​tsunamijiet, terremoti, jew eruzzjonijiet vulkaniċi, il-​qerda li ġejja mhux se tirriżulta fil-​mewt taʼ nies innoċenti. Il-​Bibbja tgħid li “Alla hu mħabba,” u Alla, li ismu hu Ġeħova, iwiegħed li “l-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (1 Ġwanni 4:8; Salm 37:29) Imma kif tistaʼ tibqaʼ ħaj fit-​tribulazzjoni l-​kbira u tgawdi l-​barkiet imwegħdin? Iċ-​ċavetta hi: Agħti kas it-​twissija bil-​quddiem!

OQGĦOD GĦASSA GĦAT-​TIBDIL LI QED ISEĦĦ FID-​DINJA

Ma nistgħux inkunu nafu d-​data speċifika tat-​tmiem tal-​ħażen u t-​tbatija kollha, għax Ġesù qal: “Dak il-​jum u s-​siegħa ma jafhom ħadd, la l-​anġli tas-​smewwiet u lanqas l-​Iben, ħlief il-​Missier.” Xorta waħda, Ġesù ħeġġiġna ‘nibqgħu għassa.’ (Mattew 24:36; 25:13) Għal xiex? Il-​Bibbja ttina deskrizzjoni tal-​kundizzjonijiet dinjin li kellu jkun hemm qabel ma Alla jġib it-​tmiem. L-​istess bħalma l-​bdil f’daqqa fil-​livell tal-​ilma ġibed l-​attenzjoni tar-​residenti taʼ Simeulue għal tsunami li kien  ġej, it-​tibdil drammatiku taʼ ġrajjiet dinjin jurina li t-​tmiem hu fil-​qrib. Il-​kaxxa f’dan l-​artiklu ssemmi xi ftit mill-​bidliet drammatiċi li l-​Bibbja titkellem dwarhom.

Ngħiduha kif inhi, meta tiħodhom waħda waħda, sa ċertu punt, xi ġrajjiet jew kundizzjonijiet imniżżlin fil-​kaxxa ġraw fil-​passat. Imma Ġesù qal li malli naraw “dan kollu” nkunu nafu li t-​tmiem hu qrib. (Mattew 24:33) Staqsi lilek innifsek, ‘Meta fl-​istorja tad-​dinja dawn l-​affarijiet kollha deskritti (1) ġraw fuq skala globali (2) seħħew flimkien, u (3) marru mill-​ħażin għall-​agħar bil-​mod il-​mod?’ Biċ-​ċar, qed ngħixu fi żmien bħal dan.

ESPRESSJONI TAL-​IMĦABBA T’ALLA

“Sistemi li jħabbru twissijiet bil-​quddiem . . . veru jsalvaw il-​ħajjiet,” qal eks president tal-​Istati Uniti. Wara t-​tsunami tal-​2004, sistema li tavża bil-​quddiem ġiet installata fir-​reġjun effettwat fi sforz biex tipprevieni li jerġaʼ jkun hemm telf taʼ ħajjiet fil-​futur. B’mod simili, Alla għamel arranġament biex tingħata twissija qabel jiġi t-​tmiem. Il-​Bibbja bassret: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

Biss biss, is-​sena l-​oħra x-​Xhieda taʼ Ġeħova qattgħu ’l fuq sew minn 1.9 biljun siegħa jippritkaw l-​aħbar tajba f’240 pajjiż u b’iżjed minn 700 lingwa. Dan l-​iżvilupp taʼ żmien modern joffri prova qawwija li t-​tmiem hu qrib. Imqanqlin mill-​imħabba lejn għajrhom, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu kull sforz biex javżaw lil ħaddieħor dwar il-​jum taʼ ġudizzju t’Alla li ġej dalwaqt. (Mattew 22:39) Il-​fatt li int tistaʼ tibbenefika minn din l-​informazzjoni hu evidenza tal-​imħabba li Ġeħova għandu għalik. Ftakar, “[Alla] ma jixtieqx li xi  ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Int se tirreaġixxi għall-​imħabba t’Alla u tismaʼ t-​twissija bil-​quddiem?

AĦRAB BIEX ISSALVA!

Ftakar li r-​residenti tal-​irħula taʼ maʼ xatt il-​baħar taʼ Simeulue ħarbu lejn art ogħla għas-​sigurtà malli raw il-​baħar jofrogħ. L-​azzjoni deċiżiva tagħhom kienet tfisser li jibqgħu ħajjin. Biex tibqaʼ ħaj fit-​tribulazzjoni li ġejja, int ukoll għandek taħrab lejn art ogħla, biex ngħidu hekk, qabel ma jkun tard wisq. Kif? Il-​profeta Isaija ġie ispirat biex jikteb dwar stedina li tqanqal u li qed tingħata waqt “l-​aħħar parti tal-​jiem,” iż-​żmien li fih issa qed ngħixu. Tgħid: “Ejjew, ħa nitilgħu lejn il-​muntanja taʼ Ġeħova, . . . hu jgħallimna dwar triqatu, u aħna nimxu fil-​mogħdijiet tiegħu.”—Isaija 2:2, 3.

Jekk tmur fil-​quċċata taʼ muntanja jkollok ħarsa elevata u post taʼ sigurtà. B’mod simili, li miljuni taʼ nies madwar id-​dinja llum isiru jafu l-​mogħdijiet t’Alla permezz tal-​paġni tal-​Bibbja qed jgħinhom jagħmlu tibdil siewi f’ħajjithom. (2 Timotju 3:16, 17) Billi jagħmlu dan, jibdew ‘jimxu fil-​mogħdijiet tiegħu’ u jgawdu l-​barka u l-​protezzjoni tiegħu.

Int se tilqaʼ din l-​istedina u tieħu vantaġġ mill-​protezzjoni kollha mħabba li jagħti Alla f’dawn il-​jiem kritiċi? Inħeġġuk teżamina bir-​reqqa l-​evidenza Skritturali tal-​aħħar jiem ippreżentata fil-​kaxxa f’dan l-​artiklu. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​inħawi tiegħek se jkunu ferħanin jipprovdu kwalunkwe għajnuna li jkollok bżonn biex tifhem ċar l-​iskritturi pprovduti u wkoll juruk kif tapplikahom. Jew tistaʼ ssib it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħek billi żżur il-​Websajt tagħna, www.jw.org/mt. Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA >MISTOQSIJIET DWAR IL-​BIBBJA MWEĠBIN.

^ par. 3 Dan it-​tsunami fl-​2004 ħa l-​ħajja taʼ ’l fuq minn 220,000 ruħ—wieħed mill-​iżjed tsunamijiet qerrieda fl-​istorja miktuba.