“Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt.”—Rumani 5:12

X’kont tgħid kieku ġejt mistoqsi, “Tixtieq tgħix għal dejjem?” Il-biċċa l-kbira min-nies x’aktarx li jgħidu li jixtiequ iżda jħossu li mhux realistiku tikkunsidra dan. Huma jgħidu li l-mewt hija parti normali mill-ħajja, it-tmiem naturali tal-eżistenza tagħna.

Iżda, ejja ngħidu li l-mistoqsija titpoġġa bil-kuntrarju u tiġi mistoqsi, “Int lest li tmut?” F’ċirkustanzi normali, tistaʼ tgħid kulħadd iwieġeb le. X’inhu l-punt? Minkejja l-provi u t-tbatijiet li niffaċċjaw, ix-xewqa normali u naturali tagħna hi li ngħixu. Il-Bibbja turi li Alla ħalaq lill-bnedmin bix-xewqa u r-rieda li jgħixu. Tant hu hekk li tgħid li “saħansitra poġġielhom f’qalbhom l-eternità.”—Ekkleżjasti 3:11.

Iżda, ir-realtà hi li l-bnedmin ma jgħixux għal dejjem. Allura, x’mar ħażin? Iżjed minn hekk, għamel xi ħaġa Alla biex jirranġa s-sitwazzjoni? It-tweġibiet tal-Bibbja jqawwu l-qalb, u għandhom x’jaqsmu direttament mar-raġuni għala Ġesù bata u miet.

X’MAR ĦAŻIN?

L-ewwel tliet kapitli tal-ktieb Bibliku tal-Ġenesi jgħidulna li Alla poġġa quddiem l-ewwel koppja umana, Adam u Eva, il-prospett taʼ ħajja bla tmiem u qalilhom x’kellhom jagħmlu biex jiksbuha. Imbagħad, ir-rakkont jiddeskrivi kif m’obdewx lil Alla u tilfu dan il-prospett. L-istorja tintqal b’mod sempliċi—tant sempliċi li xi wħud ikunu pronti jwarrbuha daqslikieku kienet folklor. Imma l-Ġenesi, bħall-Evanġelji, jagħti kull indikazzjoni li hu rekord storiku veru. *

X’kien ir-riżultat tad-diżubbidjenza taʼ Adam? Il-Bibbja twieġeb hekk: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Billi m’obdiex lil Alla, Adam dineb. B’hekk, tilef il-prospett taʼ ħajja bla tmiem u fl-aħħar miet. Ladarba aħna d-dixxendenti tiegħu, uritna l-istat midneb tiegħu. B’hekk, aħna suġġetti għall-mard, xjuħija, u mewt. Din l-ispjegazzjoni taʼ għala mmutu hi f’armonija maʼ dak li llum nafu dwar  l-eredità. Iżda għamel xi ħaġa Alla biex jirranġa s-sitwazzjoni?

DAK LI GĦAMEL ALLA

Iva, Alla għamel arranġamenti biex jifdi, jew jixtri lura, dak li Adam kien tilef għad-dixxendenti tiegħu, jiġifieri, il-prospett taʼ ħajja bla tmiem. Alla kif wettqu dan?

“Il-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt,” tgħid il-Bibbja f’Rumani 6:23. Dan ifisser li l-mewt hi l-konsegwenza tad-dnub. Adam dineb, allura miet. Bħalu, aħna nidinbu u għalhekk aħna suġġetti għall-ħlas tad-dnub, il-mewt. Imma twelidna f’dan l-istat midneb mingħajr ħtija. Għalhekk, bi mħabba, Alla bagħat lil Ibnu, Ġesù, biex jaċċetta l-‘ħlas tad-dnub’ għalina. Kif taħdem dil-ħaġa?

Il-mewt taʼ Ġesù tiftaħ it-triq għal ħajja feliċi u bla tmiem

Ladarba raġel wieħed, ir-raġel perfett Adam, ġab fuqna d-dnub u l-mewt permezz tad-diżubbidjenza, raġel perfett ubbidjenti saħansitra sal-mewt kien meħtieġ biex jeħlisna minn dak il-piż. Il-Bibbja tispjegaha hekk: “Bħalma bid-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza taʼ persuna waħda ħafna se jsiru ġusti.” (Rumani 5:19) Ġesù kien dik il-“persuna waħda.” Hu telaq mis-smewwiet, sar raġel perfett *, u miet għalina. B’hekk, hu possibbli għalina li jkollna l-approvazzjoni taʼ Alla u jkollna l-prospett taʼ ħajja bla tmiem.

GĦALA ĠESÙ BATA U MIET

Imma għala kellu jmut Ġesù biex jitwettaq dan? Ma setax Alla li Jistaʼ Kollox sempliċement ħareġ digriet li d-dixxendenti taʼ Adam jitħallew jgħixu għal dejjem? Żgur li għandu l-awtorità jagħmel dan. Imma kieku għamel hekk, kien ikun bħallikieku twarrbet il-liġi li għamel hu stess li l-ħlas tad-dnub hu l-mewt. Din mhix xi liġi insinifikanti li tistaʼ titwarrab jew tinbidel skont xi jkun konvenjenti. Hi fundamentali għall-ġustizzja vera.—Salm 37:28.

Li kieku f’dan il-każ Alla injora l-ġustizzja, in-nies forsi kienu jitħassbu kienx jagħmel dan f’affarijiet oħra wkoll. Pereżempju, kien se jkun fier  fl-għażla tiegħu min fost id-dixxendenti taʼ Adam jikkwalifika għall-ħajja taʼ dejjem? Setaʼ jiġi fdat biex iżomm il-wegħdi tiegħu? Li Alla jżomm mal-ġustizzja f’li jara kif nistgħu niġu salvati hu garanzija għalina li hu dejjem se jagħmel dak li hu sewwa.

Bil-mewt taʼ sagrifiċċju taʼ Ġesù, Alla fetaħ it-triq għal ħajja bla tmiem f’Ġenna fuq l-art. Innota kliem Ġesù kif imniżżel fi Ġwanni 3:16: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” B’hekk, il-mewt taʼ Ġesù mhix biss espressjoni tal-ġustizzja li qatt ma tfalli t’Alla imma wkoll, b’mod speċjali, tal-imħabba kbira tiegħu għall-bnedmin.

Madankollu, Ġesù għala kellu jbati u jmut b’mewta taʼ wġigħ kif inhu deskritt fl-Evanġelji? Billi ssottometta ruħu għall-ikbar test u baqaʼ leali, Ġesù ċaħad darba għal dejjem dak li stqarr ix-Xitan, li l-bnedmin ma jibqgħux leali lejn Alla meta jkunu taħt prova. (Ġob 2:4, 5) Din l-istqarrija forsi dehret valida wara li Satana pperswada lill-perfett Adam biex jidneb. Imma Ġesù—li kien l-ekwivalenti perfett għal Adam—baqaʼ ubbidjenti minkejja tbatija ħarxa. (1 Korintin 15:45) B’hekk, hu ta prova li Adam ukoll setaʼ jobdi lil Alla kieku għażel li jagħmel dan. Billi ssaporta fil-provi, Ġesù ħallielna eżempju xi nsegwu. (1 Pietru 2:21) Alla ppremja l-ubbidjenza perfetta taʼ Ibnu, u ta lil Ġesù ħajja immortali fis-sema.

KIF INT TISTAʼ TIBBENEFIKA

Il-mewt taʼ Ġesù ġrat veru. It-triq għal ħajja bla tmiem hi miftuħa. Tixtieq tgħix għal dejjem? Ġesù indika x’hemm bżonn nagħmlu meta qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.

Il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista jistidnuk biex titgħallem iżjed dwar Ġeħova, l-Alla l-veru, u dwar Ibnu, Ġesù Kristu. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek se jkunu ferħanin li jgħinuk. Ukoll, tistaʼ tirċievi informazzjoni t’għajnuna billi żżur il-Websajt tagħna, www.jw.org/mt.

^ par. 8 Ara “The Historical Character of Genesis,” fl-Insight on the Scriptures, Volume 1, paġna 922, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 13 Meta Alla ttrasferixxa l-ħajja taʼ Ibnu mis-smewwiet għall-ġuf taʼ Marija, dan wassal għall-konċepiment u l-ispirtu qaddis taʼ Alla pproteġa lil Ġesù milli jiret l-imperfezzjoni mingħand Marija.—Luqa 1:31, 35.