Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’se jagħmel Alla?

X’se jagħmel Alla?

Jekk tkun f’diffikultà, żgur li tistenna li ħabib tal-​qalb jagħmel xi ħaġa biex jgħinek. B’dan f’moħħhom, xi wħud jgħidu li Alla mhuwiex ħabib għax iħossu li mhu jagħmel xejn biex jgħinhom. Imma fir-​realtà, Alla mhux biss diġà għamel ħafna affarijiet għall-​benefiċċju tagħna imma wkoll se jagħmel xi ħaġa dwar il-​problemi u t-​tbatija kollha li qed niffaċċjaw illum. X’se jagħmel Alla?

ITEMM IL-​ĦAŻEN KOLLU

Alla se jtemm il-​ħażen kollu billi jelimina s-​sors tal-​ħażen. Il-​Bibbja tidentifika x’inhu dan is-​sors meta tgħid: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Dak il-​“Ħażin” mhu ħadd ħlief il-​wieħed li Ġesù sejjaħlu “l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja,” Satana x-​Xitan. (Ġwanni 12:31) L-​influwenza taʼ Satana fuq il-​bnedmin hi s-​sors tal-​kundizzjonijiet tal-​biki li hawn fuq l-​art. X’se jagħmel Alla?

Alla Ġeħova dalwaqt se jieħu azzjoni permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, biex “iġib fix-​xejn lil dak li jistaʼ jikkaġuna l-​mewt, jiġifieri, ix-​Xitan.” (Ebrej 2:14; 1 Ġwanni 3:8) Infatti, il-​Bibbja turi li x-​Xitan innifsu jaf “li żmien qasir baqagħlu” qabel jinqered. (Rivelazzjoni 12:12) Alla se jeqred ukoll lil dawk kollha li jagħmlu l-​ħażen.—Salm 37:9; Proverbji 2:22.

JAGĦMEL L-​ART ĠENNA

Wara li jeqred il-​ħażen kollu mill-​art, il-​Ħallieq tagħna se jieħu azzjoni biex iwettaq l-​iskop tiegħu—li bnedmin perfetti jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-​art. Lejn xiex nistgħu nħarsu ’l quddiem?

Paċi u sigurtà għal dejjem. “Il-​ġwejdin se jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.”—Salm 37:11.

Abbundanza taʼ ikel tajjeb. “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-​art; fuq il-​qċaċet tal-​muntanji jkun hemm iżżejjed.”—Salm 72:16.

Djar komdi u xogħol sodisfaċenti. “Se jibnu djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-​dwieli u jieklu frotthom. . . . Il-​magħżulin tiegħi se jużaw xogħol idejhom bis-​sħiħ.”—Isaija 65:21, 22.

Tixxennaq int biex tara dawn il-​kundizzjonijiet? Dawn dalwaqt se jsiru xi ħaġa taʼ kuljum għal kulħadd.

JELIMINA GĦALKOLLOX IL-​MARD U L-​MEWT

Illum, kulħadd jimrad u eventwalment imut, imma dalwaqt mhux se jibqaʼ jiġri hekk. Alla mhux se jdum biex japplika l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa sabiex “kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Imbagħad x’se jkun ir-​riżultat?

Il-​mard se jiġi eliminat. “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’ In-​nies li jgħixu fl-​art se jkun inħafrilhom l-​iżball tagħhom.”—Isaija 33:24.

Il-​mewt mhux se tibqaʼ tifni lill-​umanità. “Hu jiblaʼ l-​mewt għal dejjem, u l-​Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-​dmugħ mill-​uċuħ kollha.”—Isaija 25:8.

In-​nies se jgħixu għal dejjem. “L-​għotja li jagħti Alla hi l-​ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.”—Rumani 6:23.

Dawk li mietu se jiġu rxoxtati. “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Huma se jibbenefikaw mill-​fidwa, ir-​rigal mingħand Alla.

Alla kif se jwettaq dan kollu?

 JISTABBILIXXI GVERN PERFETT

Alla se jwettaq l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin u għall-​art permezz taʼ gvern fis-​sema bi Kristu Ġesù bħala l-​Mexxej maħtur. (Salm 110:1, 2) Din hi s-​saltna, jew il-​gvern, li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu għaliha f’dan il-​kliem: “Missierna fis-​smewwiet, . . . ħa tiġi saltnatek.”—Mattew 6:9, 10.

Is-​Saltna t’Alla se ssaltan fuq l-​art kollha u se teqred l-​uġigħ u t-​tbatija kollha minn fuq l-​art. Din is-​Saltna hi l-​aqwa gvern li l-​bnedmin jistaʼ qatt ikollhom! Hu għalhekk li Ġesù stinka biex ixandar “l-​aħbar tajba tas-​saltna” matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art u qal lid-​dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-​istess.—Mattew 4:23; 24:14.

Peress li Alla Ġeħova jħobb ħafna lill-​bnedmin, hu wiegħed li se jagħmel għalihom dawn l-​affarijiet meraviljużi kollha. Ma jġegħlekx dan tkun trid issir tafu u tersaq qrib lejh? Jekk tagħżel li tagħmel hekk, int kif se tibbenefika? L-​artiklu li jmiss se jispjega dan.

X’SE JAGĦMEL ALLA? Alla se jeqred il-​mard u l-​mewt, jgħaqqad il-​bnedmin flimkien taħt il-​gvern tas-​Saltna tiegħu, u jagħmel l-​art ġenna