Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’jismu Alla?

X’jismu Alla?

Meta tipprova ssir taf lil xi ħadd, aktarx li l-​ewwel ħaġa li tagħmel hi li tistaqsi, “X’jismek?” Kieku kellek tistaqsi din il-​mistoqsija lil Alla, x’jgħid hu?

“Jien Ġeħova. Dak hu ismi.”Isaija 42:8.

Huwa dan l-​isem ġdid għalik? Jistaʼ jkun, għax ħafna tradutturi tal-​Bibbja ma tantx jużaw isem Alla, jekk biss jużawh. Ħafna drabi jpoġġu t-​titlu “MULEJ” minfloku. Iżda isem Alla fil-​fatt jidher xi 7,000 darba fit-​test tal-​lingwa oriġinali tal-​Bibbja. L-​isem fih erbaʼ konsonanti Ebrajċi, li huma ekwivalenti għal JĦWH jew JHVH, u matul l-​istorja ġie tradott “Jehovah” bl-​Ingliż.

L-​isem t’Alla jidher bosta drabi fit-​test Ebrajk u jinsab f’ħafna traduzzjonijiet

Romblu tal-Baħar il-Mejjet tas-Salmi L-1 seklu wara Kristu, BL-EBRAJK

Traduzzjoni taʼ Tyndale 1530, BL-INGLIŻ

Verżjoni taʼ Reina-Valera 1602, BL-ISPANJOL

Union Version 1919, BIĊ-ĊINIŻ

GĦALA L-​ISEM T’ALLA HU IMPORTANTI

L-​isem hu importanti għal Alla nnifsu. Ħadd ma ta isem lil Alla; hu għażlu għalih innifsu. Ġeħova ddikjara: “Dan hu ismi għal dejjem, u din hi t-​tifkira tiegħi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.” (Eżodu 3:15) Fil-​Bibbja, isem Alla jidher iktar spiss minn kwalunkwe titlu ieħor li għandu, bħal Dak li Jistaʼ Kollox, Missier, Mulej, jew Alla, u iktar spiss minn ismijiet persunali oħra, bħal Abraham, Mosè, David, jew Ġesù. Iktar minn hekk, hi r-​rieda taʼ Ġeħova li ismu jkun magħruf. Il-​Bibbja tgħid: “Biex in-​nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-​Iktar Għoli fuq l-​art kollha.”—Salm 83:18.

L-​isem hu importanti għal Ġesù. Fit-​talba li hi magħrufa bħala t-​talba tal-​Missierna, Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu bil-​ħrara lil Alla: “Ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Ġesù nnifsu talab lil Alla: “Missier, igglorifika lil ismek.” (Ġwanni 12:28) Ġesù għamilha prijorità f’ħajtu li jigglorifika isem Alla; minħabba f’hekk setaʼ jgħid fit-​talb: “Għarrafthom ismek u nibqaʼ ngħarrfu.”—Ġwanni 17:26.

L-​isem hu importanti għal dawk li jafu lil Alla. In-​nies t’Alla fil-​passat fehmu li l-​protezzjoni u s-​salvazzjoni tagħhom kienu jmorru id f’id mal-​isem uniku t’Alla. “Isem Ġeħova hu torri b’saħħtu. Fih jidħol jiġri l-​ġust u jingħata l-​protezzjoni.” (Proverbji 18:10) “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jsalva.” (Ġoel 2:32) Il-​Bibbja turi li isem Alla kien se jiddistingwi lil dawk li kienu jaqduh. “Għax il-​popli kollha, min-​naħa tagħhom, se jimxu kull wieħed  f’isem l-​alla tiegħu; imma aħna, min-​naħa tagħna, se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”—Mikea 4:5; Atti 15:14.

X’JIRRIVELA DAN L-​ISEM

L-​isem jidentifika lil Alla b’mod uniku. Ħafna studjużi jikkonkludu li l-​isem Ġeħova jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Alla Ġeħova għenna nifhmu xi jfisser ismu meta kellem lil Mosè u rrefera għalih innifsu b’dan il-​kliem: “JIEN SE NSIR DAK LI RRID INSIR.” (Eżodu 3:14) Għalhekk, isem Alla jgħidilna iktar mis-​sempliċi fatt li hu l-​Ħallieq tal-​affarijiet kollha. Ismu jesprimi l-​abbiltà li hu jġiegħel lilu nnifsu kif ukoll il-​ħolqien tiegħu jsir dak kollu li hemm bżonn isir biex jitwettaq l-​iskop tiegħu. Filwaqt li t-​titli jistgħu jiddeskrivu l-​pożizzjoni, l-​awtorità, jew il-​qawwa t’Alla, ismu biss, Ġeħova, jirrappreżenta dak kollu li hu u li jistaʼ jsir.

L-​isem jirrivela kemm Alla hu interessat fina. It-​tifsir tal-​isem t’Alla jagħti x’jifhem li hu jibqaʼ juri affezzjoni lejn il-​ħolqien tiegħu, li jinkludi lilna. Iktar minn hekk, il-​fatt li Alla għamel lil ismu magħruf juri li hu jridna nsiru nafuh. Wara kollox, hu ħa l-​inizjattiva biex jgħidilna ismu ħafna żmien ilu, qabel ma twelidna jew saħansitra ħsibna dwaru. B’mod ċar, Alla ma jridniex inqisuh bħala xi alla ’l bogħod minna u li ma jistax ikollna relazzjoni qrib miegħu, imma bħala Persuna reali, xi ħadd li nistgħu nersqu qrib lejh.—Salm 73:28.

Li nużaw isem Alla jirrivela kemm jinteressana minnu. Biex nagħtu eżempju, għandek mnejn tgħid lil xi ħadd li tixtieq tagħmel ħbieb miegħu biex jindirizzak b’ismek. Kif tħossok kieku dak l-​individwu b’mod persistenti jirrifjuta li jagħmel dan? Maż-​żmien aktarx li titħasseb jekk dak l-​individwu jridx verament ikun ħabib tiegħek. U l-​istess ħaġa maʼ Alla. Ġeħova qal lill-​bnedmin x’jismu u jinkuraġġina biex nużaw dak l-​isem. Meta nagħmlu hekk, nuru lil Ġeħova li rridu nersqu eqreb tiegħu. Hu saħansitra jinnota lil “dawk li jaħsbu fuq [jew, “jgħożżu”, Il-​Bibbja, Saydon] ismu.”—Malakija 3:16.

Li nitgħallmu dwar l-​isem t’Alla hu l-​ewwel pass importanti biex insiru nafuh. Imma m’għandniex nieqfu hemm. Għandna bżonn insiru nafu lill-​Persuna wara dak l-​isem. Irridu nitgħallmu x’tip taʼ persuna hu.

X’JISMU ALLA? Alla jismu Ġeħova. Dan l-​isem b’mod uniku jidentifika lil Alla bħala Persuna, bħala l-​wieħed li jistaʼ jwettaq l-​iskop tiegħu