Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Xi kwalitajiet għandu Alla?

Xi kwalitajiet għandu Alla?

Iktar ma nsiru nafu l-​kwalitajiet taʼ xi ħadd, iktar insiru nafuh bħala persuna, u b’hekk il-​ħbiberija taʼ bejnietna tistaʼ tikber. B’mod simili, iktar ma nsiru nafu l-​kwalitajiet taʼ Ġeħova, iktar ħa nsiru nafu x’tip taʼ persuna hu, u b’hekk il-​ħbiberija taʼ bejnietna tistaʼ tikber. Mill-​kwalitajiet sbieħ kollha taʼ Ġeħova, hemm erbgħa li jispikkaw. Dawn huma: il-​qawwa, l-​għerf, il-​ġustizzja, u l-​imħabba tiegħu.

ALLA HU QAWWI

“O Mulej Sovran Ġeħova! Ara, int għamilt is-​smewwiet u l-​art bil-​qawwa kbira tiegħek.”ĠEREMIJA 32:17.

Fil-​ħolqien nistgħu naraw evidenza tal-​qawwa t’Alla. Pereżempju, meta toqgħod barra f’ġurnata sabiħa tas-​sajf, xi tħoss fuq il-​ġilda tiegħek? Is-​sħana tax-​xemx. Fil-​fatt, tkun qiegħed tħoss ir-​riżultat tal-​qawwa kreattiva taʼ Ġeħova. Kemm hi qawwija x-​xemx? Jintqal li fiċ-​ċentru tagħha t-​temperatura hi madwar 15,000,000 grad Celsius. Kull sekonda, ix-​xemx tipproduċi enerġija daqs splużjoni taʼ ħafna mijiet taʼ miljuni taʼ bombi nukleari.

Imma x-​xemx tagħna hi żgħira meta tiġi mqabbla mal-​ħafna triljuni taʼ stilel fl-​univers. Ix-​xjentisti jikkalkulaw li waħda mill-​ikbar stilel, li jisimha UY Scuti, għandha dijametru taʼ madwar 1,700 darba iktar minn tax-​xemx. UY Scuti tant hi kbira li kieku kellek tpoġġi ċ-​ċentru tagħha fejn qiegħda x-​xemx, l-​art tiġi ġo fiha u anke l-​orbita tal-​pjaneta  Jupiter. Forsi dan jgħinna nifhmu iktar dak li qal Ġeremija, li Alla Ġeħova għamel is-​smewwiet u l-​art, jiġifieri l-​univers, permezz tal-​qawwa kbira tiegħu.

Aħna kif nibbenefikaw mill-​qawwa t’Alla? Ħajjitna tiddependi mill-​ħolqien t’Alla, bħax-​xemx u r-​riżorsi kollha meraviljużi fuq l-​art. Iktar minn hekk, Alla juża l-​qawwa tiegħu għall-​benefiċċju tal-​bnedmin b’mod persunali. Kif? Fl-​ewwel seklu, Alla ta lil Ġesù l-​qawwa biex jagħmel mirakli meraviljużi. Naqraw: “L-​għomja qed jaraw, iz-​zopop qed jimxu, l-​imġiddmin qed jiġu mnaddfin, u t-​torox qed jisimgħu, il-​mejtin qed jitqajmu.” (Mattew 11:5) Xi ngħidu għal-​lum? Il-​Bibbja tgħid: “Qed jagħti l-​qawwa lill-​għajjien.” Tgħid ukoll: “Dawk li jittamaw f’Ġeħova se jiksbu l-​qawwa mill-​ġdid.” (Isaija 40:29, 31) Alla jistaʼ jagħtina “qawwa iktar min-​normal” biex jgħinna nkampaw jew nissaportu diffikultajiet u provi f’ħajjitna. (2 Korintin 4:7) Ma tħossokx tinġibed lejn Alla li bi mħabba kbira juża l-​qawwa bla limitu tiegħu għall-​benefiċċju tagħna?

ALLA HU GĦAREF

“Kemm huma kotrana xogħlijietek, O Ġeħova! Kollha bl-​għerf għamilthom.”SALM 104:24.

Iktar ma nitgħallmu dwar dak li għamel Alla, iktar nistagħġbu bl-​għerf tiegħu. Fil-​fatt hemm studju speċifiku li jissejjaħ bijomimetika. Fih ix-​xjentisti jistudjaw il-​ħolqien taʼ Ġeħova u jikkopjaw ideat min-​natura biex itejbu dak li jkunu għamlu huma stess. Dawn jistgħu jvarjaw minn xi ħaġa sempliċi bħal kolla sa ajruplan.

L-għajn tal-bniedem hi ħolqien meraviljuż

L-​għerf t’Alla jidher bl-​iktar mod meraviljuż fil-​ġisem uman. Pereżempju, ikkunsidra l-​mod kif tiżviluppa tarbija. Il-​proċess jibda b’bajda waħda ffertilizzata. Din ikun fiha l-​istruzzjonijiet tal-​ġenetika kollha li jkun hemm bżonn. Din iċ-​ċellula tinqasam f’ħafna ċelluli li jidhru l-​istess. Imma fil-​ħin eżatt, iċ-​ċelluli jibdew jieħdu forom differenti, u b’hekk ikun hemm mijiet taʼ tipi taʼ ċelluli speċjali, bħaċ-​ċelluli tad-​demm, ċelluli tan-​nervituri, u ċelluli tal-​għadam. Ftit wara jiżviluppaw is-​sistemi tal-​ġisem li jinkludu l-​organi u dawn jibdew jiffunzjonaw. F’disaʼ xhur biss, dik l-​ewwel ċellula tiżviluppa f’tarbija magħmula minn biljuni taʼ ċelluli. L-​għerf li naraw f’dan iġegħelna naqblu mal-​kittieb tal-​Bibbja li qal: “Jien se nfaħħrek għax tal-​biżaʼ l-​mod taʼ l-​għaġeb kif jien magħmul.”—Salm 139:14.

Aħna kif nibbenefikaw mill-​għerf t’Alla? Il-​Ħallieq jaf x’għandna bżonn biex inkunu ferħanin. Peress li għandu għarfien kbir u jaf kollox, hu jipprovdilna l-​pariri għaqlin fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Pereżempju, il-​Bibbja tħeġġiġna: “Komplu . . . aħfru lil xulxin mill-​qalb.” (Kolossin 3:13) Huwa dan parir għaqli? Iva. Ir-​riċerka wriet li meta wieħed jaħfer ikun jistaʼ jorqod aħjar u l-​pressjoni titbaxxa. Dan jistaʼ jnaqqas ukoll ir-​riskju taʼ dipressjoni u problemi oħra tas-​saħħa. Alla hu bħal ħabib għaref u li jħobb u li qatt ma jonqos milli jtina pariri li jgħinuna u li huma għall-​ġid tagħna. (2 Timotju 3:16, 17) Ma tixtieqx li jkollok ħabib bħal dan?

 ALLA HU ĠUST

“Ġeħova jħobb il-​ġustizzja.”SALM 37:28.

Alla dejjem jagħmel dak li hu tajjeb. Fil-​fatt, “ma jistax ikun li l-​Alla l-​veru jaġixxi bil-​ħażen, u li Dak li Jistaʼ Kollox jaġixxi b’mod inġust!” (Ġob 34:10) Il-​ġudizzji tiegħu huma tajbin, bħalma qal is-​salmista lil Ġeħova: “Int se tiġġudika l-​popli b’mod rett.” (Salm 67:4) Peress li “Ġeħova jara l-​qalb,” hu ma jistax jiġi mqarraq bl-​ipokrisija imma dejjem kapaċi jara l-​verità u jagħmel dak li hu ġust. (1 Samwel 16:7) Iktar minn hekk, Alla jaf b’kull att taʼ inġustizzja u korruzzjoni fuq l-​art, u hu wiegħed li dalwaqt “in-​nies mill-​agħar . . . se jitqaċċtu mill-​art.”—Proverbji 2:22.

Madankollu, Alla mhuwiex xi mħallef aħrax li jixtieq jikkastiga lin-​nies. Hu juri l-​ħniena meta jkun xieraq. Il-​Bibbja tgħid: “Ġeħova ħanin u grazzjuż,” anke lejn il-​ħżiena li jindmu b’mod sinċier. Mhijiex din ġustizzja vera?—Salm 103:8; 2 Pietru 3:9.

Aħna kif nibbenefikaw mill-​ġustizzja taʼ Ġeħova? L-​appostlu Pietru qal: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:34, 35) Aħna nibbenefikaw mill-​ġustizzja t’Alla għax hu qatt ma juri parzjalità jew diskriminazzjoni. Nistgħu niġu aċċettati minnu u nqimuh tkun xi tkun ir-​razza, in-​nazzjonalità, l-​edukazzjoni, jew il-​pożizzjoni soċjali tagħna.

Alla hu imparzjali, u aħna nistgħu nibbenefikaw mill-imparzjalità tiegħu tkun xi tkun ir-razza jew il-pożizzjoni soċjali tagħna

Minħabba li Alla jridna nifhmu u nibbenefikaw mill-​ġustizzja tiegħu, hu tana kuxjenza. L-​Iskrittura tiddeskrivi l-​kuxjenza bħala liġi ‘miktuba fi qlubna,’ li “tixhed” jekk l-​imġiba tagħna tkunx tajba jew ħażina. (Rumani 2:15) Kif nibbenefikaw minnha? Meta tkun imħarrġa sew, il-​kuxjenza tagħna tistaʼ timmotivana biex ma nagħmlux affarijiet taʼ ħsara jew li mhumiex ġusti. U jekk nagħmlu żball, din tistaʼ tqanqalna biex nindmu u nirranġaw triqitna. Ċertament, li nifhmu s-​sens taʼ ġustizzja t’Alla jgħinna u jressaqna eqreb lejh!

 ALLA HU MĦABBA

“Alla hu mħabba.”1 ĠWANNI 4:8.

Alla juri qawwa, għerf, u ġustizzja, imma l-​Bibbja ma tgħidx li Alla hu qawwa, għerf, jew ġustizzja. Tgħid li hu mħabba. Għala? Għax il-​qawwa t’Alla tagħmilha possibbli għalih biex jaġixxi, u l-​ġustizzja u l-​għerf tiegħu jiggwidaw il-​mod kif jaġixxi. Imma hi l-​imħabba li timmotivah biex jaġixxi. L-​imħabba taʼ Ġeħova tinfluwenza dak kollu li jagħmel.

Għalkemm Ġeħova ma kien jonqsu xejn, l-​imħabba tiegħu mmotivatu biex joħloq ħlejjaq intelliġenti, kemm fis-​sema u kemm fuq l-​art. Dawn jistgħu jgawdu u jibbenefikaw mill-​fatt li hu jħobbhom u jimpurtah minnhom. Mingħajr egoiżmu, hu pprepara l-​art sabiex tkun id-​dar ideali għall-​ħolqien uman tiegħu. U hu jkompli juri mħabba lill-​bnedmin kollha meta “jtellaʼ x-​xemx tiegħu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin u jniżżel ix-​xita fuq in-​nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.”—Mattew 5:45.

Barra minn hekk, “Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.” (Ġakbu 5:11) Hu juri affezzjoni lejn dawk li b’mod sinċier jagħmlu sforz biex isiru jafuh u jersqu eqreb lejh. Alla jħares lejn nies bħal dawn bħala individwi. “Fil-​fatt, m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”Atti 17:27.

Aħna kif nibbenefikaw mill-​imħabba t’Alla? Ingawdu s-​sbuħija taʼ nżul ix-​xemx. Nieħdu pjaċir nisimgħu tarbija tidħaq. Ngħożżu l-​imħabba taʼ membru tal-​familja li hu għażiż tagħna. Dawn jistgħu ma jkunux affarijiet neċessarji, imma jsebbħulna ħajjitna b’mod straordinarju.

Xi ħaġa oħra li turi kemm Alla jħobbna hi t-​talb. Il-​Bibbja tħeġġiġna: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” Bħal missier li jħobb, hu jixtieq li aħna mmorru għandu għall-​għajnuna bl-​iktar ħsibijiet persunali li jinkwetawna. Imbagħad Ġeħova, permezz tal-​imħabba mhix egoista tiegħu, iwiegħed li jipprovdi “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.”—Filippin 4:6, 7.

Din id-​diskussjoni qasira dwar il-​kwalitajiet prinċipali t’Alla—il-​qawwa, l-​għerf, il-​ġustizzja, u l-​imħabba—għenitek tifhem iktar min hu Alla? Biex tkabbar l-​apprezzament tiegħek fih, nistidnuk titgħallem x’għamel u x’għadu se jagħmel għall-​benefiċċju tiegħek.

XI KWALITAJIET GĦANDU ALLA? Ġeħova hu iktar qawwi, għaref, u ġust minn kull persuna oħra. Imma l-​iktar kwalità li tispikka hi l-​imħabba tiegħu