Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’għamel Alla?

X’għamel Alla?

Jekk tixtieq issir taf lil xi ħadd sew, ikun t’għajnuna jekk issir taf dak li wettaq u l-​isfidi li għeleb. B’mod simili, jekk trid issir taf lil Alla sew, għandek bżonn issir taf dak li għamel. Int u tagħmel dan, taf tibqaʼ sorpriż li ssir taf kemm ħafna minn dak li għamel fil-​passat hu taʼ benefiċċju għalina issa u jinvolvi l-​futur tagħna.

ALLA ĦALAQ KOLLOX GĦALL-​BENEFIĊĊJU TAGĦNA

Alla Ġeħova hu l-​Ħallieq Grandjuż, u “l-​kwalitajiet inviżibbli tiegħu, . . . kienu jidhru ċar mill-​ħolqien tad-​dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-​affarijiet li nħolqu.” (Rumani 1:20) “Hu Dak li għamel l-​art bil-​qawwa tiegħu, li b’għerfu waqqaf l-​art produttiva fis-​sod, u li bl-​intelliġenza tiegħu firex is-​smewwiet.” (Ġeremija 10:12) Anke l-​għeġubijiet tal-​ħolqien juru kemm Alla għandu interess fina.

Ikkunsidra kif Ġeħova sebbaħ il-​ħajja tagħna billi ħalaq lill-​bnedmin “fix-​xbieha tiegħu.” (Ġenesi 1:27) Dan ifisser li hu għamilha possibbli għalina, għalkemm bi ftit, li nirriflettu l-​kwalitajiet superjuri tiegħu. Hu ħalaqna b’kapaċità spiritwali, jiġifieri l-​abbiltà li nifhmu l-​valuri u l-​ħarsa tiegħu dwar l-​affarijiet. Hekk kif nistinkaw biex ngħixu fi qbil maʼ dawn, se jkollna iktar ferħ u skop f’ħajjitna. Iktar minn hekk, hu tana l-​possibbiltà li niżviluppaw ħbiberija miegħu.

L-​art turi kif Alla jħossu dwarna. Fi kliem l-​appostlu Pawlu, Alla ‘ma ħalliex lilu nnifsu mingħajr xiehda billi għamel it-​tajjeb u tana x-​xita mis-​sema u l-​istaġuni tal-​frott u mlielna qlubna għalkollox bl-​ikel u bil-​ferħ.’ (Atti 14:17) Alla tana bil-​wisq iktar milli għandna bżonn biex nibqgħu ħajjin. Hu tana b’abbundanza kemm f’dik li hi kwantità u kemm f’dik li hi varjetà biex inkunu nistgħu ngawdu l-​ħajja. Dan hu biss ftit minn dak li hu jrid għalina.

 Ġeħova ħalaq l-​art sabiex il-​bnedmin ikunu jistgħu jgħixu fuqha għal dejjem. Il-​Bibbja tgħid: “L-​art taha lil ulied il-​bnedmin” u li hu ‘ma ħalaqhiex sempliċement għalxejn, [imma] sawwarha biex tkun abitata.’ (Salm 115:16; Isaija 45:18) Abitata minn min u għal kemm żmien? “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.

Fi qbil maʼ dan, Ġeħova ħalaq l-​ewwel raġel u mara, Adam u Eva, u qegħedhom fi ġnien fuq l-​art ‘biex jikkultivawh u jieħdu ħsiebu.’ (Ġenesi 2:8, 15) Alla tahom dawn l-​inkarigi eċċitanti: “Nisslu u oktru u imlew l-​art u rażżnuha.” (Ġenesi 1:28) B’hekk, Adam u Eva kellhom quddiemhom it-​tama li jgawdu ħajja bla tmiem fuq l-​art. B’dispjaċir, huma għażlu li ma jobdux lil Alla u minħabba f’hekk tilfu l-​opportunità li jkunu fost “il-​ġusti” li “se jirtu l-​art.” Madankollu, bħalma se naraw, l-​azzjonijiet tagħhom ma bidlux l-​iskop taʼ Ġeħova għalina jew għall-​art. Imma l-​ewwel ejja nikkunsidraw xi ħaġa oħra li Alla għamel.

ALLA TA L-​KELMA TIEGĦU BIL-​MIKTUB

Il-​Bibbja hi magħrufa wkoll bħala l-​Kelma t’Alla. Ġeħova għala tana l-​Bibbja? B’mod primarju, biex inkunu nistgħu nitgħallmu dwaru. (Proverbji 2:1-5) Hu minnu li l-​Bibbja ma twiġibx kull mistoqsija li jistaʼ jkollna dwar Alla—l-​ebda ktieb ma jistaʼ jagħmel dan. (Ekkleżjasti 3:11) Imma dak kollu li fiha l-​Bibbja jgħinna nsiru nafu lil Alla. Insiru nafu min hu bil-​mod kif jittratta l-​poplu tiegħu. Nistgħu ninnotaw x’tip taʼ nies iħobb u ma jħobbx. (Salm 15:1-5) Insiru nafu x’inhi l-​ħarsa tiegħu dwar il-​qima, l-​immoralità, u l-​affarijiet materjali. U l-​Bibbja tagħtina l-​iktar deskrizzjoni ċara tal-​personalità taʼ Ġeħova permezz taʼ dak li qal u għamel Ibnu, Ġesù Kristu.—Ġwanni 14:9.

Raġuni oħra għala Ġeħova tana Kelmtu, il-​Bibbja, hi sabiex aħna nkunu nafu kif ngħixu ħajja ferħana u bi skop. Permezz tal-​Bibbja, Ġeħova jgħidilna kif ikollna ħajja tal-​familja ferħana, kif inkunu kuntenti, u kif inkampaw mal-​ansjetà. U bħalma se tispjega iktar tard din ir-​rivista, il-​Bibbja fiha t-​tweġibiet għall-​iktar mistoqsijiet importanti tal-​ħajja bħal: Għala hawn daqstant tbatija? X’hemm jistenniena fil-​futur? Tispjega wkoll x’għamel Alla biex ikun ċert li l-​iskop oriġinali tiegħu jitwettaq.

Hemm modi oħra li juru li l-​Bibbja hi ktieb speċjali ħafna u li l-​awtur tagħha jistaʼ jkun biss Alla. Din inkitbet fuq perjodu taʼ madwar 1,600 sena minn xi 40 raġel, imma fiha tema prinċipali waħda għax l-​Awtur veru tagħha hu Alla. (2 Timotju 3:16) Għall-​kuntrarju taʼ xogħlijiet oħra tal-​qedem, din ġiet preservata b’eżattezza matul is-​snin, bħalma juru eluf taʼ manuskritti tal-​qedem tal-​Bibbja. Iktar minn hekk, il-​Bibbja baqgħet teżisti minkejja li saru sforzi biex ma tiġix tradotta, biex ma titqassamx, u biex ma tinqarax. Illum hi l-​iktar ktieb li ġie mqassam u tradott. Il-​fatt li l-​Bibbja għadha teżisti hi prova li “l-​kelma t’Alla tagħna, din tibqaʼ għal dejjem.”—Isaija 40:8.

ALLA TA GARANZIJA TAL-​ISKOP TIEGĦU

Xi ħaġ’oħra li Alla ta hu l-​provvediment speċjali li għamel biex jiggarantixxi li l-​iskop tiegħu għalina jitwettaq. Bħalma ssemma qabel, l-​iskop t’Alla għall-​bnedmin kien li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Madankollu, meta Adam għażel li ma jobdix lil Alla u għaldaqstant dineb, hu mhux biss tilef l-​opportunità għalih innifsu li jgħix għal dejjem imma wkoll għat-​tfal li kien se jkollu fil-​futur. “Permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Minħabba din id-​diżubbidjenza, kien donnu jidher li l-​iskop t’Alla għall-​art ma kienx se jitwettaq. Ġeħova kif irreaġixxa?

L-​azzjonijiet taʼ Ġeħova kienu fi qbil mal-​kwalitajiet tiegħu. Hu b’mod ġust żamm lil Adam u Eva responsabbli għall-​azzjonijiet tagħhom, imma bi mħabba għamel provvedimenti għan-​nisel tagħhom li kien se jkollhom fil-​futur. Fl-​għerf tiegħu, Ġeħova ddeċieda kif se jittratta s-​sitwazzjoni u  mill-​ewwel bassar soluzzjoni. (Ġenesi 3:15) Il-​ħelsien mid-​dnub u l-​mewt kien se jiġi provdut permezz tal-​Iben t’Alla, Ġesù Kristu. Dan x’kien jinvolvi?

Biex jifdi lill-​bnedmin mill-​effetti tar-​ribelljoni t’Adam, Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-​art biex jgħallem lin-​nies it-​triq għall-​ħajja u biex “jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” * (Mattew 20:28; Ġwanni 14:6) Ġesù setaʼ jagħti l-​fidwa għax hu kien raġel perfett bħal Adam. Imma b’differenza għal Adam, Ġesù baqaʼ jobdi b’mod perfett, saħansitra sal-​mewt. Ladarba Ġesù ma kienx jistħoqqlu li jmut, Ġeħova rxoxtah lura għall-​ħajja fis-​sema. Ġesù issa setaʼ jagħmel dak li Adam naqas milli jagħmel—jagħti lill-​bnedmin ubbidjenti t-​tama li jgħixu għal dejjem. “Għax bħalma bid-​diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-​ubbidjenza taʼ persuna waħda ħafna se jsiru ġusti.” (Rumani 5:19) Permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, Alla se jwettaq il-​wegħda tiegħu li l-​bnedmin jgħixu għal dejjem fuq l-​art.

Nistgħu nitgħallmu ħafna dwar Ġeħova mill-​mod kif tratta mal-​problemi li ġew minħabba d-​diżubbidjenza t’Adam. Naraw li xejn ma jistaʼ jżomm lura lil Ġeħova milli jispiċċa dak li beda; kelmtu “żgur tirnexxi.” (Isaija 55:11) Nitgħallmu wkoll kemm Ġeħova jħobbna. “B’dan intweriet l-​imħabba t’Alla għalina, għax Alla bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fid-​dinja biex niksbu l-​ħajja permezz tiegħu. L-​imħabba qiegħda f’dan: li mhux aħna ħabbejna lil Alla, imma hu ħabbna u bagħat lil Ibnu bħala sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.”—1 Ġwanni 4:9, 10.

Alla “lanqas lil Ibnu stess ma ħelisha imma tah għalina lkoll.” Għalhekk, aħna ċerti li Alla se jagħtina “b’qalb tajba l-​affarijiet l-​oħra kollha” li wegħedna. (Rumani 8:32) Alla x’wiegħed li se jagħmel għalina? Jekk jogħġbok, kompli aqra.

X’GĦAMEL ALLA? Ġeħova ħalaq lill-​bnedmin biex jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Hu tana l-​Bibbja sabiex inkunu nistgħu nitgħallmu dwaru. Permezz taʼ Ġesù Kristu, Ġeħova pprovda l-​fidwa, u b’hekk aċċertana li l-​iskop tiegħu se jseħħ żgur

^ par. 16 Għal iktar dettalji dwar il-​fidwa, ara kapitlu 5 tal-​ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja?, ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u disponibbli onlajn fuq www.jw.org/mt.