Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’benefiċċji jistaʼ jkollok meta ssir taf lil Alla?

X’benefiċċji jistaʼ jkollok meta ssir taf lil Alla?

S’issa diġà tgħallimna affarijiet li jgħinuna nwieġbu l-​mistoqsija, Nistgħu nsiru nafuh lil Alla? Bdejna billi rajna li fil-​Bibbja ismu hu Ġeħova u li l-​aqwa kwalità tiegħu hi l-​imħabba. Ikkunsidrajna wkoll dak li għamel u dak li għadu se jagħmel għall-​benefiċċju tal-​bnedmin. Għalkemm hemm ħafna iktar x’tistaʼ titgħallem dwar Alla, int forsi taħseb x’jistaʼ jkun il-​benefiċċju għalik jekk tagħmel dan.

Ġeħova jwiegħed li “jekk tfittxu, iħallik issibu.” (1 Kronaki 28:9) Immaġina r-​rigal prezzjuż li hemm jistenniek hekk kif int tfittex u ssir taf lil Alla—ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġeħova! (Salm 25:14) Ħbiberija bħal din x’tistaʼ tfisser għalik?

Ferħ ġenwin. Ġeħova hu deskritt bħala “l-​Alla l-​hieni.” (1 Timotju 1:11) Jekk tersaq qrib tiegħu u tipprova timitah, int se jkollok ferħ ġenwin u dan se jkun taʼ benefiċċju għalik emozzjonalment, mentalment, u fiżikament. (Salm 33:12) Int jistaʼ jkollok ukoll ħajja ferħana billi tevita stil taʼ ħajja li jagħmel il-​ħsara, tiżviluppa drawwiet tajbin, u żżomm relazzjoni tajba m’oħrajn. Imbagħad int se taqbel maʼ dak li qal is-​salmista: “Li nersaq qrib Alla huwa tajjeb għalija.”—Salm 73:28.

Jieħu ħsiebek u jagħtik attenzjoni persunali. Ġeħova wiegħed lill-​qaddejja tiegħu: “Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.” (Salm 32:8) Dan ifisser li Ġeħova jimpurtah persunalment minn kull qaddej tiegħu u jagħti lil kull wieħed propju dak li jkollu bżonn. (Salm 139:1, 2) Meta tiżviluppa relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, int se tinduna li hu se jkun dejjem hemm għalik.

Futur mill-​isbaħ. Minbarra li jgħinek biex ikollok ħajja sodisfaċenti u ferħana issa, Alla Ġeħova qed jagħtik l-​opportunità biex ikollok futur meraviljuż. (Isaija 48:17, 18) Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) F’dan iż-​żmien diffiċli, it-​tama li Alla jagħti hi bħal ankra, “żgura u soda.”—Ebrej 6:19.

Dawn huma biss ftit mill-​ħafna raġunijiet importanti għala għandek issir taf lil Alla aħjar u biex tiżviluppa ħbiberija mill-​qrib miegħu. Inħeġġuk titkellem maʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova jew tmur fuq jw.org għal iktar informazzjoni utli.