Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Antikwata jew avvanzata għal żmienha?

Antikwata jew avvanzata għal żmienha?

IX-XJENZA

IL-​BIBBJA MHIJIEX KTIEB TAX-​XJENZA, MADANKOLLU FIHA STQARRIJIET LI KIENU AVVANZATI ĦAFNA GĦAŻ-​ŻMIEN LI NKITBU. IKKUNSIDRA XI EŻEMPJI.

Kellu bidu l-​univers?

Xi xjentisti magħrufa darba kienu jħossu li huma ċerti li t-​tweġiba hija le. Illum il-​ġurnata, b’mod ġenerali jaċċettaw li l-​univers kellu bidu. Il-​Bibbja kienet ilha li għamiltha ċara daqs il-​kristall.—Ġenesi 1:1.

X’forma għandha d-​dinja?

Fi żmien il-​qedem, ħafna nies kienu jaħsbu li d-​dinja hi ċatta. Fil-​ħames seklu qabel Kristu (QK), xjentisti Griegi taw x’jifhmu li hi globu. Imma ħafna qabel dan—fit-​tmien seklu QK—kittieb tal-​Bibbja, Isaija, irrefera għaċ-​“ċirku taʼ l-​art” billi uża kelma li tistaʼ tfisser ukoll globu.—Isaija 40:22.

Huwa possibbli li s-​smewwiet jitmermru maż-​żmien?

Aristotle, xjentist Grieg tar-​rabaʼ seklu QK, għallem li t-​tmermir isir biss fuq l-​art, waqt li s-​smewwiet mimlijin stilel qatt ma setgħu jinbidlu jew jitmermru. Dal-​ħsieb kien komuni għal ħafna sekli. Imma fid-​19-​il seklu, xi xjentisti ħarġu bl-​idea tal-​entropija. Din tissuġġerixxi li kulma jeżisti, kemm jekk fis-​sema u kemm jekk fuq l-​art, għandu possibiltà li jitmermer. Wieħed mix-​xjentisti li għen biex tissaħħaħ din l-​idea, Lord Kelvin, innota x’tgħid il-​Bibbja dwar is-​sema u l-​art: “Bħal libsa lkoll jitmermru.” (Salm 102:25, 26) Fi qbil mat-​tagħlim tal-​Bibbja, Kelvin kien jemmen li Alla setaʼ jagħżel li ma jkunx hemm tmermir li jeqred il-​ħolqien Tiegħu.—Ekkleżjasti 1:4.

Fuq xiex iżommu l-​pjaneti bħall-​art tagħna?

Aristotle għallem li l-​affarijiet li hemm fis-​sema huma ġo sferi li tara minnhom. Kull sfera tkun marsusa ġol-​oħra bid-​dinja fil-​qalba taʼ dan kollu. Sas-​seklu 18 wara Kristu (WK), xi xjentisti bdew jaċċettaw l-​idea li l-​istilel u l-​pjaneti għandhom mnejn huma mdendlin fuq ix-​xejn. Imma fis-​seklu 15 QK, il-​ktieb taʼ Ġob kien diġà semma li l-​Ħallieq qed “idendel l-​art fuq ix-​xejn.”—Ġob 26:7.

 IL-​MEDIĊINA

GĦALKEMM IL-​BIBBJA MHIJIEX KTIEB MEDIKU, FIHA XI PRINĊIPJI LI JIRRIFLETTU GĦARFIEN AVVANZAT DWAR IS-​SAĦĦA.

Nies morda kellhom jinżammu għalihom.

Il-​Liġi Mosajka kienet titlob li n-​nies li kellhom il-​ġdiem jinżammu separati mill-​oħrajn. Kien biss meta faqqgħu l-​epidemiji, xi 700 mitt sena ilu, li t-​tobba skoprew u applikaw dan il-​prinċipju. Huma għadhom jaħsbu li hu effettiv.—Levitiku, kapitli 13 u 14.

Min imiss katavru kellu jinħasel.

Sa inqas minn 150 sena ilu, it-​tobba spiss kienu jmissu katavri u mbagħad imissu pazjenti—mingħajr ma jaħslu jdejhom. Din il-​prattika kkaġunat ħafna mwiet. Però, il-​Liġi Mosajka kienet tgħid li kull min imiss katavru ma kienx nadif skont iċ-​ċerimonji li kienu mitluba minn din il-​liġi. Id-​direzzjoni saħansitra kienet li kien hemm bżonn li jintuża l-​ilma biex dak li jkun jindaf. Dawn il-​prattiki reliġjużi żgur li kellhom benefiċċji taʼ saħħa wkoll.—Numri 19:11, 19.

Kif kellu jintrema l-​ħmieġ tal-​bniedem.

Kull sena, iktar minn nofs miljun tifel u tifla jmutu minħabba d-​dijarea. Raġuni prinċipali hi għax ikunu esposti għall-​ħmieġ tal-​bniedem li ma jkunx intrema kif suppost. Il-​Liġi Mosajka kienet tgħid li l-​ħmieġ tal-​bniedem kellu jiġi midfun ’il barra minn fejn joqogħdu n-​nies.—Dewteronomju 23:13.

Meta kellha ssir iċ-​ċirkonċiżjoni.

Il-​Liġi t’Alla kienet tgħid li tifel kellu jiġi ċirkonċiż meta jagħlaq tmint ijiem. (Levitiku 12:3) Huwa mifhum li d-​demm tat-​trabi tat-​twelid jibda jagħqad b’rata normali wara l-​ewwel ġimgħa. Fiż-​żmien tal-​Bibbja, qabel ma kienu disponibbli t-​trattamenti mediċi avvanzati tal-​lum, li wieħed jistenna ġimgħa qabel issir iċ-​ċirkonċiżjoni kienet taʼ protezzjoni kbira.

Ir-​rabta li hemm bejn is-​saħħa emozzjonali u s-​saħħa fiżika.

Xi riċerkaturi u xjentisti mediċi jgħidu li l-​emozzjonijiet pożittivi bħall-​ferħ, it-​tama, l-​apprezzament, u r-​rieda taʼ li wieħed jaħfer iħallu effett tajjeb fuq is-​saħħa. Il-​Bibbja tgħid: “Qalb ferriħija tajba biex tfejjaq, imma spirtu mdejjaq inixxef l-​għadam.”—Proverbji 17:22.