XI WĦUD JGĦIDU LE. Tabib qal li jekk tuża l-​Bibbja bħala gwida, tkun qisek qed tuża ktieb taʼ 100 sena ilu biex tgħallem il-​kimika. Xi ħadd xettiku, jew li ma jirrispettax il-​Bibbja, għandu mnejn isaqsik jekk kieku tużax manwal taʼ kompjuter li m’għadux jeżisti biex tkun taf kif tuża kompjuter tal-​aħħar. Fi kliem ieħor, xi wħud jikkunsidraw il-​Bibbja bħala li hi antikwata għalkollox.

Għala għandu xi ħadd juża gwida daqstant antika meta fid-​dinja llum hawn tant teknoloġija avvanzata? Fuq kollox, hemm bosta websajts u blogs li b’mod kontinwu jagħtu l-​aħħar pariri u gwida. Programmi fuq it-​televixin jippreżentaw pariri minn psikologi għorrief, nies li jagħtu l-​pariri fuq kollox, u awturi. U l-​industrija tal-​kotba tippubblika viżibilju taʼ kotba biex titgħallem issolvi l-​problemi waħdek, u din sadattant tkompli taqlaʼ l-​biljuni.

Bl-​informazzjoni disponibbli li tiġi aġġornata l-​ħin kollu, għala għandek iddur lejn il-​Bibbja—ktieb li tlesta kważi 2,000 sena ilu? Ma jkollhomx raġun ix-​xettiċi f’li jgħidu li meta tuża ktieb tal-​qedem għall-​gwida tkun qisek qed tuża ktieb tal-​kimika jew manwal tal-​kompjuter li m’għadux jgħodd? Fir-​realtà, dan l-​irraġunar hu ħażin. Ix-​xjenza u t-​teknoloġija jinbidlu mil-​lejl għan-​nhar, imma nbidlu l-​bżonnijiet bażiċi tal-​bniedem? In-​nies għadhom jixtiequ li jkollhom skop fil-​ħajja u li jkunu kuntenti u fis-​sigurtà, li jkollhom familji b’saħħithom, u ħbieb mill-​aqwa.

Għalkemm il-​Bibbja hi ktieb antik, hi tindirizza dawn il-​bżonnijiet u iktar minn hekk. Issostni wkoll li hi ispirata mill-​Ħallieq tagħna. Toffri gwida għal kull aspett tal-​ħajja u tarmana għal kull sfida li tistaʼ tinqalaʼ. (2 Timotju 3:16, 17) Iktar minn hekk, issostni li fiha pariri li ma jiskadu qatt—pariri li jibqgħu jgħoddu għal dejjem! Il-​Bibbja nfisha tgħid: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja.”—Ebrej 4:12.

Jistaʼ jkun li dak li ssostni l-​Bibbja hu verament minnu? Hija antikwata, jew hija verament l-​iktar ktieb prattiku u taʼ valur għalina llum—daqslikieku hi ktieb ħaj? L-​iskop taʼ din l-​edizzjoni tat-​Torri tal-​Għassa, l-​ewwel fost serje taʼ ħarġiet speċjali, hu li jgħinek issib it-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet.