Jeżistu problemi li għal issa ma jistgħux jiġu evitati jew solvuti. Pereżempju, jekk titlef lil xi ħadd fil-​mewt jew jekk tiffaċċja mard kroniku, jaf ma jkollokx għażla ħlief li ssib modi kif tkampa mal-​uġigħ li jkollok. Tistaʼ l-​Bibbja tgħin f’sitwazzjonijiet koroh bħal dawn?

MARD KRONIKU

Rose tgħid: “Għandi marda ġenetika li tħallini l-​ħin kollu muġugħa ħafna. Saħħti marret il-​baħar.” Wieħed mill-​ikbar ħsibijiet li jinkwetaha kien li kultant ma tkunx tistaʼ tiffoka fuq l-​istudju tagħha tal-​Bibbja u affarijiet spiritwali. Imma hi kienet sabet t’għajnuna l-​kliem taʼ Ġesù li hu mniżżel f’​Mattew 19:26: “Għal Alla kollox hu possibbli.” Rose tgħallmet li hemm iktar minn mod wieħed kif tistudja. Minħabba li l-​uġigħ tagħha kultant kien jagħmilhielha diffiċli ferm biex taqra, hi bdiet tismaʼ r-​rekordings tal-​Bibbja u tal-​letteratura tal-​Bibbja. * “Mingħajr dawn l-​għażliet,” hi tgħid, “ma nafx kif kieku kont se nżomm ir-​relazzjoni li għandi m’Alla.”

Meta Rose tħossha mdejqa fuq affarijiet li m’għadhiex tistaʼ tagħmel, hi ssib faraġ fil-​kliem imniżżel fit-​2 Korintin 8:12: “Għax jekk l-​ewwel ikun hemm ir-​rieda, din tkun speċjalment aċċettabbli skond dak li jkollu l-​individwu, mhux skond dak li ma jkollux.” Dan il-​kliem ifakkar lil Rose li Alla jieħu pjaċir b’dak li tagħmel, għax hi tagħmel kulma tistaʼ skont kemm ittiha s-​saħħa.

 NIKET MINĦABBA L-​MEWT

Delphine, li ssemmiet qabel, tiftakar: “Wara li binti mietet taʼ 18-​il sena, l-​uġigħ tant kien kbir li ma stajtx nimmaġina li stajt inkompli b’ħajti. Xejn ma kien se jibqaʼ l-​istess.” Imma hi tfarrġet bil-​kbir bil-​kliem taʼ Salm 94:19, fejn is-​salmista lil Alla qallu: “Meta l-​ħsibijiet li jinkwetawni żdiedu ġewwa fija, il-​faraġ tiegħek beda jmellisli ruħi.” Hi tgħid, “Tlabt lil Ġeħova biex jgħinni nsib affarijiet li jtaffuli l-​uġigħ li kont qed ngħaddi minnu.”

Intefgħet b’ruħha u ġisimha tagħmel xogħol volontarju taʼ siwi. Maż-​żmien, hi qabblet lilha nfisha maʼ krejon—anki bl-​imkissrin tistaʼ tpinġi. B’mod simili, għalkemm kienet tħossha mkissra, tgħallmet li kienet għadha tistaʼ tgħin lil ħaddieħor. Hi tiftakar: “F’daqqa waħda indunajt li meta kont nuża l-​prinċipji tal-​Bibbja u raġunar Skritturali biex nagħti faraġ lin-​nies li kienu jistudjaw il-​Bibbja miegħi, dan kien il-​mod kif Ġeħova kien qed iġegħelni nħossni aħjar u jfarraġni.” Hi għamlet lista taʼ karattri Bibliċi li għaddew minn żmien taʼ niket kbir. Hi rrealizzat li “kollha kemm huma kienu nies li jħobbu jitolbu.” Hi tgħallmet ukoll li “ma tistax tkampa jekk ma taqrax il-​Bibbja.”

Delphine tgħallmet xi ħaġa oħra billi studjat il-​Bibbja—li tiffoka fuq il-​futur, u mhux fuq il-​passat. It-​tama mniżżla f’​Atti 24:15 tfarraġha: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” Kemm hi ċerta li Ġeħova se jirxoxta lil bintha? Ejja nħallu lil Delphine twieġeb: “Jien ċerta li se nara lil binti fil-​futur. ‘L-​appuntament’ li jmiss diġà huwa ppjanat, bħallikieku qiegħed fuq il-​kalendarju tal-​Missier. Jien nimmaġinana flimkien fil-​ġnien tagħna u naraha ċara, daqskemm rajtha u ħabbejtha dakinhar li twieldet.”

^ par. 4 Ħafna rekordings bħal dawn huma disponibbli fuq il-​websajt jw.org.

Il-​Bibbja tistaʼ tgħinek issib il-​faraġ anki fl-​iktar żminijiet koroh