Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

1 Għajnuna biex tevita l-problemi

1 Għajnuna biex tevita l-problemi

Il-​Bibbja tgħid li l-​pariri tagħha huma ispirati u ‘jiswew biex jgħallmu, iwiddbu, u jikkoreġu.’ (2 Timotju 3:16) Huwa dan minnu? Ikkunsidra kif l-​għerf tal-​Bibbja għen lin-​nies jevitaw xi problemi diffiċli tal-​ħajja qabel ma qabbdu l-​għeruq.

XORB EĊĊESSIV

Delphine, li ssemmiet fl-​artiklu taʼ qabel, ħasset li l-​ansjetajiet tagħha kienu jġegħluha tixrob iktar u iktar. Il-​Bibbja ma tikkundannax l-​użu moderat tal-​alkoħol, imma tgħid: “Tkunx fost dawk li jixorbu ħafna nbid.” (Proverbji 23:20) Xorb eċċessiv jiġi assoċjat maʼ problemi taʼ saħħa, familji mkissrin, u mal-​fatt li kull sena miljuni taʼ nies imutu qabel iż-​żmien. Ħafna minn dawn il-​problemi jistgħu jiġu evitati jekk in-​nies jobdu l-​pariri għaqlin tal-​Bibbja.

Hekk għamlet Delphine. Illum il-​ġurnata tgħid: “Irrealizzajt li l-​alkoħol ma kienx qed ineħħili l-​ansjetà. Poġġejt fil-​prattika l-​għerf li hemm f’​Filippin 4:6, 7, li jgħid: ‘Tkunu ansjużi fuq xejn, imma . . . ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.’ Meta billejl kont inħoss li ġejjin ħafna ħsibijiet u li ħa naqbad ninkwieta, kont nitlob ħafna lil Ġeħova. Kont ngħidlu kulma kont inħoss, anki r-​rabja, l-​uġigħ taʼ qalb, u d-​dwejjaq, u kont nitolbu bil-​ħrara biex jgħinni nsib mod biex inkun iktar pożittiva. Filgħodu, kont nagħmel ċert li ma noqgħodx inberren fuq affarijiet negattivi. Id-​drawwa li nitlob lil Ġeħova biex jgħinni nkun iktar pożittiva għenitni niffoka fuq dak li kelli, iktar milli fuq dak li ma kellix. Għażilt li qatt ma nerġaʼ nixrob l-​alkoħol. Minħabba li l-​paċi li sibt kienet prezzjuża, ma stajtx nirriskja li nitlifha.”

 IMMORALITÀ SESSWALI

L-​immoralità hi waħda mill-​iktar raġunijiet għala hawn uġigħ taʼ qalb u dwejjaq. Imma l-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinuna nevitaw problemi bħal dawn billi nipprovaw nifhmu x’jistaʼ jwassal għal dan—bħal li tifflertja meta ma jkunx xieraq u li tara l-​pornografija. “Kont insibha faċli biex nifflertja,” jgħid żagħżugħ jismu Samuel. “Kultant ma kienx ikolli grazzja maʼ tfajla, imma kont nistaʼ ninduna li hi kellha grazzja miegħi—u allura kont nieħu pjaċir nifflertja.” Samuel tant kien akkużat li jħobb jifflertja—anki meta ma kinitx tkun l-​intenzjoni tiegħu—li allura ddeċieda li jifflertja apposta. Imma dan il-​vizzju kien qed iniggiżlu l-​kuxjenza tiegħu. “Dan ma kien taʼ ebda ġid,” issa jgħid, “għax il-​flerting jiżviluppa tendenzi egoistiċi.”

Samuel qara artiklu għaż-​żgħażagħ ippubblikat fuq il-​websajt jw.org. U hu mmedita dwar Proverbji 20:11, li jgħid: “Saħansitra tifel jintgħaraf minn għemilu, jekk hux pur u rett f’dak li jagħmel.” Dan kif kien t’għajnuna? Samuel irrealizza li meta kien qed jifflertja la kien pur u lanqas rett. Issa jgħid: “Tgħallimt ukoll li żagħżugħ li jifflertja jkun qed jibda jiżviluppa kwalitajiet li ma jkunux sbieħ f’raġel miżżewweġ. Bdejt naħseb dwar kif il-​mara futura tiegħi tistaʼ tħossha li kieku tarani nifflertja maʼ mara oħra. Dan ġegħelni nirrealizza li l-​vizzju jaf iweġġaʼ. Il-​fatt li hi xi ħaġa faċli biex tagħmilha ma jfissirx li għandek tagħmilha.” Samuel inbidel. Dan għenu wkoll biex ma jaqax fl-​immoralità.

Antonio kien f’periklu saħansitra ikbar li jaqaʼ fl-​immoralità: Hu ma setax joqgħod mingħajr ma jara l-​pornografija. Għalkemm kien miżżewweġ lil mara li kien vera jgħożż, waqaʼ f’dan il-​vizzju għal darba wara l-​oħra. Hu jgħid li kienet t’għajnuna kbira li jimmedita dwar l-​1 Pietru 5:8. Dan jgħid: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa. L-​avversarju tagħkom, ix-​Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” Antonio jgħid: “L-​istampi tal-​pornografija jinsabu kullimkien f’din id-​dinja, u dawn jistgħu jibqgħu stampati ġo moħħna. Dan il-​vers vera għenni biex naħseb dwar is-​sors taʼ dawn it-​tentazzjonijiet. Kelli nitgħallem li mill-​ewwel għandu jiġini f’moħħi li dawn l-​istampi tal-​pornografija ġejjin mix-​Xitan. Illum il-​ġurnata, naf li Ġeħova biss jistaʼ jgħinni ‘nibqaʼ f’sensija u nibqaʼ għassa’ ħalli ma nħallihomx jeffettwawli lil moħħi, lil qalbi, u liż-​żwieġ tiegħi.” Antonio rċieva l-​għajnuna li kellu bżonn, u fl-​aħħar irnexxielu jwarrab dan il-​vizzju ikrah. Imbagħad, dan għenu biex jevita problemi saħansitra iktar gravi.

B’mod ċar, il-​Bibbja tagħti pariri prattiċi li jistgħu jgħinuna nevitaw problemi serji. Imma xi ngħidu għal problemi li diġà qabbdu l-​għeruq u li huma diffiċli biex teħles minnhom? Ejja naraw kif il-​Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna nsolvu kwistjonijiet diffiċli bħal dawn.

Il-​gwida prattika tal-​Bibbja tistaʼ tgħinna nevitaw xi problemi