Xi problemi tal-​ħajja għandhom it-​tendenza li jibqgħu magħna, kultant anki għal snin sħaħ. Dawn għandhom mnejn iqabbdu l-​għeruq qabel ma nkunu konxji sew tagħhom. Tagħtina għerf il-​Bibbja biex insolvu problemi bħal dawn li jġibu frustrazzjoni? Ikkunsidra xi eżempji.

LI TINKWIETA ŻŻEJJED

Rosie tgħid, “Kont nibqaʼ ninkwieta dwar affarijiet li fl-​immaġinazzjoni tiegħi kienu qed jiggravaw iktar milli fir-​realtà kienu.” X’versi mill-​Bibbja kienu t’għajnuna? Wieħed minnhom hu dak taʼ Mattew 6:34: “Għalhekk, qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada, għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-​ħażen tagħha.” Il-​ġurnata tal-​lum, Rosie tgħid li dan il-​kliem taʼ Ġesù għenha tieqaf tinkwieta dwar x’jistaʼ jiġri l-​għada. Hi żżid tgħid, “Kelli biżżejjed problemi, ma kienx hemm għalfejn li ninkwieta dwar is-​sitwazzjonijiet li ma kinux ġraw u li wisq probabbli ma kinux se jiġru.”

Anki Yasmine ħasset li kienet qed taħkimha l-​ansjetà. “Kont nagħmel xi ġranet nibki matul il-​ġimgħa, u f’xi ljieli ma kontx inkun nistaʼ norqod. Kont inħoss li l-​ħsibijiet negattivi kienu qed joqtluni bil-​mod il-​mod.” Liema skrittura kienet t’għajnuna? Hi tirreferi għal dik tal-​1 Pietru 5:7: ‘Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuq Alla, għax hu jimpurtah minnkom.’ Yasmine tgħid: “Hekk kif għadda ż-​żmien, bqajt nitlob lil Ġeħova, u hu wiġibli t-​talb tiegħi. Ħassejt bħallikieku tneħħietli għoqla minn fuq l-​istonku. Kultant, il-​ħsibijiet negattivi tiegħi jerġgħu jiġu, imma issa naf x’għandi nagħmel.”

 TĦALLI GĦALL-​AĦĦAR

Żagħżugħa li jisimha Isabella tgħid: “Naħseb li wieħed jittratieni hi xi ħaġa li tintiret għax missieri hekk jagħmel ukoll. Kont inwarrab affarijiet importanti sabiex ma nagħmel xejn speċjali—kemm nirrilassa jew noqgħod nara t-​televixin. Huwa vizzju ikrah għax iżid mal-​istress, u dak li jkun jispiċċa jagħmel xogħol taʼ kafkaf.” Prinċipju li għenha hu fit-​2 Timotju 2:15, li jgħid: “Agħmel l-​almu tiegħek biex tidher quddiem Alla bħala bniedem approvat, ħaddiem li m’għandux minn xiex jistħi.” Isabella tgħid, “Ma ridtx li Ġeħova jistħi minħabba x-​xogħol li nagħmel għas-​sempliċi fatt li qgħadt inħalli għall-​aħħar.” Hi tjiebet f’dan.

B’mod simili, Kelsey tgħid: “Kien ikolli proġett u kont inħallih għall-​aħħar minuta. Kont nispiċċa nibki, ma norqodx, u noqgħod ninkwieta. Ma kienx qed jagħmilli ġid.” Kelsey sabet l-​għajnuna fi Proverbji 13:16: “Kulmin hu prudenti se jaġixxi bl-​għarfien, imma min hu stupidu se jxerred il-​bluha maʼ kullimkien.” Hi tispjega x’tgħallmet billi immeditat fuq dan: “Ikun jaqbillek li tkun prattika u li tippjana minn qabel. Issa għandi djarju li nżomm fuq id-​desk biex norganizza x-​xogħol tiegħi, u dan jgħinni norganizza ruħi, u mhux noqgħod nitnikker.”

LI TĦOSSOK WAĦDEK

“Żewġi telaqni u ħallieni b’erbat itfal żgħar,” tirrakkonta Kirsten. Liema prinċipju Skritturali għenha? Proverbji 17:17 jgħid: “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.” Kirsten fittxet l-​għajnuna minn dawk li bħalha wkoll jaqdu lil Ġeħova. X’sabet? “Ħbiebi ħadu ħsiebi b’ħafna modi! Xi wħud ħallewli xi xirja u fjuri fuq l-​għatba tal-​bieb. Xi wħud minnhom tliet darbiet għenu lili u t-​tfal biex inġorru minn dar għal oħra. Xi ħadd ieħor għenni nsib xogħol. Il-​ħbieb tiegħi dejjem sibthom hemm għalija.”

Delphine, li ssemmiet qabel, bl-​istess mod sabitha diffiċli biex tkampa mas-​solitudni. Wara dak kollu li tilfet, hi tiftakar: “Kont inħoss li ħaddieħor baqaʼ għaddej bil-​ħajja, imma jien bqajt waħdi u mdejqa.” Skrittura li għenitha kienet dik taʼ Salm 68:6: “Lil dawk mitluqin għalihom waħedhom, Alla tahom dar fejn jgħammru.” Hi tispjega: “Kont naf li l-​vers ma jfissirx biss dar f’sens letterali issa. Anzi rrealizzajt li Alla joffrilna dar spiritwali, post taʼ sigurtà vera li fih ħbieb taʼ veru u nies li tistaʼ torbot qalbek magħhom li jħobbu lil Ġeħova. Imma kont naf li ma stajtx inkun eqreb t’oħrajn jekk l-​ewwel ma nkunx eqreb taʼ Ġeħova. Allura sibt t’għajnuna Salm 37:4 li jgħid: ‘Tgħaxxaq b’Ġeħova bil-​kbir, u hu jagħtik dak li tixtieq qalbek.’”

Hi tikkonkludi: “Irrealizzajt li kelli bżonn nintrabat iktar b’mod sod maʼ Ġeħova. Hu l-​aqwa Ħabib. Imbagħad għamilt lista t’affarijiet li nieħu pjaċir nagħmel m’oħrajn. B’hekk, stajt nagħmel ħbieb maʼ nies li wkoll kienu jħobbu lil Ġeħova. Tgħallimt nara t-​tajjeb f’oħrajn u tgħallimt ma nagħtix kas id-​difetti tagħhom.”

Ovvjament, ħbieb li jaqdu lil Alla għadhom imperfetti. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jħabbtu wiċċhom mal-​problemi bħal kulħadd. Imma taħriġ mill-​Bibbja jimmotiva n-​nies biex jgħinu lil oħrajn kull meta jkun possibbli. Ikun għaqli li tagħmel ħbieb bħal dawn. Però, jistgħu l-​prinċipji tal-​Bibbja jgħinu wkoll fil-​problemi li ma jistgħux jissolvew illum, bħall-​mard kroniku u n-​niket?

Li tapplika l-​pariri tal-​Bibbja jistaʼ jgħinek issib ħbieb li jappoġġjawk