Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Tagħmel differenza jekk tifhimx sew?

Tagħmel differenza jekk tifhimx sew?

Tifla żgħira rat duħħan tielaʼ minn ċmiemen twal taʼ fabbrika u d-​duħħan kiber u donnu sar sħab oħxon. Hi kkonkludiet li l-​fabbrika kienet tagħmel is-​sħab. Żball żgħir bħal dan minn tifla jistaʼ jkun li niggustawh. Però, żball kbir jistaʼ jagħmel differenza kbira f’ħajjitna. Pereżempju, meta ma nifhmux sew l-​informazzjoni li jkun hemm mal-​mediċina nistgħu nispiċċaw ħażin.

Li ma tifhimx sew affarijiet spiritwali jistaʼ jkun saħansitra iktar serju. Pereżempju, xi nies ma fehmux sew xi affarijiet li għallem Ġesù. (Ġwanni 6:48-​68) Minflok ma tgħallmu iktar, huma rrifjutaw kulma għallem Ġesù. X’ħasra!

Taqraha l-​Bibbja biex tiggwidak? Jekk iva, huwa taʼ min ifaħħrek. Imma jistaʼ jagħti l-​każ li ma fhimtx sew xi ħaġa li tkun qrajt? Dan jiġri lil ħafna nies. Ikkunsidra tliet affarijiet li jiġu mifhumin ħażin.

  • Xi nies ma jifhmux sew il-​kmand tal-​Bibbja li jgħid: “Ibżaʼ mill-​Alla l-​veru.” Huma jassumu li jridu jkunu mkexkxin minn Alla. (Ekkleżjasti 12:13) Imma Alla ma jridx li dawk li jaqduh iħossuhom b’dan il-​mod dwaru. Hu jgħid: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament.” (Isaija 41:10) Li tibżaʼ minn Alla sempliċiment ifisser li jkollok riverenza u rispett profond lejh.

  • L-art se tinħaraq bin-​nar?

    Xi nies ma jifhmux sew dan il-​kliem ispirat: “Għal kollox hemm żmien stabbilit; . . . żmien għat-​twelid u żmien li tmut.” Huma jikkonkludu li Alla ddeċieda l-​mument eżatt meta għandu jmut kull bniedem. (Ekkleżjasti 3:1, 2) Però, din is-​silta fil-​fatt qed titkellem dwar iċ-​ċiklu tal-​ħajja u tgħid li l-​mewt hi komuni għal kulħadd. Il-​Kelma t’Alla tgħallem ukoll li d-​deċiżjonijiet li nieħdu jistgħu jeffettwaw kemm indumu ngħixu. Fil-​Bibbja naqraw: “Il-​biżaʼ taʼ Ġeħova jżid il-​jiem.” (Proverbji 10:27; Salm 90:10; Isaija 55:3) Kif jistaʼ jkun? Pereżempju, meta nirrispettaw il-​Kelma t’Alla, se nkunu mqanqlin nevitaw prattiki li mhumiex tajbin għas-​saħħa tagħna. Dawn jinkludu x-​xorb żejjed u l-​immoralità.—1 Korintin 6:9, 10.

  • Xi wħud jifhmu l-​Bibbja b’mod letterali meta tgħid li s-​sema u l-​art huma “merfugħin għan-​nar,” u jikkonkludu li Alla se jeqred din il-​pjaneta. (2 Pietru 3:7) Imma Alla jwiegħed li qatt ma se jippermetti li tinqered l-​art letterali. Alla sejjes “l-​art fuq il-​postijiet stabbiliti tagħha; din qatt u qatt ma se titħarrek.” (Salm 104:5; Isaija 45:18) Hija din id-​dinja korrotta, u mhux il-​pjaneta letterali, li se tinqered għalkollox bħallikieku bin-​nar. Rigward is-​sema, meta l-​kelma tfisser b’mod letterali, din tistaʼ jew tirreferi għas-​sema, jew għall-​univers mimli stilel, jew għall-​post fejn jgħix Alla. Ebda wieħed minn dawn mhu se jinqered.

IL-​BIBBJA GĦALA KULTANT MA TIĠIX MIFHUMA SEW?

Bħalma naraw minn dawn l-​eżempji, in-​nies spiss ma jifhmux sew siltiet li jaqraw mill-​Bibbja. Imma Alla għala jippermetti li jiġri dan? Xi wħud forsi jirraġunaw: ‘La Alla hu tant għaref u jaf kollox, allura missu pprovdielna ktieb miktub ċar sabiex kulħadd jifhmu b’mod faċli. Għala m’għamilx hekk?’ Ikkunsidra tliet raġunijiet għala l-​Bibbja spiss tiġi mifhuma ħażin.

  1. Il-​Bibbja hi magħmula biex tinftiehem minn dawk li huma umli u lesti biex jitgħallmu. Ġesù lil Missieru qallu: “Jien infaħħrek  quddiem kulħadd, Missier, Mulej tas-​sema u l-​art, għax int ħbejt sew dawn l-​affarijiet mill-​għorrief u l-​intellettwali, u kxifthom liċ-​ċkejknin.” (Luqa 10:21) Il-​Bibbja hi miktuba b’tali mod li dawk li għandhom attitudni tajba jkunu jistgħu jifhmu l-​messaġġ tagħha. Nies kburin—bħalma ħafna drabi jkunu ‘l-​għorrief u l-​intellettwali’—għandhom it-​tendenza li ma jifhmux sew il-​Bibbja. Imma n-​nies li jaqraw il-​Bibbja bħaċ-​“ċkejknin”—b’mod umli u ħerqan biex jitgħallmu—huma mberkin b’fehma aħjar tal-​messaġġ t’Alla. Alla għamel il-​Bibbja b’mod tal-​għaġeb!

  2. Il-​Bibbja hi indirizzata lil nies li verament iridu l-​għajnuna t’Alla biex jifhmuha. Ġesù wera li n-​nies kien se jkollhom bżonn l-​għajnuna biex jifhmu sew dak li għallem. Kif kienu se jirċivuha? Ġesù spjega: “L-​ajjutant, l-​ispirtu qaddis, li l-​Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox.” (Ġwanni 14:26) B’hekk, Alla jagħti l-​ispirtu qaddis tiegħu—il-​forza attiva u qawwija tiegħu—biex jgħin lin-​nies jifhmu dak li jkunu qed jaqraw mill-​Bibbja. Però, Alla ma jagħtix l-​ispirtu tiegħu lil dawk li ma jistriħux fuqu biex jgħinhom, allura l-​Bibbja spiss ma tidhirx ċara għalihom. Barra minn hekk, l-​ispirtu qaddis iqanqal lil Kristjani li għandhom iktar għarfien biex jgħinu lil dawk li qed ifittxu fehma aħjar.—Atti 8:26-​35.

  3. Xi siltiet mill-​Bibbja jistgħu jinftiehmu mill-​bniedem fi żmien partikulari fl-​istorja. Pereżempju, il-​profeta Danjel intqallu biex jikteb messaġġ għall-​futur. Anġlu qallu: “Danjel, agħlaq il-​kliem u ssiġilla l-​ktieb, sa żmien it-​tmiem.” Matul is-​sekli, ħafna nies qraw il-​ktieb Bibliku taʼ Danjel imma ma setgħux jifhmuh sew. Fil-​fatt, lanqas Danjel innifsu ma fehem kulma kiteb. B’umiltà ammetta: “Smajt, imma ma stajtx nifhem.” Maż-​żmien, in-​nies kienu se jifhmuha sew il-​profezija t’Alla miktuba minn Danjel, imma biss fiż-​żmien speċifiku li Alla għażel biex tiġi mifhuma. L-​anġlu spjega: “Mur, Danjel, għaliex il-​kliem ngħalaq u ġie siġillat sa żmien it-​tmiem.” Min se jifhem il-​messaġġi t’Alla? “Assolutament ebda wieħed mill-​ħżiena ma jifhem; imma dawk li għandhom id-​dehen jifhmu.” (Danjel 12:4, 8-​10) Allura Alla jirrivela t-​tifsir taʼ ċerti siltiet mill-​Bibbja meta jasal il-​waqt eżatt.

Ġieli x-​Xhieda taʼ Ġeħova fehmu ħażin il-​Bibbja għax ma kienx iż-​żmien li jifhmu? Iva. Imma meta wasal iż-​żmien biex jiċċaraw l-​affarijiet, ix-​Xhieda kienu lesti li jaġġustaw il-​fehma tagħhom. Huma jemmnu li b’hekk ikunu qed jimitaw l-​appostli taʼ Kristu, li b’umiltà aġġustaw il-​ħsieb tagħhom kull meta Ġesù kkoreġiehom.—Atti 1:6, 7.

L-​immaġinazzjoni taʼ tifla żgħira dwar minn fejn jiġi s-​sħab għandu mnejn ikun sempliċiment żball żgħir. Madankollu, dak li l-​Bibbja tgħallem hu taʼ importanza kbira għalik. Il-​messaġġ tal-​Bibbja hu importanti ferm. Ħadd ma jistaʼ jifhem il-​Bibbja billi sempliċiment jaqraha waħdu. Allura fittex l-​għajnuna biex tifhem dak li tkun qed taqra. Fittex lil dawk li b’mod umli qed jistudjaw il-​Bibbja, nies li jistrieħu fuq l-​ispirtu qaddis biex jifhmu l-​Bibbja, u nies li huma konvinti li qed ngħixu fi żmien fejn Alla jridna nifhmu l-​Bibbja bħal qatt qabel. Iżżommx lura milli titkellem max-​Xhieda taʼ Ġeħova jew milli taqra r-​riċerka li għamlu bir-​reqqa u li tinsab fuq il-​websajt jw.org/mt. Il-​Bibbja twiegħed: “Jekk issejjaħ biex ikollok l-​abbiltà li tifhem . . .  issib l-​għarfien t’Alla.”—Proverbji 2:3-​5.