Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

L-ipokresija—Tgħid għad tispiċċa?

L-ipokresija—Tgħid għad tispiċċa?

PANAYIOTA trabbiet fuq gżira fil-​Mediterran. Meta kienet żagħżugħa, interessat ruħha ħafna fil-​politika. Iżjed tard saret is-​segretarja taʼ partit politiku fir-​raħal fejn kienet toqgħod. Saħansitra marret minn dar għal dar biex tiġbor il-​flus għall-​partit. Madankollu, maż-​żmien, Panayiota ddiżappuntat ruħha. Kien hemm ħafna nepotiżmu, ambizzjoni, nuqqas taʼ qbil, u għira minkejja li l-​membri tal-​partit kienu jsejħu lil xulxin ħbieb.

Daniel trabba f’familja reliġjuża ħafna fl-​Irlanda. Imma, b’dispjaċir, għandu memorji ċari tal-​ipokresija tal-​qassisin li kienu jixorbu ħafna, jilagħbu l-​flus, u jisirqu mis-​sassla, u fl-​istess ħin jippritkawlu dwar li se jinħaraq fl-​infern jekk jidneb.

Jeffery qattaʼ ħafna snin jaħdem f’reklamar u bejgħ għal nies fir-​Renju Unit u l-​Istati Uniti li għandhom vapuri madwar id-​dinja. Hu jiftakar ħafna drabi meta klijenti u kompetituri kienu jirrikorru għall-​frodi huma u jinnegozjaw maʼ uffiċjali governattivi. B’ipokresija, kienu lesti jgħidu kważi kollox biex jieħdu kuntratt.

B’dispjaċir, dawn mhumiex każijiet rari. Illum il-​ġurnata l-​ipokresija hi komuni ħafna fi kważi kull qasam t’attività tal-​bniedem—politiku, reliġjuż, u kummerċjali. Il-​kelma “ipokrita” ġejja minn għerq bil-​Grieg li jirreferi għal kelliem jew attur tal-​palk, li spiss ikun liebes maskra. Maż-​żmien, il-​kelma saret tirreferi għal kull min jaġixxi b’tali mod li jqarraq b’ħaddieħor jew jippromwovi xi miri egoistiċi.

L-​ipokresija tistaʼ tqajjem emozzjonijiet qawwijin f’dawk effettwati minnha, inkluż l-​imrar, ir-​rabja, u r-​riżentiment. Frustrati, il-​vittmi għandhom mnejn jgħidu: “L-​ipokresija! Tgħid għad tispiċċa?” Il-​Kelma t’Alla tagħtina raġunijiet biex nemmnu li se tispiċċa.

KIF ALLA U IBNU JQISU L-​IPOKRESIJA

Skont il-​Bibbja, l-​ipokresija ma nbdietx fost il-​bnedmin, imma nbdiet minn ħliqa spirtu li ma jidhirx. Kmieni fl-​istorja tal-​bnedmin, Satana x-​Xitan uża serp bħala maskra u għamilha taʼ wieħed li jixtieq il-​ġid lil ħaddieħor sabiex iqarraq bl-​ewwel mara, Eva. (Ġenesi 3:1-​5) Minn dakinhar, ħafna bnedmin bl-​istess mod għamluha tabirruħhom li huma xi ħadd li mhumiex, u għamlu dan biex iqarrqu b’ħaddieħor u biex jiksbu miri egoistiċi.

Meta l-​poplu tal-​Iżrael tal-​qedem waqaʼ fin-​nassa tal-​qima falza u l-​ipokresija spiritwali, Alla  wissiehom ripetutament dwar il-​konsegwenzi. Permezz tal-​profeta Isaija, Alla Ġeħova ddikjara: “Dan il-​poplu resaq qrib b’fommu, u gglorifikani biss b’xofftejh, u biegħed qalbu minni.” (Isaija 29:13) Meta l-​poplu naqas li jindem, Alla ħalla popli b’saħħithom oħra jeqirdu ċ-​ċentru taʼ qima tal-​Iżrael—Ġerusalemm u t-​tempju tagħha—l-​ewwel mill-​Babiloniżi, fis-​sena 607 QK, u iżjed tard mir-​Rumani, fis-​sena 70 WK. Jidher ċar li Alla ma jittollerax l-​ipokresija għal dejjem.

Mill-​banda l-​oħra, Alla u Ibnu, Ġesù, japprezzaw ħafna lill-​bnedmin li huma onesti u sinċieri. Pereżempju, meta Ġesù beda l-​ministeru tiegħu, avviċinah raġel jismu Natanjel. Malli rah, Ġesù qal: “Ara, Israeli fil-​veru sens tal-​kelma, li fih m’hemm ebda qerq.” (Ġwanni 1:47) Natanjel, magħruf ukoll bħala Bartilmew, sar wieħed mit-​12-​il appostlu taʼ Ġesù.—Luqa 6:13-​16.

Ġesù qattaʼ l-​ħin mas-​segwaċi tiegħu u għallimhom kif jaħseb Alla. L-​ipokresija ma kellu jkollha l-​ebda post fosthom. Bħala twissija, Ġesù bis-​saħħa kkundanna l-​prattiki ipokriti tal-​mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-​żmien. Ara x’kienu jagħmlu:

Kienu jagħmlu “s-​sewwa” bl-​iffanfrar. Ġesù qal lis-​semmiegħa tiegħu: “Oqogħdu attenti li s-​sewwa li tagħmlu ma tagħmluhx għal għajn in-​nies, biex tidhru . . . bħalma jagħmlu l-​ipokriti.” Qalilhom ukoll biex jagħtu għotjiet taʼ ħniena “fil-​moħbi,” jew b’mod diskret. Kellhom jitolbu fil-​privat, mhux biex jidhru. Imbagħad il-​qima tagħhom kienet tkun ġenwina u apprezzata minn Missieru.—Mattew 6:1-​6.

Kienu pronti biex jikkritikaw. Ġesù qal: “Ipokrita! L-​ewwel neħħi t-​travu minn għajnek, u mbagħad tara ċar kif tneħħi t-​tibna minn għajn ħuk.” (Mattew 7:5) Billi wieħed jiġbed l-​attenzjoni għan-​nuqqasijiet taʼ ħaddieħor filwaqt li għandu nuqqasijiet ikbar hu stess, jagħmel lilu nnifsu jidher li hu xi ħaġa li mhuwiex. Għax, fir-​realtà, ‘kollha nidinbu u nonqsu milli nilħqu l-​glorja t’Alla.’—Rumani 3:23.

Kellhom motivi ħżiena f’qalbhom. Darba, id-​dixxipli tal-​Fariżej u l-​partitarji taʼ Erodi staqsew lil Ġesù mistoqsija dwar it-​taxxa. Użaw kliem melliesi u qalu lil Ġesù: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid il-​verità u tgħallem it-​triq t’Alla fil-​verità.” Imbagħad ipprovaw jonsbuh billi staqsewh: “Huwa skond il-​liġi li tħallas it-​taxxa fuq kull ras lil Ċesari jew le?” Ġesù wieġeb: “Għala tipprovawni, ipokriti?” Ġesù kellu raġun isejħilhom ipokriti għax mhux veru riedu tweġiba għall-​mistoqsija tagħhom imma kienu qed jipprovaw “jonsbuh fi kliemu.”—Mattew 22:15-​22.

Il-​verità u l-​onestà ffjorixxiet meta bdiet il-​kongregazzjoni Kristjana f’Pentekoste tas-​sena 33 WK. Il-​Kristjani veri ħadmu iebes biex jeqirdu tendenzi ipokriti mill-​personalità tagħhom. Pereżempju, Pietru, wieħed mit-​12-​il appostlu, ħeġġeġ lill-​Kristjani sħabu biex ikollhom “ubbidjenza . . . lejn il-​verità, u b’hekk . . . affezzjoni lejn l-​aħwa mingħajr ipokrisija.” (1 Pietru 1:22) L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu biex ikollhom “l-​imħabba li tiġi minn qalb nadifa u minn kuxjenza tajba u minn fidi mingħajr ipokrisija.”—1 Timotju 1:5.

IL-​QAWWA TAL-​KELMA T’ALLA

It-​tagħlim taʼ Ġesù u l-​appostli, kif misjub fil-​Bibbja, hu qawwi llum daqskemm kien fl-​ewwel seklu. Dwar dan, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed tant li tifred ir-​ruħ u l-​ispirtu, u l-​ġogi u l-​mudullun tagħhom, u tistaʼ tagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb.” (Ebrej 4:12) Ħafna saru jafu t-​tagħlim tal-​Bibbja u pprovaw jgħixu fi qbil miegħu, u dan għenhom ma jibqgħux ikunu ipokriti u jkunu sinċieri u  onesti. Ikkunsidra l-​esperjenzi tat-​tliet individwi msemmijin fil-​bidu.

“Rajt imħabba vera u interess ġenwin murijin lejn ħaddieħor.”—PANAYIOTA

Panayiota esperjenzat bidla f’ħajjitha meta aċċettat stedina biex tattendi l-​laqgħat f’Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ma rat lil ħadd jipprova jimpressjona lil ħaddieħor b’xi atti taʼ tjieba mhux ġenwini. Hi tgħid: “Hemmhekk rajt imħabba vera u interess ġenwin murijin lejn ħaddieħor, xi ħaġa li ma kontx rajt f’dawk is-​snin kollha meta kont attiva fil-​politika.”

Panayiota bdiet tistudja l-​Bibbja u għamlet progress sal-​punt li tgħammdet. Dan kien 30 sena ilu. Issa tgħid: “Meta bdejt nipprietka dwar is-​Saltna t’Alla—l-​uniku mod li jistaʼ jkollna dinja ġusta—sibt skop veru fil-​ħajja, u mhux meta kont qed immur minn dar għal dar għall-​partit politiku.”

“Ma stajtx inkompli sejjer u fl-istess ħin inħalli lil sħabi l-Kristjani jaħsbu li jien xi ħaġa li m’iniex.”—DANIEL

Daniel għamel progress tajjeb fil-​kongregazzjoni Kristjana u kien ingħata ċerti responsabbiltajiet. Ftit snin wara, għamel żball u l-​kuxjenza bdiet tniggżu. “Meta ftakart fl-​ipokresija li kont rajt fil-​knisja snin qabel,” qal hu, “ħassejt li ma kelli l-​ebda alternattiva ħlief li nċedi l-​privileġġi li kelli. Ma stajtx inkompli sejjer u fl-​istess ħin inħalli lil sħabi l-​Kristjani jaħsbu li jien xi ħaġa li m’iniex.”

B’ferħ, wara xi żmien, Daniel inbidel u ħass li setaʼ jerġaʼ jaċċetta l-​privileġġi b’kuxjenza nadifa, u bil-​ferħ reġaʼ aċċetta xi responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni. Din l-​onestà hi tipika taʼ dawk li jaqdu lil Alla bla ipokresija. Huma jitgħallmu ‘jneħħu t-​travu’ minn għajnhom stess qabel ma joffru li ‘jneħħu t-​tibna’ minn għajn ħuhom.

“Ma stajtx nibqaʼ nkun il-bejjiegħ makakk li kont, jaħtaf il-kliem. . . . Il-kuxjenza tiegħi ġiet effettwata.”—JEFFERY

Jeffery, li qattaʼ ħajtu fid-​dinja tan-​negozju, qal: “Meta bdejt nikseb iżjed għarfien dwar il-​Bibbja, irrealizzajt li ma stajtx nibqaʼ nkun il-​bejjiegħ makakk li kont, jaħtaf il-​kliem, u preparat jgħid minn kollox biex jieħu kuntratt. Il-​kuxjenza tiegħi ġiet effettwata minn versi Bibliċi bħal Proverbji 11:1, li jgħidilna li ‘Miżien qarrieq hu xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.’” Iva, għall-​kuntrarju taʼ dawk li għamlu l-​mistoqsija tat-​taxxa lil Ġesù, Jeffery tgħallem jaġixxi mingħajr ma jkollu motivi moħbijin meta jittratta maʼ ħutu Kristjani u dawk li mhumiex.

Il-​miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja qed jagħmlu ħilithom biex japplikaw dak li tgħallmu mill-​Bibbja. Qed jagħmlu sforz bla waqfien biex ‘jilbsu l-​personalità l-​ġdida li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla fil-​ġustizzja u l-​lealtà vera.’ (Efesin 4:24) Inħeġġuk issir taf min huma x-​Xhieda taʼ Ġeħova, x’jemmnu, u kif jistgħu jgħinuk titgħallem dwar id-​dinja l-​ġdida li jwiegħed Alla. Hemmhekk, se “tgħammar il-​ġustizzja” u l-​ipokresija ma tkunx iżjed.—2 Pietru 3:13.

Il-​Kristjani veri jipprattikaw “imħabba li tiġi minn qalb nadifa u minn kuxjenza tajba u minn fidi mingħajr ipokrisija.”—1 TIMOTJU 1:5