Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 Għerf Mill-​qedem Għal Dinja Moderna

Tkunx ansjuż

Tkunx ansjuż

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom.”—Mattew 6:25.

Xi jfisser dan? Ġesù qal dan il-​kliem fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja. Skont dizzjunarju tal-​Bibbja, il-​verb Grieg għal “li tkun ansjuż” jistaʼ jirreferi għar-​“reazzjoni naturali tal-​bniedem għall-​faqar, il-​ġuħ, u inkwiet ieħor li jiġu fuqu fil-​ħajja taʼ kuljum.” L-​ansjetà spiss tinvolvi li wieħed jinkwieta dwar affarijiet li jistgħu jiġru fil-​futur. Hu normali u tajjeb li nkunu kkonċernati dwar il-​bżonnijiet materjali tagħna u l-​benesseri tal-​maħbubin tagħna. (Filippin 2:20) Imma meta Ġesù qal, “qatt tkunu ansjużi,” kien qed jagħti parir lis-​segwaċi tiegħu biex jevitaw l-​inkwiet żejjed—biżaʼ eċċessiva dwar l-​għada li tistaʼ tiħodlok il-​ferħ tal-​lum.—Mattew 6:31, 34.

Huwa prattiku llum? Ikun għaqli jekk napplikaw il-​parir taʼ Ġesù. Għala? Xi xogħlijiet taʼ referenza jgħidu li meta n-​nies jinkwetaw ħafna, is-​sistema tal-​ġisem li tipprepara lil dak li jkun biex jieħu azzjoni immedjata tkun dejjem attiva u dan “hu assoċjat maʼ problemi mediċi inkluż ulċeri, mard tal-​qalb, u ażma.”

Ġesù ta raġuni tajba għala għandna nevitaw ansjetà bla bżonn: Ma fihiex skop. “Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit?” staqsa Ġesù. (Mattew 6:27) Meta tiffoka fuq l-​inkwiet li jkollok, lanqas biss iżżid it-​tul taʼ ħajtek b’sekonda, aħseb u ara kemm se ttejjibha. Barra minn hekk, spiss ma jiġrix kif inkunu ħsibna aħna. Wieħed studjuż qal hekk: “Inkwiet dwar il-​futur hu sforz fil-​vojt, u spiss il-​futur ikun aħjar milli nimmaġinawh.”

Kif nistgħu nevitaw l-​ansjetà? L-​ewwel, afda f’Alla. Jekk Alla jipprovdi l-​ikel għall-​għasafar u jlibbes il-​fjuri bil-​ġmiel, ma jipprovdix in-​neċessitajiet tal-​ħajja lil dawk li jpoġġu l-​ewwel f’ħajjithom il-​qima lejh? (Mattew 6:25, 26, 28-​30) It-​tieni, għix ġurnata b’ġurnata. ‘Qatt tkun ansjuż dwar l-​għada,’ qal Ġesù, “għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu.” Ma taqbilx int li ‘kull ġurnata jkollha l-​ħażen tagħha’?—Mattew 6:34.

Billi napplikaw il-​parir għaqli taʼ Ġesù, nistgħu nevitaw li nagħmlu ħsara fiżika lilna nfusna. Iżjed minn hekk, se nsibu paċi ġewwinija—dik li l-​Bibbja ssejħilha “l-​paċi t’Alla.”—Filippin 4:6, 7.