Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kont taf?

Kont taf?

Veru li marru Lhud “minn kull ġens taħt is-​sema” lejn Ġerusalemm f’Pentekoste tas-​sena 33 WK?

Triq iffollata f’Ġerusalemm f’Pentekoste, 33 wk

 

Minbarra r-​rakkont Bibliku f’​Atti 2:5-​11, il-​kittieb Lhudi Filo, li għex dak iż-​żmien, ħalla rakkont li jiddeskrivi l-​folla nies li marret Ġerusalemm f’Pentekoste tas-​sena 33 WK.

Dwar dawk li vvjaġġaw lejn Ġerusalemm, Filo kiteb: “Nies bla għadd jiġu minn bliet bla għadd, uħud bil-​mixi, oħrajn bil-​baħar, mil-​Lvant u l-​Punent u t-​Tramuntana u n-​Nofsinhar, f’kull festa.” Hu kkwota minn ittra li bagħat Agrippa I, in-​neputi taʼ Erodi l-​Kbir, lill-​Imperatur Ruman Kaligula. Fiha, dwar Ġerusalemm, Agrippa qal: “Il-​Belt Qaddisa . . . hi l-​kapitali mhux tal-​pajjiż tal-​Lhudija biss imma tal-​maġġoranza tal-​pajjiżi l-​oħra wkoll, minħabba l-​kolonji li minn żmien għal żmien ħarġu minnha lejn il-​pajjiżi tal-​madwar.”

Agrippa għamel lista taʼ nħawi li fihom kienu ġew stabbiliti kolonji Lhudin, inkluż postijiet ’il bogħod fil-​Mesopotamja, l-​Afrika taʼ Fuq, l-​Asja Minuri, il-​Greċja, u gżejjer fil-​Mediterran. “Għalkemm din il-​lista ma ssemmi l-​ebda vjaġġ partikulari lejn Ġerusalemm,” jgħid l-​istudjuż Joachim Jeremias, “bilfors li ġara hekk, ladarba kien obbligu għal-​Lhud adulti li jagħmlu pellegrinaġġ għal hemm.”—Dewteronomju 16:16.

Fejn sabu joqogħdu l-eluf li marru għall-festi Lhudin f’Ġerusalemm?

Fdal ta’ banju għar-ritwali misjub f’Ġerusalemm

F’Ġerusalemm kienu jsiru tliet festi kull sena​—il-Qbiż, Pentekoste, u l-Festa tal-Għerejjex. Fl-ewwel seklu, mijiet ta’ eluf ta’ nies marru Ġerusalemm għal okkażjonijiet bħal dawn minn madwar l-Iżrael kollu u minn kull pajjiż ieħor fejn kienu jgħixu l-Lhud. (Luqa 2:​41, 42; Atti 2:​1, 5-11) Dawn il-pellegrini kollha kellhom isibu xi mkien fejn joqogħdu.

Xi wħud kienu jorqdu mal-ħbieb; oħrajn f’xi lukanda. Ħafna raqdu f’kamp ġewwa jew barra l-belt. L-aħħar darba li mar Ġerusalemm, Ġesù qagħad fil-belt ta’ Betanja fil-qrib.​—Mattew 21:17.

Ammont ta’ strutturi li fihom ħafna banjijiet instabu qrib it-tempju. Hu maħsub li dawn il-binjiet kienu lukandi fejn il-pellegrini setgħu joqogħdu u jinħaslu qabel ma jidħlu fit-tempju. Kitba f’waħda minn dawn il-binjiet tindika li Teodotu, qassis u mexxej tas-sinagoga lokali, “bena s-sinagoga biex tinqara t-Tora u . . . wkoll, il-lukanda u l-kmamar, u s-sistema tal-ilma għall-akkomodazzjoni ta’ stranġieri li kienu fil-bżonn.”