Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | GĦALA GĦANDEK TKUN ONEST?

Għala jaqbillek tkun onest

Għala jaqbillek tkun onest

“Aħna fiduċjużi li għandna kuxjenza onesta, peress li nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.

Fil-​Bibbja, il-​kelma oriġinali bil-​Grieg li kultant tiġi tradotta “onestà” tfisser letteralment “xi ħaġa li hi fundamentalment tajba.” Tistaʼ wkoll ikollha t-​tifsira taʼ xi ħaġa sabiħa f’sens morali.

Il-​Kristjani jieħdu bis-​serjetà l-​kliem ispirat tal-​appostlu Pawlu: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.” Dan x’jinvolvi?

IL-​ĠLIEDA ĠEWWINIJA

Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies iħarsu lejhom infushom fil-​mera kull filgħodu qabel ma joħorġu. Għala? Għax iridu jidhru l-​aħjar li jistgħu. Imma hemm xi ħaġa ħafna iżjed importanti milli jkollhom qatgħa xagħar pulita jew ħwejjeġ tal-​moda. Tabilħaqq, il-​persuna li aħna minn ġewwa tistaʼ jew issebbaħ jew tkerrah kif nidhru minn barra.

Il-​Kelma t’Alla tistqarr bil-​miftuħ li aħna inklinati nagħmlu dak li hu ħażin. “L-​inklinazzjoni taʼ qalb il-​bniedem hi ħażina sa minn żgħożitu,” jgħid Ġenesi 8:21. Mela, biex inkunu onesti, irridu niġġieldu kontra t-​tendenzi midinbin li twelidna bihom. L-​appostlu Pawlu ddeskriva fid-​dettall il-​ġlieda tiegħu kontra d-​dnub meta qal: “Jien tassew nitgħaxxaq bil-​liġi t’Alla skond il-​bniedem li jien minn ġewwa, imma fil-​membri taʼ ġismi nara liġi oħra tiġġieled kontra l-​liġi taʼ moħħi u tjassarni għal-​liġi tad-​dnub li hemm fil-​membri taʼ ġismi.”—Rumani 7:22, 23.

Pereżempju, meta qalbna tħeġġiġna nagħmlu dak li hu ħażin u jkollna inklinazzjoni qawwija biex inkunu diżonesti, mhux bilfors naġixxu fuq dak li tgħidilna qalbna. Xorta għandna għażla fil-​kwistjoni. Meta nagħżlu li nirrifjutaw ħsieb ħażin, nistgħu nibqgħu onesti minkejja d-​diżonestà taʼ madwarna.

KIF TIRBAĦ IL-​BATTALJA

Sabiex inkunu onesti, għandna bżonn prinċipji morali b’saħħithom. Però, b’dispjaċir, ħafna nies iqattgħu iżjed ħin jaħsbu fuq il-​ħwejjeġ li jilbsu milli jaħsbu fuq kif jgħixu ħajjithom. B’hekk, jiġġustifikaw l-​ammont taʼ diżonestà li jużaw biex tkun taʼ vantaġġ għas-​sitwazzjoni tagħhom. Il-​ktieb The (Honest) Truth About Dishonesty jaraha hekk: “Bażikament, niċċijtjaw sal-​livell li jippermettilna nżommu l-​opinjoni li għandna dwarna nfusna taʼ kemm aħna individwi onesti.” Madankollu, hemm xi livell li tistaʼ toqgħod fuqu li jgħinna niddeċiedu għalina nfusna sa liema punt—jekk hemm—nistgħu nkunu diżonesti? Iva, hemm.

Miljuni taʼ nies madwar id-​dinja sabu li l-​Bibbja tgħid ċar u tond x’inhu onest u x’inhu diżonest. Il-​Bibbja għandha kodiċi morali li m’hemm xejn li jistaʼ jitqabbel magħha. (Salm 19:7) Tagħti gwida li tistaʼ toqgħod fuqha dwar affarijiet bħall-​ħajja tal-​familja, l-​impjieg, il-​moralità, u l-​ispiritwalità.  Fuq medda taʼ żmien tat prova li tistaʼ toqgħod fuqha. Il-​liġijiet u l-​prinċipji tagħha jgħoddu għall-​popli, razez, u tribujiet kollha. Billi naqraw il-​Bibbja, nimmeditaw dwar dak li tgħid, u napplikaw il-​pariri tagħha, nistgħu nħarrġu lil qalbna tkun onesta.

Xorta waħda, mhux biżżejjed li sempliċement ikollna għarfien eżatt dwar il-​Bibbja biex nirbħu l-​battalja kontra d-​diżonestà. Wara kollox, ngħixu f’dinja mħassra moralment li tagħmel pressjoni fuqna biex naċċettaw il-​livelli korrotti tagħha. Hu għalhekk li għandna nitolbu lil Alla għall-​għajnuna u l-​appoġġ tiegħu. (Filippin 4:6, 7, 13) Billi nagħmlu dan, jistaʼ jkollna l-​kuraġġ nagħmlu dak li hu tajjeb u nkunu onesti f’kollox.

L-​ONESTÀ TAĦDEM FAVURIK

Hitoshi, li ġie kkwotat fl-​ewwel artiklu, iggwadanja milli jkun magħruf bħala ħaddiem onest. Hu issa jaħdem għal kumpanija li tapprezza l-​onestà tiegħu. “Jien grat,” jgħid Hitoshi, “li rnexxieli nsib xogħol li jippermettili jkolli kuxjenza nadifa.”

Oħrajn sabu li dan kien jgħodd għalihom ukoll. Ikkunsidra xi eżempji taʼ wħud li bbenefikaw għax jgħixu fi qbil mal-​prinċipju Bibliku li “nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.”

  • Kuxjenza nadifa

    “Tlaqt mill-​iskola fl-​età taʼ 13-​il sena biex naħdem mal-​ħallelin. B’hekk, 95 fil-​mija tad-​dħul tiegħi kien jiġi minn attività diżonesta. Iżjed tard iżżewwiġt u jien u żewġi bdejna nistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Tgħallimna li Alla Ġeħova * jobgħod prattiki diżonesti, għalhekk iddeċidejna li nbiddlu ħajjitna. Fl-​1990 iddedikajna ħajjitna lil Ġeħova u tgħammidna bħala Xhieda taʼ Ġeħova.—Proverbji 6:16-​19.

    “Fil-​passat, dari kienet mimlija b’affarijiet misruqin, imma issa ma fiha xejn misruq, u għalhekk għandi kuxjenza nadifa. Meta naħseb fis-​snin li għext fid-​diżonestà, jien grata lejn Ġeħova għall-​ħniena kbira tiegħu. Hu tant sodisfaċenti li mmur norqod kull filgħaxija għax naf li issa Ġeħova hu ferħan bija.”—Cheryl, l-​Irlanda.

    “Meta l-​imgħallem tiegħi sar jaf li kont irrifjutajt it-​tixħim mingħand xi ħadd li ried jibda jinnegozja magħna, qalli: ‘Alla tiegħek jagħmlek bniedem li tistaʼ tafdah! Hi verament barka li taħdem magħna.’ Minħabba li nkun onest f’kollox, għandi kuxjenza nadifa quddiem Alla Ġeħova. Dan jippermettili wkoll ngħin lill-​familja tiegħi u oħrajn jagħmlu bħali.”—Sonny, Ħong Kong.

  • Paċi tal-​moħħ

    “Jien naħdem bħala assistent taʼ maniġer f’bank internazzjonali. F’din il-​linja, li ssir għani hu iżjed importanti milli tkun onest. Il-​ħarsa ġeneralment hi, ‘X’hemm ħażin billi tkun ftit diżonest jekk tiġġenera l-​flus u tgħin lill-​ekonomija?’ Imma billi nkun onest għandi l-​paċi tal-​moħħ. Jien iddeterminat li nibqaʼ onest u naċċetta kwalunkwe konsegwenzi li jistgħu jiġu. Taʼ fuqi jafu li m’iniex se nigdeb lilhom jew għalihom.”—Tom, l-​Istati Uniti.

  • Dinjità

    “Fuq ix-​xogħol, is-​supervisor kien ħeġġiġni nigdeb dwar xi proviżjonijiet li ma setgħux jinstabu fuq ix-​xogħol, imma jien irrifjutajt. Meta fl-​aħħar instab min kien seraqhom, l-​imgħallem irringrazzjani talli kont onesta. Jitlob kuraġġ li tkun onest f’dinja diżonesta. Imma fl-​aħħar mill-​aħħar, nistgħu niksbu l-​fiduċja u r-​rispett t’oħrajn.”—Kaori, il-​Ġappun.

Kuxjenza nadifa, paċi tal-​moħħ, u dinjità—affarijiet bħal dawn juru li veru hemm il-​benefiċċji f’li tkun onest. Ma taqbilx?

^ par. 18 Ġeħova hu l-​isem t’Alla kif jidher fil-​Bibbja.