Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | GĦALA GĦANDEK TKUN ONEST?

Hi antikwata l-onestà?

Hi antikwata l-onestà?

Hitoshi kien jaħdem fl-​uffiċċju tal-​accounts taʼ aġenzija tal-​impjiegi fil-​Ġappun. Waqt li kien qed jirrivedi kont finanzjarju maʼ taʼ fuqu, lil Hitoshi ntqallu li kien mistenni minnu li jipproduċi rapport falsifikat. Hitoshi spjega li l-​kuxjenza tiegħu ma kinitx se tħallih jagħmel xogħol diżonest. B’hekk, is-​superjur taʼ Hitoshi heddu li se jkeċċih, u fl-​aħħar mill-​aħħar tilef l-​impjieg tiegħu.

Fix-​xhur taʼ wara, Hitoshi sewwed qalbu minħabba li ma setax isib impjieg. Pereżempju, waqt intervista għax-​xogħol, Hitoshi semma li ma setax jagħmel xogħol diżonest. Dak li kien qed jintervistah wieġbu, “Kemm taħseb stramb!” Il-​familja u l-​ħbieb taʼ Hitoshi ħeġġewh biex iżomm mad-​deċiżjoni tiegħu li jkun onest, imma bdew jiġuh id-​dubji. Pereżempju, qal, “Bdejt niddubita kinitx idea tajba li nkun onest dwar it-​twemmin tiegħi.”

L-​esperjenza taʼ Hitoshi tfakkarna li mhux kulħadd japprezza l-​onestà. Infatti, hemm min iqisha bħala żvantaġġ, speċjalment fil-​qasam tan-​negozju. “Jien imdawra b’nies diżonesti,” qalet impjegata fl-​Afrika t’Isfel, “u kultant il-​pressjoni biex issir bħalhom tkun kbira ħafna.”

Illum il-​gideb hu forma taʼ diżonestà li hi mifruxa maʼ kullimkien. Xi snin ilu, studju minn Robert S. Feldman, psikologu fil-​University of Massachusetts Amherst, sab li 60 fil-​mija tal-​adulti jigdbu mill-​inqas darba f’konversazzjoni taʼ 10 minuti. “Kien riżultat sorprendenti,” jgħid Feldman. “Ma konniex qed nistennew li l-​gideb ikun parti tant komuni fil-​ħajja taʼ kuljum.” Mhijiex ħaġa stramba li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies jobogħdu li ħaddieħor jigdbilhom filwaqt li ftit huma l-​prattiki li huma iżjed komuni mill-​gideb?

Il-​gideb, is-​serq, u forom oħra taʼ diżonestà għala huma tant komuni llum? Id-​diżonestà kif teffettwa lin-​nies inġenerali? U iżjed importanti, kif nistgħu nevitaw li ninvolvu ruħna f’dawn il-​prattiki diżonesti?