Fil-Bibbja nsibu diversi viżjonijiet affaxxinanti li jippermettulna, bħallikieku, nagħtu titwila lejn il-qasam inviżibbli tas-sema. Nistidnuk biex teżaminahom iktar bir-reqqa. Għalkemm mhux kulma jiġi deskritt fil-viżjonijiet għandu jittieħed letterali, dawn jistgħu jgħinuk mhux biss biex iġġib quddiem għajnejk lil dawk li jgħixu fis-sema imma wkoll biex tifhem kif jistgħu jeffettwawk.

ĠEĦOVA HU L-WIEĦED SUPREM

“Kien hemm tron f’postu fis-sema, u fuq it-tron kien hemm wieħed bil-qiegħda. U d-dehra taʼ dak li kien bil-qiegħda kienet bħal ħaġra tad-djaspru u ħaġra prezzjuża taʼ lewn aħmar, u madwar it-tron kien hemm qawsalla li kienet tidher bħall-iżmerald.”—Rivelazzjoni 4:2, 3.

“Hu kien imdawwar kollu bid-dija. U kien hemm xi ħaġa qisha l-qawsalla li tfiġġ fis-sħab f’jum taʼ xita qawwija. Hekk kienet tidher id-dija dawramejt. Kienet tixbah il-glorja taʼ Ġeħova.”—Eżekjel 1:27, 28.

Dawn il-viżjonijiet, li ngħataw lill-appostlu Ġwanni u l-profeta Eżekjel, jiddeskrivu l-ġmiel tal-Alla l-Iktar Għoli, Ġeħova, b’affarijiet li nistgħu nġibu quddiem għajnejna b’mod faċli—ħaġar prezzjuż li jgħammex, qawsalla, u tron maestuż. Dawn jgħinuna nifhmu li l-preżenza taʼ Ġeħova hi waħda tal-għaġeb f’dak li hu ġmiel, sbuħija, u serenità.

Dawn id-deskrizzjonijiet t’Alla jaqblu mal-kliem tas-salmista li kiteb: “Ġeħova hu kbir u jistħoqqlu kull tifħir. Iqanqal il-biżaʼ iktar mill-allat l-oħrajn kollha. Għax l-allat kollha tal-popli huma allat bla siwi; imma Ġeħova għamel is-smewwiet. Id-dinjità u l-glorja qegħdin quddiemu; is-saħħa u s-sbuħija qegħdin fis-santwarju tiegħu.”—Salm 96:4-6.

Għalkemm Ġeħova hu l-Wieħed Suprem, hu jistidinna biex navviċinawh fit-talb u jaċċertana li jismagħna. (Salm 65:2) Alla jħobbna u jimpurtah minna tant li l-appostlu Ġwanni b’sinċerità setaʼ jikteb: “Alla hu mħabba.”—1 Ġwanni 4:8.

ĠESÙ QIEGĦED FUQ IL-LEMINIJA T’ALLA

“[Id-dixxiplu Kristjan Stiefnu] billi kien mimli bl-ispirtu qaddis, ħares fiss lejn is-sema u ra l-glorja t’Alla u lil Ġesù fuq il-leminija t’Alla u qal: ‘Ara! Qed nara s-smewwiet miftuħin u Bin il-bniedem fuq il-leminija t’Alla.’”—Atti 7:55, 56.

Ftit qabel ma Stiefnu kellu din il-viżjoni, Ġesù ngħata l-mewt minħabba t-tixwix tal-istess nies li Stiefnu kien qed jindirizza—il-mexxejja Lhud. Il-viżjoni kkonfermat li Ġesù kien ħaj u li kien  ġie rxoxtat u onorat. Dwar dan, l-appostlu Pawlu kiteb: “[Ġeħova] qajjem lill-Kristu mill-imwiet u qiegħdu bil-qiegħda fil-leminija tiegħu fil-postijiet tas-sema, ħafna iżjed ’il fuq minn kull gvern u awtorità u qawwa u ħakma u kull isem li jissemma, mhux biss f’din is-sistema, imma wkoll f’dik li ġejja.”—Efesin 1:20, 21.

L-Iskrittura minbarra li tiddeskrivi l-pożizzjoni għolja taʼ Ġesù, turi wkoll li Ġesù, bħal Ġeħova, jimpurtah ħafna mill-bnedmin. Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù fejjaq lill-morda u qajjem lill-mejtin. Permezz tal-mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, hu wera l-imħabba kbira tiegħu għal Alla u għall-bnedmin. (Efesin 2:4, 5) Peress li qiegħed fuq il-leminija t’Alla, Ġesù daqt se juża l-awtorità u se jġib barkiet kbar għan-nies ubbidjenti kollha.

L-ANĠLI JAQDU LIL ALLA

Il-profeta Danjel kiteb: “Bqajt inħares sakemm tqiegħdu tronijiet u x-Xiħ fil-Jiem [Ġeħova] qagħad bil-qiegħda. . . . Kien hemm elf eluf li kienu jaqduh kontinwament, u għaxart elef għal għaxart elef darba li kienu weqfin quddiemu.”—Danjel 7:9, 10.

F’din il-viżjoni tas-sema, Danjel ma rax biss anġlu wieħed imma għadd kbir t’anġli. X’viżjoni tal-għaġeb żgur kienet! L-anġli huma persuni spirti glorjużi, intelliġenti, u b’saħħithom. Dawn jinkludu serafini u kerubini. Il-Bibbja ssemmi l-anġli iktar minn 250 darba.

L-anġli mhumiex nies li qabel kienu jgħixu fuq l-art. Alla ħalaq l-anġli ħafna qabel ma ħalaq il-bniedem. Meta Alla ħalaq l-art, l-anġli kienu preżenti biex josservaw u biex jgħajtu b’tifħir.—Ġob 38:4-7.

Mod wieħed kif l-anġli qed jaqdu lil Alla hu billi jkunu involuti fix-xogħol l-aktar importanti li qed isir fuq l-art illum—jiġifieri li tixxandar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Is-sehem tagħhom f’dan ix-xogħol kien irrivelat f’viżjoni li ngħatat lill-appostlu Ġwanni li kiteb: “Rajt anġlu ieħor itir f’nofs is-sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha bħala bxara taʼ ferħ lil  dawk li jgħammru fuq l-art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Rivelazzjoni 14:6) Għalkemm illum l-anġli ma jitkellmux man-nies bħalma għamlu xi drabi fil-passat, huma jiggwidaw lil min iwassal l-aħbar tajba għand in-nies taʼ qalb onesta.

SATANA JQARRAQ B’MILJUNI

“Faqqgħet gwerra fis-sema: Mikiel [Ġesù Kristu] u l-anġli tiegħu tqabdu mad-dragun, u d-dragun u l-anġli tiegħu tqabdu imma ma rebaħx, u ma kienx għad hemm post għalihom fis-sema. Għalhekk, twaddab għal isfel id-dragun il-kbir, is-serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana, li qed iqarraq bl-art abitata kollha; twaddab ’l isfel lejn l-art, u l-anġli tiegħu twaddbu għal isfel miegħu.”—Rivelazzjoni 12:7-9.

Fis-sema mhux dejjem kien hemm il-paċi. Fil-bidu nett tal-istorja umana, wieħed mill-anġli, tant xtaq li jiġi meqjum li rribella kontra Ġeħova, hu sar Satana, jiġifieri “Wieħed li Jopponi.” Iktar tard, anġli oħrajn ingħaqdu fir-ribelljoni u saru demonji. Peress li huma mill-agħar, opponew bl-aħrax lil Ġeħova u wasslu lill-maġġorparti tan-nies biex ma jobdux id-direzzjoni kollha mħabba taʼ Ġeħova.

Satana u d-demonji tiegħu huma mill-agħar u krudili. Huma l-għedewwa tal-bniedem u għandhom sehem kbir f’li jikkaġunaw is-sofferenzi li hawn fuq l-art. Pereżempju, Satana qatel l-annimali u l-qaddejja taʼ Ġob, raġel leali. Imbagħad, qatel lill-għaxart itfal taʼ Ġob billi bagħat “riħ qawwi” li waqqaʼ d-dar li kienu fiha. Wara dan kollu, Satana laqat lil Ġob bi “msiemer li ma jfiqux minn qiegħ saqajh sal-qorriegħa taʼ rasu.”—Ġob 1:7-19; 2:7.

Però, Satana dalwaqt se jinqered. Minn mindu twaddab ’l isfel lejn l-art, hu “jaf li żmien qasir baqagħlu.” (Rivelazzjoni 12:12) Satana se jisfaxxa fix-xejn, u din żgur li hi aħbar tajba!

DAWK LI ĠEJJIN MILL-ART

Ġesù ‘xtara għal Alla bnedmin minn kull tribù u lsien u poplu u ġens, u għamilhom saltna u qassisin għal Alla tagħna, u se jsaltnu għal fuq l-art.’—Rivelazzjoni 5:9, 10.

Bħalma Ġesù ġie rxoxtat mill-art għall-ħajja fis-sema, oħrajn ukoll se jiġu rxoxtati bl-istess mod. Ġesù qal lill-appostli leali tiegħu: “Sejjer inħejji post għalikom. U . . . nerġaʼ niġi u nilqagħkom id-dar għandi, biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll.”—Ġwanni 14:2, 3.

 Dawk li jmorru s-sema jmorru hemm għal skop. Flimkien maʼ Ġesù, dawn se jifformaw Saltna, jew gvern fis-sema, u eventwalment se jmexxu fuq in-nies kollha tal-art u se jġibulhom barkiet. Din hi s-Saltna li Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għaliha fit-talba mudell: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.”—Mattew 6:9, 10.

DAWK LI JMORRU FIS-SEMA X’SE JAGĦMLU?

L-appostlu Ġwanni kiteb: “Smajt leħen għoli ġej mit-tron u qal: ‘Ara! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, . . . u jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.’”—Rivelazzjoni 21:3, 4.

Din il-viżjoni profetika tipponta lejn iż-żmien meta s-Saltna t’Alla, magħmula minn Ġesù u dawk irxoxtati mill-art, se ġġib fit-tmiem il-ħakma taʼ Satana u tagħmel l-art ġenna. L-affarijiet li jikkaġunaw tant uġigħ u dwejjaq lill-bnedmin mhux se jibqgħu jeżistu. Saħansitra l-mewt mhix se tibqaʼ iżjed.

Imma xi ngħidu għal dawk il-biljuni li mietu u li mhux se jiġu rxoxtati għas-sema? Fil-futur, se jingħataw lura l-ħajja bil-possibbiltà li jgħixu għal dejjem f’din l-art magħmula Ġenna.—Luqa 23:43.

Dawn il-viżjonijiet jaċċertawna li Alla Ġeħova u Ibnu, Ġesù Kristu, kif ukoll l-anġli leali u dawk li nxtraw mill-art, jimpurtahom ħafna minna u jixtiqulna l-ġid. Biex titgħallem iktar dwar x’se jagħmlu, aħna nistidnuk biex tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova jew tmur fil-Websajt tagħna, www.jw.org/mt, u tniżżel il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?