Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-​BIBBJA TBIDDEL IL-​ĦAJJIET

Tgħallimt nirrispetta lin-nisa u lili nnifsi

Tgħallimt nirrispetta lin-nisa u lili nnifsi
  • SENA TAT-​TWELID: 1960

  • POST TAT-​TWELID: FRANZA

  • PASSAT: BIL-​VIZZJU TAD-​DROGA, VJOLENTI, BLA RISPETT LEJN IN-​NISA

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Jien twelidt Mulhouse, fil-​Grigal taʼ Franza, fi nħawi tal-​klassi tal-​ħaddiema magħrufin għall-​vjolenza li kien fihom. Tfuliti niftakarha mimlija ġlied vjolenti fost familji li kienu jgħixu hemm. Fil-​familja tagħna, in-​nisa ma kinux jintwerew rispett u l-​irġiel rari kienu jieħdu l-​parir tagħhom. Tgħallimt li post in-​nisa kien fil-​kċina, jieħdu ħsieb l-​irġiel u t-​tfal.

Tfuliti ma kinitx faċli. Meta kelli għaxar snin, missieri miet minħabba x-​xorb żejjed. Ħames snin wara, wieħed minn ħuti ikbar minni għamel suwiċidju. L-​istess sena, waqt tilwima li kienet ilha għaddejja f’familja, rajt qtil u xxokkjajt ruħi bil-​kbir. Membri tal-​familja għallmuni kif nuża l-​armi u biex niġġieled kull meta kienu jirrikjedu ċ-​ċirkustanzi. Kont raġel żagħżugħ żbilanċjat emozzjonalment, u bdejt niksi ġismi bit-​tpinġija u nixrob.

Sakemm kelli 16-​il sena, kont qed nixrob bejn 10 u 15-​il flixkun birra kuljum, u ma domtx ma bdejt nieħu d-​drogi. Biex inħallas għall-​vizzji li kelli, kont inbigħ il-​ħadid għall-​iskrapp u waqajt għas-​serq. Sa ma kelli 17, kont diġà qattajt xi żmien il-​ħabs. B’kollox, irċivejt 18-​il sentenza għal serq u vjolenza.

Meta kelli bejn 20 u 25 sena, is-​sitwazzjoni qalbet għall-​agħar. Kont inpejjep sa 20 sigarett tal-​marijuana kuljum u kont nieħu l-​eroina u sustanzi illegali oħra. Diversi drabi kważi mitt b’overdose tad-​droga. Bdejt nittraffika d-​drogi, u għalhekk dejjem kelli l-​armi fuqi. Darba pprovajt nispara fuq raġel, imma fortunatament, salvatu l-​bokkla taċ-​ċinturin! Meta kelli 24 sena mietet ommi, u r-​rabja tiegħi żdiedet. In-​nies kienu jaqsmu t-​triq għax kienu jibżgħu meta jarawni ġej. Minħabba l-​ġlied, spiss qattajt tmiem il-​ġimgħa l-​għassa tal-​pulizija jew l-​isptar biex idewwuli l-​ġrieħi.

Taʼ 28 sena żżewwiġt. Bħalma tistaʼ tobsor, ma ttrattajtx lil marti b’rispett. Kont ninsultaha u nsawwatha. Ma konna nagħmlu xejn flimkien bħala koppja. Kont naħseb li kien biżżejjed nagħtiha ħafna ġojjellerija misruqa. Imbagħad ġrat xi ħaġa bla mistenni. Marti bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Wara l-​ewwel studju tagħha, waqfet tpejjep, irrifjutat taċċetta iżjed flus misruqin, u tatni lura l-​ġojjellerija tagħha. Xgħelt  bir-​rabja. Opponejt għall-​istudju tagħha tal-​Bibbja u kont nonfoħ id-​duħħan tas-​sigaretti f’wiċċha. Kont ukoll nirredikolaha fl-​inħawi fejn konna noqogħdu.

Lejla waħda, meta kont fis-​sakra tajt in-​nar lill-​appartament tagħna. Marti salvat mill-​fjammi lili u lit-​tifla li dak iż-​żmien kellha ħames snin. Meta ġejt f’tiegħi, kont mikul bil-​ħtija. Fil-​fond taʼ qalbi ħassejt li Alla qatt ma setaʼ jaħfirli. Niftakarni nismaʼ lil wieħed qassis jgħid li l-​ħżiena jmorru l-​infern. Il-​psikjatra tiegħi kien qalli: “Spiċċa kollox għalik! M’hemmx tama.”

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Wara li ħraqt l-​appartament tagħna, morna ngħixu mal-​ġenituri tal-​mara. Meta x-​Xhieda ġew iżuru lil marti, staqsejthom, “Jistaʼ Alla jaħfirli għad-​dnubiet kollha li għamilt?” Urewni l-​1 Korintin 6:9-​11 fil-​Bibbja. Dik is-​silta fiha tipi taʼ kondotta li jikkundanna Alla, imma żżid: “Hekk kienu xi wħud minnkom.” Dan il-​kliem tani l-​assiguranza li kien possibbli ninbidel. Imbagħad ix-​Xhieda żgurawni li Alla jħobbni billi wrewni l-​1 Ġwanni 4:8. Mimli kuraġġ tlabthom jistudjaw il-​Bibbja miegħi darbtejn fil-​ġimgħa, u bdejt nattendi l-​laqgħat Kristjani tagħhom. Tlabt lil Ġeħova kontinwament.

F’temp taʼ xahar, iddeċidejt naqtaʼ d-​drogi u x-​xorb. Ma domtx ma indunajt li nqalgħet gwerra ġo ġismi! Bdejt noħlom ikrah, nesperjenza wġigħ taʼ ras, qtugħ taʼ laħam, u sintomi taʼ astinenza oħra. Però, fl-​istess ħin, ħassejt li Ġeħova kien qed iżommli idi u jsaħħaħni. Ħassejtni bħalma ħassu l-​appostlu Pawlu. Pawlu kiteb hekk dwar l-​għajnuna li tah Alla: “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.” (Filippin 4:13) Maż-​żmien, irnexxieli naqtaʼ s-​sigaretti.—2 Korintin 7:1.

Minbarra li għenitni nikseb kontroll taʼ ħajti, il-​Bibbja tejbet il-​ħajja tal-​familja tagħna. L-​attitudni lejn marti nbidlet. Bdejt nuriha iżjed rispett u ngħid “jekk jogħġbok” u “grazzi.” Ukoll bdejt inkun missier veru għal bintna. Wara li studjajt il-​Bibbja għal sena, segwejt l-​eżempju taʼ marti u ddedikajt ħajti lil Ġeħova u tgħammidt.

KIF IBBENEFIKAJT:

Jien ċert li l-​prinċipji Bibliċi biddluli ħajti. Anki l-​familja tiegħi li mhumiex Xhieda jgħidu li kieku ma kontx Xhud kont immut bl-​abbuż tad-​droga jew kont ninqatel f’xi ġlieda.

Il-​ħajja tal-​familja tiegħi nbidlet għalkollox permezz tat-​tagħlim mill-​Bibbja li jispjega r-​responsabbiltajiet tiegħi bħala raġel miżżewweġ u missier. (Efesin 5:25; 6:4) Bdejna nagħmlu l-​affarijiet flimkien bħala familja. Issa, minflok ma nżomm lil marti fil-​kċina, jien nappoġġjaha bil-​ferħ fl-​attivitajiet tagħha bħala evanġelizzatriċi full-​time. U hi ferħana tappoġġja lili fl-​irwol tiegħi taʼ anzjan fil-​kongregazzjoni.

L-​imħabba u l-​ħniena taʼ Alla Ġeħova effettwawli ħajti profondament. Għandi xewqa qawwija li nitkellem dwar il-​kwalitajiet tiegħu maʼ dawk li jitqiesu li m’hemmx tama għalihom, għax ħafna qiesu lili hekk. Jien naf li l-​Bibbja għandha l-​qawwa tgħin lil kull min irid isib ħajja nadifa u bi skop. Mhux biss għallmitni nħobb u napprezza lil oħrajn, kemm irġiel u kemm nisa, imma l-​Bibbja ppermettietli wkoll nirrispetta lili nnifsi.